Legislature:
Category:
Reset
Active:

persuni li qed jagħmlu programm kontra d-droga u x-xorb

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li fil-preżent qed jagħmlu l-programm kontra d-droga u kontra l-vizzju tax-xorb eċċessiv?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta' persuni li fil-preżent qed jagħmlu l-programm kontra d-droga huwa ta’ 19-il persuna li qed jaghmlu program residenzjali u 266 li qed jaghmlu program fil-komunità. In-numru ta' persuni li fil-preżent qed jagħmlu l-programm kontra l-vizzju tax-xorb eċċessiv huwa ta’ 6 persuni li qed jaghmlu program residenzjali u 209 li qed jaghmlu l-programm fil-komunità.

Kundizzjonijiet ta' care workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux qed isiru spezzjonijiet u indaġni dwar il-kundizzjonijiet u pagi tal-ħaddiema li jaħdmu bħala care workers mal-kuntratturi u jagħtu s-servizz tagħhom lill-istituzzjonijiet tal-istat? Jekk saru dawn l-ispezzjonijiet, kemm saru minnhom u x'irriżulta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Aġenziji — għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk xi waħda mill-aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, (bħal Appoġġ), jiġbru informazzjoni dwar tfal jew żgħażagħ taħt 18-il sena li m'għandhomx fejn jorqdu, matul il-lejl? Jekk iva, x'inhi l-informazzjoni, f'numru ta' persuni involuti, lokalità lokalità? X'inhuma l-etajiet ta' dawk involuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Appoġġ ma tiġborx informazzjoni dwar tfal jew żgħażagħ, taħt 18-il sena li m'għandhomx fejn jorqdu, matul il-lejl.

Course ta' Aircraft Maintenance Technician — on the job training

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-course ta’ Aircraft Maintenance Technician (leading to part 66 CAT B1.1 Examination) 2009 - 2011 m’għandux on the jobtraining bħalma għandhom il-korsijiet kollha ta’ dan it-tip, imma li huma ta' snin oħrajn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar il-kors tal- Aircraft Maintenance Technician – CAT B1,1” ġiet ippubblikata fil- Prospectus tal-MCAST tal-2009-2010. Skont il- Prospectus , dan kien kors ta’ 24 xahar full-time u ma kien qatt indikat jew maħsub li jinkludi on the job training (OJT). Madankollu, student f’dan il-kors ingħataw taħriġ prattiku fil-werkxops approvati tal-MCAST stess. Isiru wkoll sessjonijiet qosra ta’ taħriġ f’kumpaniji ta’ manutenzjoni tal-ajruplani, taħriġ li ma jaqax strettament taħt il-parametri tal-OJT.

Course ta' Aircraft Maintenance Technician — on the job training

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk qattx kienet informata li l-kors ta’ Aircraft Maintenance Technician (leading to part 66 CAT B1.1 Examination) 2009 - 2011 m’għandux on the job training bħalma għandhom il-korsijiet kollha ta' dan it-tip? Tista’ tgħid x’passi ttieħdu ħalli l-iżvantaġġ li għandhom l-istudenti f’dan il-kors jiġi rimedjat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull sena, l-MCAST jippublika Prospectus li jagħti d-dettalji kollha tal-korsijiet li l-kulleġġ ikun ser joffri matul is-sena skolastika lit kun għad trid tibda. Fil- Prospectus tal-2008-2009 il-kulleġġ kien f’pożizzjoni li joffri kors partikolari b’kundizzjonijiet partikolari. Fil-waqt li dan il-kors ġie reklamat taħt l-iskema tal-apprentistat, dak fil- Prospectus tas-sena ta’ wara u li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant jgħid ċar li l-kors huwa ta’ sentejn full-time u mkien ma jissemma l-apprentistat. Dan l-istudenti kienu jafuh sa mill-bidu nett.

