Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #15974 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kull persuna li tinsab l-ħabs

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 11838 li saret fil-leġislatura l-oħra fit-3 ta' Mejju, 2005, jista' l-Ministru jgħid kemm tiswa llum fis-sena lill-pajjiż b'mod medju kull persuna li tinsab il-ħabs? Kemm hemm persuni l-ħabs illum? Ta' liema sess? Ta' liema nazzjonalità? Minn liema belt jew raħal ġejjin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-31 ta' Marzu 2010 l-ammont ta' priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kien ta' 590, (43 mara u 547 raġel). Infurmat ukoll illi kull priġunier iqum bejn wieħed u ieħor €50 kuljum. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għar-raba' u l-ħames domandi.
Leg 11 PQ #15975 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Piena ta' life imprisonment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum li qed iservu piena ta' life imprisonment?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sal-aħħar ta' Marzu 2010 kien hemm tmien persuni fil-Faċilità Korrettiva Kordin li qed iservu piena ta' life sentence, ħamsa Maltin u tlieta barranin.
Leg 11 PQ #15996 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — attivitajiet/konferenzi/taħditiet organizzati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet/konferenzi/taħditiet ġew organizzati mill-ministeru u mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur? X'kienet l-attività? X'kienet l-ispiża involuta? Kien hemm xi ko-finanzjament għal dawn? Jekk fl-affermattiv minn min sar il-ko-finanzjament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra meta l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni se jiddaħħal fis-seħħ u r-raġunijiet għalfejn għadu ma daħalx fis-seħħ meta ġie approvat f’Lulju 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi permezz ta’ l-Avviż Legali 218 ta’ l-2009, li ġie pubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern datata 31 ta’ Lulju 2009, daħlu fis-seħħ l-artikoli 2, 4, 5, 17, 21(1), (2), (6) u (7), 22, 46 u 47(1) tal-Att tal-2008 dwar il-Libertà tal-Informazzjoni. Barra minn hekk, permezz tal-Avviżi Legali 157, 158, 159 u 160 ta’ l-2010, li ġew pubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern datata 18 ta’ Marzu 2010, ġew fis-seħħ Regolamenti hekk kif provdut skont l-artikoli 41 u 42 ta’ l-imsemmi Att.

Bormla — periklu ta' gallarijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Għassa tal-Pulizija ta' Bormla tieħu l-passi neċessarji biex jitneħħa l-periklu li hemm fil-gallariji tal-post li dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li qed ikun ta' periklu għal terzi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġà bdiet tieħu l-azzjoni meħtieġa billi talbet li ssir spezzjoni mill-Perit tal-Gvern u jinħareġ rapport fuq dan il-każ sabiex tittieħed azzjoni immedjata.
Leg 11 PQ #15769 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

medjazzjonijiet quddiem il-medjatur fil-Qorti tal-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl aħħar sentejn (sena b'sena) kemm saru talbiet lir-reġistratur għall-medjazzjoni quddiem il-medjatur fil-qorti tal-familja? Kemm minn dawn it-talbiet wasslu għar-rikonċiljazzjoni tal-partijiet? Kemm minn dawn it-talbiet ġew konklużi mill-medjatur stante falliment tal-medjazzjoni? Kemm minn dawn it-talbiet wasslu għal separazzjoni bonarja? Kemm instemgħu medjazzjonijiet fl-aħħar sentejn (sena b'sena) mill-medjaturi skont l-isem tal-medjatur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — kariga ġdida għal ex direttur

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ex Direttur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, hux qed jokkupa xi kariga ġdida fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li permezz tagħha huwa konċess lilu li janalizza files u jikseb aċċess f'uffiċini?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-persuna indikata ma tokkupa l-ebda kariga fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin.
Leg 11 PQ #15969 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Każi ta' strupri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru stupri f’pajjiżna fis-snin 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009 u x’sentenzi ngħataw lil dawk il-persuni li ikkommettew dan ir-reat gravi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' każijiet ta' stupri f'pajjiżna fis-snin imsemmija kien kif ġej:- 2005 7 2006 13 2007 11 2008 33 2009 27 Total 91 Infurmat ukoll li t-tip ta' sentenzi li ngħataw lill-persuni li kkommettew dan ir-reat gravi kien kif ġej:-

