Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta: Triq il-Kbira – xogħlijiet ta’ kostruzzjoni ta’ culverts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ta l-aħħar ordnijiet tax-xogħlijiet ġodda (tal-kostruzzjoni tal-culverts) fi Triq il-Kbira, il-Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta qed tlesti l-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Kbira li testendi kilometru minn Ta’ Qali sal-pjazza tal-Mosta. L-ewwel nofs tal-bini mill-ġdid ta’ din it-triq tlesta f’Marzu 2021 u x-xogħlijiet fit-tieni nofs bdew immedjatament wara. Minħabba li kien ilha għexieren ta’ snin ma tinbena mill-ġdid, it-triq kellha ħsarat estensivi fil-wiċċ tagħha u l-bankini, filwaqt li kellhom jinbidlu s-sistemi tas-servizzi taħt l-art, inkluż il-katusi tad-drenaġġ u l-pajpijiet tal-ilma. Fil-fatt, Infrastructure Malta poġġiet aktar minn erba’ kilometri ta’ sistemi ġodda taħt l-art, u għad-drenaġġ kellhom jitħaffru trinek żewġ sulari fond taħt il-wiċċ tat-triq. L-aġenzija introduċiet ukoll sistema estensiva ġdida għall-ġbir tal-ilma tax-xita li għaliha wkoll ġew mgħoddijin katusi kbar taħt l-art. Peress li din it-triq hija dejqa, dawn is-servizzi ġodda kollha taħt l-art kellhom jiġu installati b’mod delikat ħdejn jew fuq xulxin, mingħajr ma jfixklu s-sistemi l-qodma li baqgħu jintużaw biex jagħtu servizz lill-binjiet taż-żona sakemm is-sistemi ġodda tpoġġew f’posthom. Bħalma jaf kulħadd, skont il-liġi, sabiex isiru xogħlijiet f’toroq eżistenti jew skemati bħalma hi Triq il-Kbira, jeħtieġ li jinkisbu permessi għal xogħlijiet fit-toroq minn Transport Malta u mhux permessi tal-iżvilupp mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar. Meta x-xogħlijiet meħtieġa fl-istess triq jinbidlu jew jiġu estiżi, il-permess tax-xogħlijiet jiġi estiż ukoll, skont il-ħtieġa. Sabiex ikunu eliġibbli biex japplikaw għall-permessi ta’ xogħlijiet fit-toroq mingħand Transport Malta, skont il-liġi applikabbli l-kuntratturi jeħtieġ li jkunu koperti b’garanziji bankarji u poloz t’assigurazzjoni għal danni ġustifikati li jistgħu jiġu kkawzati mill-istess xogħol konċernat. . Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess għax-xogħlijiet ta’ Triq il-Kbira. Ir-residenti u n-negozji ta’ din it-triq ser igawdu minn infrastruttura aħjar għal ħafna snin li ġejjin, kif ukoll titjib fil-proviżjoni tas-servizzi li jservu l-istess triq, u li l-pajpijiet u cables tad-distribuzzjoni tagħhom qed jinbidlu u jissaħħu permezz ta’ dan il-proġett. Ix-xogħlijiet kollha oriġinarjament ippjanati minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu skedati li jkunu lesti sal-aħħar ta’ Mejju. Fil-fatt, l-aġenzija lestiet tista’ tgħid ix-xogħlijiet kollha tagħha ħlief it-tqegħid finali tal-asfalt fl-aħħar parti tat-triq. Madankollu, fl-aħħar xhur, il-Kunsill Lokali tal-Mosta ordna diversi xogħlijiet addizzjonali f’din l-aħħar parti tat-triq, l-eqreb tal-pjazza. Dawn jinkludu culverts taħt il-bankini biex il-wires li hemm mal-faċċati tad-djar jitnizzlu taħt l-art, kif ukoll pavimentar bil-ġebla tal-qawwi għall-bankini l-ġodda. Permezz ta’ dan ix-xogħol addizzjonali, it-triq ser tkompli tieħu dehra aħjar, b’ambjent isbaħ għal dawk kollha li jgħixu fiha jew jivvjaġġaw minnha b’mezzi differenti. Infrastructure Malta se tlesti l-bini mill-ġdid tat-triq bl-aħħar xogħlijiet tal-asfalt hekk kif ix-xogħlijiet addizzjonali ordnati mill-Kunsill Lokali jkunu lesti lejn l-aħħar tas-sajf. Ix-xogħlijiet tal-asfalt kellhom jiġu posposti biex il-wiċċ il-ġdid tat-triq ma ssirlux ħsara bix-xogħlijiet li ġew miżjuda.

