Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — ħaddiema reġistrati b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tiegħu u x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24614.

Ix-Xewkija – Inċidenti

Question

Fid-dawl tal-inċidenti, anke serji, li seħħew f’dawn l-aħħar xhur u ġimgħat fil-junction bejn Triq il-Madonna tar-Rummiena ma’ Triq Ta' Ħamet u Triq ir-Rabat, fix-Xewkija, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu sabiex tiġi indirizzata din il-problema?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn riċerka li saret fid-database tal-inċidenti li seħħew fit-toroq fix-Xewkija matul l-aħħar tliet snin, liema database hija provduta lil Transport Malta mill-Pulizija, irriżulta li kien hemm biss żewġ kollużjonijiet fejn għal kull inċident kien hemm persuna waħda bi ġrieħi ħfief. Minn tali informazzjoni jidher li ma hemmx xi trend jew pattern speċifiku ta’ tip partikolari ta’ kollużjoni li tista’ tqajjem tħassib partikolari.

Il-Birgu – Pjazza Ċentrali — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab ix-xogħol li qiegħed jsir fil-Pjazza Ċentrali tal-Birgu u kemm huwa previst li ser idum biex jitlesta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fil-Pjazza tal-Birgu mexjin u jinsabu fl-istajdu tat-tqegħid tal-pavimentar. Dawn ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew sal-aħħar ta’ Marzu 2025.

Buġibba — Dgħajjes tat-turisti li joperaw mill-moll

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W118, jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-operaturi tad-dgħajjes tat-turisti jkunu jistgħu jerġgħu jibdew joperaw minn mal-moll ta’ Buġibba? Jista' jgħid ukoll jekk il-moll tas-Sirens, u l-moll ta’ ħdejn il-Menqa, hux ser jibqgħu jintużaw minn dawn l-istess dgħajjes meta jerġgħu jibdew jużaw il-moll ta' Buġibba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet fuq il-breakwater ta’ Buġibba mistennija jitlestew sa Ġunju 2025. Ladarba dan jitlesta, l-operaturi tal-vapuri kummerċjali u dgħajjes tat-turisti jkunu jistgħu jerġgħu jibdew joperaw mill-post oriġinali tagħhom mal-breakwater. Il-moll tas-Sirens u dak ta’ ħdejn il-Menqa kienu soluzzjonijiet alternattivi provviżorji matul il-perjodu tax-xogħlijiet, u għalhekk malli l-operaturi jkunu jistgħu jerġgħu jużaw il-moll ta’ Buġibba, dawn il-mollijiet ma jibqgħux jintużaw għal dan l-iskop.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu kemm f’Malta, kif ukoll f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x'miżuri u x'azzjonijiet ittieħdu jew qed jittieħdu għaż-żamma u l-manutenzjoni tagħhom?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li huwa awtorizza matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-proċeduri ta’ akkwisti spjegati fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku għaliex l-awtorizzazzjoni tad-direct orders mhux fir-responsabbilità tiegħi. Għaldaqstant il-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull xiri li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Ħal Tarxien – Triq Tal-Barrani — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslu x-xogħlijiet marbuta ma’ Triq Tal-Barrani, Ħal Tarxien? Jista’ jgħid dawn ix-xogħlijiet x’inhuma u kemm ser idumu sabiex ikunu lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi finalizzat it-tqegħid tal-bankini u l-aħħar sistemi tad-drenaġġ. Xogħol ieħor jinkludi iż-żieda fit-tijib tal-ġbir tal-ilma tax-xita bit-tqegħid ta’ katusi ġodda u ffurmar ta’ tappieri għal ġbir tal-ilma li jwasslu lejn ġibjun eżistenti. Ix-xogħol mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Marzu.

Iż-Żejtun — Misraħ Karmnu Grima - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19769, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp sabiex isiru x-xogħlijiet fil-Misraħ Karmnu Grima, fiż-Żejtun?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qegħdha tiddiskuti mall-Kunsill Lokali rispettiv dwar ir-riorganizzazjoni tal-parkeġġ u xogħljiiet oħra f’dan il-misraħ.

Xufiera — tags

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24759 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm ħarġu tags għal xufiera tal-Coaches (D), matul l-2018 u l-2024, maqsuma sena b'sena u fit-tabella jgħid ukoll kemm minnhom kienu ta' nazzjonalità Maltija, u kemm minnhom kienu barranin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ tags tat-tip D maħruġa għal xufiera tal-Coaches kif ukoll xufiera ta’ Tal-Linja, bejn l-2018 u l-2024 huwa kif indikat fit-tabella. Sena Maltin Barrani Total 2018 394 394 788 2019 109 312 421 2020 68 159 227 2021 96 59 155 2022 92 212 304 2023 90 548 638 2024 75 705 780

Liċenzja tas-sewqan — Eżami tal-prattika

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 25079 u jgħid kemm huwa mistenni li jdum eżami tal-prattika biex tikseb liċenzja tas-sewqan, f'kull kategorija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-test tal-prattika għandu jkollu ħin biżżejjed sabiex l-eżaminatur ikun jista’ jara l-abbiltà tal-istudent waqt li jkun qed jagħmel it-test. Il-ħin minimu li għandu jagħmel student waqt it-test tas-sewqan fit-triq huwa ta’ 25 minuta għall-kategoriji A u B, u ħin minimu ta’ mhux inqas minn 45 minuta għall-kategoriji l-oħra, skont kif stipulat fil-Liġi Sussidjarja 65.18. Transport Malta talloka ħin adegwat barra l-ħin stipulat fil-liġi, sabiex l-eżaminatur ikollu ċ-ċans li jilqa’ lill-istudent, issir preparazzjoni għat-test kif ukoll tingħata spjega mill-eżaminatur wara li jispiċċa t-test tas-sewqan.

Ir-Rabat, Malta — Triq il-Fidloqqom - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fi Triq il-Fidloqqom, fir-Rabat, Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fi Triq il-Fidloqqom jagħmlu parti minn sensiela ta’ xogħol f’toroq fir-Rabat li huma mistennija li jkunu lesti fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni (traffic fine) weħel il-Ministeru tiegħu minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x'pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures. Dan il-manwal jagħti linja gwida kif għandhom jiġu trattati iċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ karozzi tal-Gvern, inkluż il-ħlas taċ-ċitazzjonijiet.