Permessi ta' kaċċaturi u nassaba

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom permess ta' kaċċatur, ta' nassab u kemm hawn li għandhom it-tnejn f'daqqa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 10,786 kaċċatur u 2,937 nassab li huma reġistrati. Minn dawn hemm 6,737 kaċċatur u 1,453 nassab li għandhom il-liċenzja mġedda. Infurmat ukoll li fil-preżent hemm 1,950 li għandhom kemm il-liċenzja ta' kaċċatur kif ukoll dik ta' nassab f'daqqa. Minn dawn hemm 1,126 li għandhom il-liċenzja mġedda.
Leg 11 PQ #16044 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kawżi quddiem maġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu inkjesti lil kull maġistrat fis-snin 2008, 2009 u 2010? Kemm minnhom intbagħtu lill-Avukat Ġenerali għaliex huma magħluqa? Jista' jgħid kemm għandhom kawżi ċivili pendenti l-maġistrati li jagħmlu ċ-ċivil? Kemm daħlu kawżi ġodda fis-sena 2009 u kemm iddeċieda kawżi kull maġistrat li għamel iċ-ċivil fis-snin 2009 u 2010? Jista' jgħid kemm għandhom kawżi li ihom pendenti għal aktar minn ħames snin dawk il-maġistrati li jagħmlu l-kriminal? Jista' jgħid kemm taw sentenzi l-Imħallfin tal-Prim Awla fis-snin 2009 u 2010? Kemm għandhom kawżi, b'mod individwali, diferiti għas-sentenza? Jista' jgħid kemm daħlu rikorsi kostituzzjonali fis-snin 2009 u 2010? Kemm minnhom ġew deċiżi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #16045 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Kawżi pendenti quddiem Maġistrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu inkjesti lil kull maġistrat fis-snin 2008 u 2009 ? Kemm minnhom intbagħtu lill-Avukat Ġenerali għaliex huma magħluqa? Jista' jgħid kemm għandhom kawżi ċivili pendenti l-maġistrati li jagħmlu ċ-ċivil? Kemm daħlu ġodda fis-sena 2009 u kemm ġew deċiżi b'mod individwali? Jista' jgħid kemm għandhom kawżi li ilhom pendenti għal aktar minn ħames snin dawk il-maġistrati li jagħmlu l-kriminal?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16044.
Leg 11 PQ #16055 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — każijiet ta' korruzzjoni tal-VAT

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul l-2009 u 2010, persuni u/jew kumpaniji li nstabu ħatja fil-każ ta’ korruzzjoni tal-VAT ingħatawx kuntratti u/jew direct orders mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu? Jekk iva, liema huma dawn il-kumpaniji, liema kienu l-kuntratti u għal kemm jammontaw?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, ir-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #16138 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Appelli Ċivili Superjuri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu appelli ċivili superjuri mis-sena 2005 sal-lum? Kemm ġew appuntati? Kemm ġew deċiżi? Minn dawk l-appelli li ġew deċiżi, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ikkonfermati sentenzi mill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' Appelli Ċivili Superjuri li daħlu mis-sena 2005 sal-31 ta' Marzu 2010, kien kif spjegat fit-tabella t'hawn taħt. Terminati jinkludu kawżi li ġew deċiżi, ċeduti jew marru deżerti. In-numru tal-kawżi appuntati u terminati jindika kemm minn dawk li daħlu matul dik is-sena partikolari ġew fil-fatt appuntati u terminati sal-31 ta’ Marzu 2010. Infurmat ukoll illi ma tinżammx statistika fir-rigward ta’ kif jiġu deċiżi l-Appelli.