Mosta: Triq il-Kbira – permesss għax-xogħlijiet u u tibdil infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess għax-xogħlijiet oriġinali u l-permess tat-tibdil infrastrutturali li ġie deċiż dan l-aħħar u l-proġett ta’ Triq il-Kbira, fil-Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Mosta: Triq il-Kbira — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma u jgħid jekk sarx il-permess ġdid mill-Awtorità tal-Ippjanar, pre-works survey mill-perit tal-kuntrattur ta’ kull proprjetà fit-triq, commencement notice mal-Building and Construction Authority (BCA), method statement ta’ kif se jsiru x-xogħlijiet, geotechnical survey jew dikjarazzjoni mill-Perit responsabbli li m’hemmx bżonn geotechnical survey biex b’hekk jinżamm responsabbli għal danni lejn terzi fi Triq il-Kbira, Mosta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Mosta: Triq il-Kbira — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li: (i) ix-xogħlijiet fi Triq il-Kbira, il-Mosta huma koperti mill-assikurazzjoni reputabbli tal-kuntrattur flimkien ma’ Infrastructure Malta; u (ii) li l-ħsarat kollha li saru u li jistgħu jsiru/joħorġu minħabba dawn ix-xogħlijiet se jkunu koperti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Mosta: Triq il-Kbira — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra (jekk dejjem hemm) garanzija għal xogħlijiet fi Triq il-Kbira, il-Mosta, liema garanzija li ma ssirx ħsara fuq binjiet residenzjali, bħalma r-residenti jagħmlu garanzija lill-kunsill, meta jġibu high-up, li ma ssirx ħsara fuq bankini?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 1290.

Speed cameras

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn speed cameras madwar Malta u Għawdex? Liema minn dawn l-ispeed cameras għandhom limitu ta’ sewqan li hu inqas min-national speed limit (ta’ 80 km/siegħa)? F’kull każ, għal kull waħda minn dawn il-cameras li għandhom speed limit inqas mill-ispeed limit, kif ġie stabbilit l-ispeed limit f’dak il-post partikolari u b’liema avviż legali ġie stabbilit (jekk ġie stabbilit) dan l-istess speed limit? Jekk dan l-ispeed limit ma ġiex stabbilit permezz ta’ avviż legali, a bażi ta’ x’hiex qed jiġu nfurzati tali speed limits?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ Speed Cameras madwar Malta u Għawdex qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispeed limit ta’ kull camera huwa muri fl-istess lista u f’kull każ dan ġie stabbilit wara studji li saru skont linji gwida fi ħdan l-Awtorità għat-Trasport skont is-setghat mogħtija lill-istess Awtorità u regolati mill-Kap. 499 u l-Kap. 65.

Infrastructure Malta – Lapsi – periklu minn barriera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħadet jew qed tieħu Infrastructure Malta rigward il-periklu li jeżisti lis-sewwieqa fit-triq tan-niżla ta’ Lapsi minn barriera fil-biswit?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata seduta oħra.

Swimmer designated zones

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma l-bajjiet li huma kklassifikati bħala swimmer designated zones għas-sajf 2022? Meta hu mistenni li jkunu mmarkati fil-baħar dawn l-istess żoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif se jingħata seduta oħra.