skema Insaħħu l-Komunità — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid bi tnedija tal-iskema b'risq ir-riġenerazzjoni fl-oqsma tal-bini tal-gvern bl-isem "Insaħħu l-Komunità", kemm applikaw kunsilli lokali biex jibbenefikaw minn din l-iskema? Liema huma? Kemm ġew aċċettati? Kif se taħdem eżatt din l-iskema? Meta se tidħol fis-seħħ u kemm se jibbenefika fi flus kull kunsill lokali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 24259 tas-Seduta 325

binjiet residenzjali tal-gvern — programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta mistennija li tibda l-iskema tal-programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali tal-gvern li tħabbret ftit taż-żmien ilu bl-involviment tal-kunsilli lokali? Kif mistennija li taħdem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 24260 tas-seduta 325

binjiet residenzjali tal-gvern — programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fid-dawl tal-iskema il-ġdida għal programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali tal-gvern li jkopri 1,209 ta' postijiet tal-gvern, fejn jinsabu dawn il-binjiet ċioe indirizz ta' kull binja u f'kemm-il unit tikkonsisti kull binja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

binjiet residenzjali tal-gvern — programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fid-dawl tal-iskema il-ġdida għal programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali tal-gvern kemm qed jippjana f'numru ta' binijiet l-gvern li jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta' dawn il-partijiet kull sena? Liema huma l-binjiet għal din is-sena? Liema huma il-binjiet għas-sena d-dieħla? Liema huma l-binjiet għas-sena 2013? X'kriterji uża l-gvern biex jintagħżlu dawn il-binjiet? Kif ġew involuti l-kunsilli lokali s'issa f'din l-iskema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Se ssir manutenzjoni ta’ medja ta’ 200 binja kull sena għal dawn is-6 snin li ġejjin u tqassmu fis-sekwenza skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-kriterji użati huma l-kriterji li kienu mħabbra fil-bidu ta’ din l-iskema jiġifieri skond l-ammont ta’ binjiet fil-lokalità, l-kundizzjoni tagħhom, meta inbnew u d-diversi talbiet li saru għal manutenzjoni. Il-kunsilli ġew involuti mill-bidu nett u wara diversi laqgħat mal-Awtorità tad-Djar, il-kundizzjonijiet ta’ l-iskema ġew mibnija fuq is-suġġerimenti tal-istess kunsilli. Tajjeb li ngħidu li anke l-Assoċazzjoni tal-Kunsilli kienet preżenti għal dawn il-laqgħat u offriet is-suġġerimenti tagħha wkoll u anke qablet magħhom.

binjiet residenzjali tal-gvern — programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni

Question

Tista' l-Ministru, fid-dawl tal-iskema l-ġdida għal programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali tal-gvern, tikkonferma li l-flus se jitqassmu lill-kunsilli lokali wara li jitlestew ix-xogħlijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-flus se jingħataw wara li jsir ix-xogħol kollu kif stipulat fil-kundizzjonijiet. Se jkun hemm ftehim formali ma’ kull Kunsill Lokali.

Università ta' Malta — interviews għal beadle

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw għall-aħħar sejħa tal-Beadle fl-Università ta' Malta? Kemm saru interviews? Kemm se jidħlu u meta? Kemm hemm fuq il-waiting list? Tista' tgħid ukoll kemm minnhom huma rreġistrati bħala persuna b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm 147 applikant għall-post tal-Beadle fl-Università u 116-il applikant kien msejjaħ għal interview. Ġew magħżula 11-il persuna u qegħdin fuq il-waiting list. Ħadd minn dawn il-persuni ma avża lill-Università li huma rreġistrati bħala persuna b’diżabilità.

Bormla — toroq - slum clearance

Question

Tista' l-Ministu tgħid jekk il-blokka bini hi hemm fi Triq il-Pellegrinaġġ kantuniera ma' Sqaq l-Iskoċċiżi, Bormla hux se jkun involut fl-islum clearance li se jsir fis-snin li ġejjin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħala parti mill-progett ta’ reġenerazzjoni urbana f’din iż-żona ta’ Bormla, fil-preżent għaddejja ħidma mill-Awtorità Tad-Djar biex ikun jista’ jitwaqqa’ l-bini bejn Triq l-Irlandiżi u Triq Hanover. Huwa ppjanat li din iż-żona tiġi riabilitata kollha fis-snin li ġejjin.