Inċident ġewwa Birżebbuġia — inkjesta tar-rapport

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex wara għadd ta' xhur minn meta sar l-inċident ġewwa Birżebbuġia fis-27 ta' Novembru 2009, fejn track tal-iskart li kien involut, għadu miżmum sal-lum f'Ta' Kandja, bil-konsegwenza li l-proprjetarji li m'għandhom x'jaqsmu xejn mal-inċident, qed jitilfu flus kbar, u dan għaliex ir-rapport tal-inkjesta għadu ma ġiex iffinalizzat mill-espert tal-Qorti imqabbad? Jista' jara għaliex dan id-dewmien a spejjeż ta' individwi innoċenti u r-rapport jidħol il-Qorti fl-iqsar żmien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-każ li qed issir referenza għalih huwa suġġett għal inkjesta Maġisterjali u għalhekk trid tiġi eżegwita l-proċedura dettata mil-Liġi, għar-rilaxx o meno ta' dan it-truck.

Qorti tal-Ġustizzja — każi maqtugħin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqatgħu kawżi b'mod globali mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-sena 2009?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fuq il-website http://www.mjha.gov.mt/services/courtservices u qed inqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.

Karozzi tal-Pulizija — VRT

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta ċ-ċertifikati tal-VRT tal-karozzi li jagħmlu użu minnhom il-Pulizija? Veru li hemm karozzi li jridu jużaw il-Pulizija fil-qadi ta' dmirijiethom li lanqas il-hand break ma jaħdem?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull vettura tal-Korp tiġi sottomessa għall-eżami tal-VRT u kull waħda li marret għat-test ġiet debitament ċertifikata. Dan it-test isir fuq perjodu regolari. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ta’ min jispjega illi l-Korp tal-Pulizija għandu sezzjoni apposta għat-tiswijiet tal-vetturi tal-Korp. Infurmat illi din is-sezzjoni hija mgħammra bl-għodda, mezzi u faċilitajiet kollha li titlob is-sengħa, għalhekk meta vettura tal-Korp tiżviluppa xi ħsarat, huwa d-dmir ta’ min ikun qed jagħmel użu minnha sabiex jara li din għandha tiddaħħal f’din is-sezzjoni sabiex tissewwa.
Leg 11 PQ #15562 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

raids fuq ħwienet tal-logħob

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15135, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kompilazzjoni min-naħa tal-pulizija ġietx mgħoddija lill-Avukat Ġenerali? Jekk fl-affermattiv x'kienet id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali fuq l-investigazzjoni mogħtija lilu? Fil-każ li din il-kompilazzjoni għadha ma ġietx mgħoddija lill-Avukat Ġenerali, jista' l-Ministru jgħid meta l-investigazzjoni tal-pulizija se tkun lesta biex tiġi mgħoddija lill-Avukat Ġenerali ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru illi m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għad-domanda Parlamentari numru 15135.
Leg 11 PQ #15700 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

talbiet lill-Kummissarji tal-Pulizija biex jinvestiga allegazzjonijiet li saru fil-parlament

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet minn Ministri/Membri Parlamentari li saru lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga allegazzjonijiet li saru fil-Parlament? Meta saru dawn it-talbiet? Jista' jgħid jekk l-investigazzjonijiet għadhomx għaddejjin jew le?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma żżommx statistika hekk kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #15885 Sitting 205 2010-03-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Juvenile Court — sentenzi u każijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dehru addoloxxenti quddiem il-Juvenile Court matul is-snin 2008 u 2009? Jista' jagħti l-etajiet tagħhom u biex kienu akkużati? X'kienu s-sentenzi li ngħataw? Kemm hemm każijiet pendenti quddiem din il-qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fis-snin 2008 u 2009 tressqu 157 u 33 adoloxxent quddiem il-Qorti tal-Minorenni (Malta) u Ghawdex rispettivament, li l-età tagħhom tvarja bejn it-13 u s-17-il sena. Infurmat ukoll li bħalissa b'kollox hemm 15-il każ pendenti. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kumplament tal-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #15541 Sitting 204 2010-03-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Promozzjonijiet fil-Korp tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' promozzjonijiet li ngħataw fil-Korp tal-Pulizija matul is-sena 2009 rispettivament? F'liema gradi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-2009 kien hemm 3 Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija li ngħataw il-kariga ta’ Assistenti Kummissarji, filwaqt li kien hemm 6 Spetturi li nħatru Supretendenti.