Ħal Qormi – Triq Ġorġ Borg — Xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn ix-xogħol fi Triq Ġorg Borg, Ħal Qormi, ilu ġimagħtejn wieqaf? Jista’ jgħid meta se jitlesta x-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità ta’ Ħal Qormi Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq l-Għargħar 1979, triq biswit Triq il-Mitħna, Triq Dun G. Cilia, Triq Ġorġ Zammit, Triq l-Imdina (li tagħti lejn in-nofsinhar), Triq il-Poeżija, Triq it-Tapizzara, Triq Angelo Borg, Triq in-Naħal, Triq bla isem f’Tal-Ħlas, Triq Għarram, triq fil-limiti tal-Ħammieri, żewġ toroq bla isem biswit Triq il-Belt Valletta, it-triq li tagħti għal Tal-Ħandaq u toroq oħrajn bla isem kif ukoll Triq il-Ħarrub li hemm f’din iż-żona. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Ħelsien li kulma jonqosha li jsiru linji ġodda u Triq Ġorġ Borg, waqt li diġà hemm ippjanat biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Bellic. Ix-xogħlijiet minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid Triq Ġorġ Borg bdew f’nofs Mejju u jinkludu tqegħid ta’ pajpijiet ġodda taħt l-art għad-distribuzzjoni tal-ilma kif ukoll titjib jew bdil fis-sistemi biex is-servizz jitwassal fir-residenzi, bini ta’ bankini ġodda, tisħiħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid tat-triq b’diversi saffi t’asfalt. Ix-xogħlijiet kollha għandhom jitlestew sa tmiem dan ix-xahar. Proġetti oħra li saru minn Infrastructure Malta u li wasslu għal titjib kbir fir-rotot ewlenin madwar il-lokalità ta’ Ħal Qormi jinkludu l-bini mill-ġdid taż-żewġ roundabouts ta’ Ħal Qormi u Triq Manwel Dimech li hemm bejniethom, iż-żewġ roundabouts ta’ ta’ Ħaż-Żebbuġ fir-rotta lejn Ħal Qormi, Triq Ħal Qormi lejn Ħal Luqa, Triq Ħal Qormi lejn il-Marsa u Ħamrun, kif ukoll it-twessigħ tal-Marsa Hamrun Bypass. Ħal Qormi qed igawdi wkoll mill-akbar żewġ proġetti li għamlet l-aġenzija – il-Marsa Junction Project u s-Central Link Project.

Moll tal-Imsida — xogħljiiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa antiċipat li jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-moll tal-Imsida?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-promenade tal-Imsida huwa mistenni li jkun lest sal-aħħar t’Awwissu. L-ewwel fażi, dik tas-civil works, inkluż it-twessigħ tal-bankina fuq in-naħa tal-baħar, il-bini mill-ġdid tal-bankina, is-servizzi ġodda minn taħt il-bankina u s-slipway, tlestew diġà tant li sidien u dilettanti tad-dgħajjes li kienu jorbtu ma din in-naħa tal-marina jew jużaw l-islipway biex ivarjaw jew itellgħu dgħajjes, diġà qed jagħmlu dan. Issa beda l-proċess tal-pavimentar. Il-pjan hu li sezzjonijiet tal-promenade ser jibdew jinfetħu għall-pubbliku malli jitlesta l-pavimentar f’dik il-parti partikolari. Wieħed jinnota li fl-aħħar ġimgħat il-kuntrattur kellu jiffaċċja problemi relatati ma' shipping tal-materjal li qed jintuża għall-pavimentar u li qed jinġieb minn barra.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Taħriġ lill-ħaddiema fil-kura ta' saħħa mentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jingħata taħriġ fuq il-Kura fis-Saħħa Mentali, magħruf bħala Mental Health First Aid, lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li ninformah li t-taħriġ relatat hu mifrux u disponibbli fuq is-Servizz Pubbliku kollu u mhux xi dipartiment singolari tal-Gvern, l-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf ukoll li sa mill-2017 diġà ġew imħarrġin 260 uffiċjal pubbliku fil-Mental First Aid, f’kors li hu akkreditat mir-Richmond Foundation. Taħriġ simili sar kull sena, bl-eċċezzjoni tal-2020 kawża tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19. Fil-fatt diġà hu ppjanat ukoll li f’Ottubru li ġej isir it-taħriġ lil 80 uffiċjal ieħor. Minbarra hekk, tajjeb li jingħad ukoll li fis-Servizz Pubbliku tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.

Imrieħel — underpass

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-underpass tal-Imrieħel s'issa u kemm hi stmata li se tiġi tiswa?