Għajnuna supplimentari

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24348, billi jirriżulta li hawn iktar minn 24,000 persuna maqsuma kważi indaqs bejn irġiel u nisa, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar x'jista' jwassal biex persuna kemm jekk femminili, kif ukoll maskili, tista' tkun intitolata għall-għajnuna supplimentari?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kriterji sabiex persuna tkun intitolata għall-għajnuna supplimentari huma illi l-persuna trid tkun kap ta’ familja jew persuna li tgħix waħedha, id-dħul annwali ma jeċċedix €10,330 jekk l-applikant hu miżżewweġ u jmantni il-konjuġi u mhux intitolat għall-allowance tat-tfal jew ġenitur waħdu li mhux intitolat għall-allowance tat-tfal u, € 8,162 jekk persuna waħedha. Inżid ukoll illi id-dħul annwali jinkludi fost oħrajn interessi li ġejjin minn flus depożitati fil-banek, dħul minn kirjiet, dħul minn pensjoni fejn l-applikant hu pensjonant, is-salarju fejn l-applikant hu impjegat jew il-profitti fejn l-applikant għandu attivita ekonomika għal rasu.

Maltapost Plc — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 24152 u 24329 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u wara lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment u li issa ġiew riferuti lilha u tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-Maltapost Plc? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu mal-Maltapost f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ in-numru ta` ħaddiema li jaħdmu mal-Maltapost hu ta` 635 persuna fuq bazi “full time” u “part time”. Fir-rigward ta` numru ta` Għawdxin li jaħdmu f’Malta u Għawdex, l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma għandiex din l-informazzjoni.

Bachelor of Arts in Legal and Humanistic Studies

Question

B’referernza: a) għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23680 fejn qalet li l–B.A Hons. European Studies, il-B.A. International Relations kif ukoll l-M.A Diplomatic Studies ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti għal xi waħda mill-kwalifikazzjonijiet terzjarji fil-Business Administration, Management jew Commerce għall-fatt li l-kwalifiki msemmija huma differenti u distinti minn xulxin tant li jaqgħu taħt fakultajiet differenti, b) għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 24389 fejn qalet li l-Bachelor of Arts in Legal and Humanistic Studies u l-grad simili preżenti - il-Bachelor of Laws - li ġie żviluppat warajh u l-istudenti bdew jiggradwaw fih minn Novembru 2006, huwa tal-istess livell tal-kwalifiki ta’ Bachelor li l-Unversità tagħti fil-Business Administration, Management, Commerce u fi kwalunkwe qasam ieħor u li l-gradi ta’ Bachelor tal-Università huma kollha fil-livell 6 tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki; tista’ l-Ministru tgħid għaliex bidlet il-kriterji li jistabilixxu l-ekwivalenza tal-kwalifikazzjonijiet terzjarji Universitarji? Tista’ tgħid jekk, ladarba l-grad fil-Bachelor of Laws huwa fl-istess livell 6 tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki bħalma huwa grad fil-Baċellerat fil-Malti, gradwat fil-Malti huwiex eliġibbli biex japplika għall-pożizzjoni li titlob kwalifika ta’ grad ta’ Baċellerat fil-Liġi jew ekwivalenti? Wieħed b’dottorat fil-Mediċina f’livell tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki bħalma huwa dottorat fil-liġi huwa eliġibbli biex japplika għall-post ta’ avukat li jitlob dottorat fil-liġi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-gradi kollha li l-Università tagħti fil-livell ta’ Bachelor jaqgħu kollha fil-Livell 6 tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK). Għaldaqstant jekk sejħa għall-applikazzjonijiet tilob grad ta’ Bachelor mingħajr ma jissemma’ l-ebda suġġett jew qasam ta’ studju, kwalunkwe grad ta’ Bachelor ikun f’liema suġġett ikun huwa eliġibbli. Iżda jekk is-sejħa għall-applikazzjonijiet titlob grad ta’ Dottorat fil-Mediċina gradwat li għandu Dottorat fil-Liġi ma jkunx eliġibbli għalkemm dawn iż-żewġ kwalifiki jaqgħu fl-istess livell tal-QNK. L-istess jgħodd fil-każ ta’ Bachelor fil-Malti, li għalkemm huwa fl-istess Livell 6 tal-QNK, ma jistax jiġi ppreżentat jekk is-sejħa għall-applikazzjonijiet titlob grad ta’ Bachelor fil-Liġi jew f’xi suġġett ieħor.

Pensjoni tas-Servizzi Ingliż

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'pożizzjoni ħa u x'politika għandu l-Gvern Malti dwar il-pensjoni tas-Servizzi Ingliż li uħud mill-anzjani tagħna għandhom id-dritt li jieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kif diġà ntqal fid-diskors tal-‘Budget’ tal-2008 biex dawk il-pensjonanti li għandhom pensjoni tas-servizz, u mhux biss dawk tas-servizzi ingliżi, jingħataw il-pensjoni sħiħa taż-żewġ terzi in-nefqa titla għall-39.6 il-miljun euro ghal kull sena. Peress il-pajjiż ma jiflaħx għal din iż-żieda f’daqqa, bdejna nindirizzaw din il-kwistjoni billi għas-snin 2008, 2009 u 2011 injorajna €466, €200 u €200 mill-pensjoni tas-servizz rispettivament. B’kollox illum qed ninjoraw €866 mill-pensjoni tas-servizz fil-kalkolu tal-pensjoni tas-sigurtà soċjali. Jekk il-pajjiż ikompli jimxi 'l quddiem ekonomikament, inkomplu nnaqqsu minn din il-pensjoni tas-servizz b’mod li fuq medda ta’snin raġjonevoli nkunu solvejna din il-kwistjoni.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Famlija — kuntratti

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda tal-kuntratti kollha għas-sena 2010 ta' servizz ta' sigurtà u servizz ta' tindif mogħtija lill-kumpaniji u kuntratturi privati minn dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, inkluż il-prezz li ngħata bih dan il-kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Informazzjoni dwar NGOs

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista kollha ta' non government organisations li hawn Malta u Għawdex u l-indirizz ta' kuntatt ta' kull wieħed minn dawn l-NGOs?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skejjel tal-gvern — kunsilli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn kunsilli tal-istudenti fl-iskejjel tal-gvern? Tista' tgħid kif jitwaqqfu dawn il-kunsilli? Huwa obbligatorju li jkun hemm kunsilli simili f’kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm 61 kunsill tal-istudenti fl-iskejjel Primarji u 28 kunsill tal-istudenti fl-iskejjel Sekondarji. Fil-livell primarju l-għalliema tal-Personal and Social Development (PSD) iħejju lill-istudenti għall-proċess elettorali waqt il-lezzjonijiet tagħhom peress li dan hu parti mis-sillabu tal-PSD. Wara dawn il-lezzjonijiet jibda l-proċess permezz tan-nominazzjonijiet mill-istudenti, issir il-kampanja elettorali billi l-istudenti jippreżentaw posters tagħhom infushom u jitkellmu waqt l-Assemblea ta’ fil-għodu. Ikun hemm mbagħad jum il-votazzjoni fl-iskola li din tkun immexxija mill-istudenti stess kemm bħala kummissarji elettorali kif ukoll bħala ‘ counting agents ’ taħt is-supervizjoni tal-għalliema. Fl-iskejjel Sekondarji jsir l-istess proċess bl-għajnuna tal-għalliema tal-PSD jew tal-Istudji Soċjali. Huwa obbligatorju bil-liġi li jkun hemm kunsilli simili f’kull skola.