Response (FARRUGIA, AARON)

Infrastructure Malta varat l-Imrieħel Underpass Project fl-2021, biex tibni mina twila 60 metru li se tgħaqqad Triq l-Imdina mal-Bypass tal-Imrieħel, fil-junction ħdejn l-uffiċini tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA). L-aġenzija qed taħdem biex tiftaħ din il-mina fl-aħħar ta’ Settembru, u biex tlesti l-bini tar-roundabout ġdida fuqha sa tmiem is-sena. Fi Frar, Infrastructure Malta lestiet it-tħaffir tal-mina u bdiet tpoġġi f’posthom 290 panewwa tal-konkos biex tifforma l-ħitan tagħha. Fil-jiem li għaddew il-ħaddiema għollew f’posthom l-ewwel minn 16-il travu tal-konkos, kull wieħed jiżen sitt tunnellati, li se jwieżnu s-saqaf tal-mina. Meta l-mina tkun lesta, l-aġenzija ser tkompli l-proġett bil-bini tar-roundabout il-ġdida fuqha, kif ukoll punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota u żoni ġodda msebbħin bis-siġar. Il-proġett hu stmat li se jiswa €6 miljun u s’issa tlesta madwar 45% minnu. Bħalma għamlet il-Mini ta’ Santa Luċija biex iżżid il-benefiċċji ta’ Marsa Junction Project tul ir-rotta prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta, Infrastructure Malta ppjanat Mriehel Underpass Project biex ittejjeb l-impatti pożittivi ta’ Central Link Project f’Ħ’Attard, Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Il-mina b’żewġ korsiji se tifforma parti mill-junction tar-roundabout ġdida flok is-sistema tat-traffic lights li kien hemm qabel f’salib it-toroq bejn Ħal Balzan, Birkirkara u l-Imrieħel. Permezz tal-mina, il-fluss prinċipali tat-traffiku li minn Triq l-Imdina, f’Ħal Balzan ikun sejjer lejn il-Bypass tal-Imrieħel (Vjal ir-Royal Malta Artillery), ser jinfired mill-bqija tal-traffiku li jaqsam kontra xulxin f’din il-junction. Bħala parti mis-Central Link Project, fl-2020 Infrastructure Malta bniet żewġ korsiji ġodda fid-direzzjoni opposta, lejn il-punent, mill-Bypass lejn Ħal Balzan u Ħ’Attard. Bl-eliminazzjoni tal-fluss prinċipali tat-traffiku li jkun sejjer lejn il-lvant (permezz tal-mina) u lejn il-punent (permezz tal-korsiji li nfetħu fl-2020) mir-roundabout ġdida, din il-junction qed issir aktar sigura għal dawk li jivjaġġaw lejn destinazzjonijiet oħrajn fil-viċin, inkluż l-Imrieħel, Birkirkara u Ħaż-Żebbuġ (minn Ħ’Attard, Ħal Balzan u Ħal Lija). Hekk kif se jnaqqas l-ammont ta’ vetturi u l-veloċità tas-sewqan madwar ir-roundabout ġdida, Mriehel Underpass Project se jippermetti l-introduzzjoni ta’ punti ta’ qsim aktar siguri għal dawk li jivjaġġaw bil-mixi jew bir-rota bejn Birkirkara, l-Imrieħel u Ħal Balzan u Triq il-Ħofor, triq rurali li twassal għal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Qormi. B’hekk, dawn il-punti ta’ qsim ħdejn ir-roundabout se jkomplu jtejbu l-konnessjonijiet tar-rotta twila erba’ kilometri għall-mixi u r-roti li l-aġenzija bniet diġà permezz tas-Central Link Project, bejn Ta’ Qali, Ħ’Attard u Ħal Balzan.

Iż-Żejtun – Misraħ ta’ Pizzuta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Misraħ ta’ Pizzuta ġewwa ż-Żejtun hux ser isir bit-tarmak? Jekk fl-affermattiv, meta se jsir dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq San Piju X, Triq San Profilju, Triq Santa Fawstina, Triq Santa Monika, Triq San Ġużepp, Triq Beland u Triq il-Ġiebja Rumana, fil-lokalità taż-Żejtun. It-triq indikata, Misraħ ta’ Pizzuta, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Fgura — Triq il-Kampanella – żbroff ta’ drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fil-Ministeru waslux ilmenti ta’ numru ta’ familji fi Triq il-Kampanella, Fgura fil-parti t’isfel tagħha, senjatament ma’ żbroff ta’ drenaġġ fi proprjetà privata u jekk humiex se jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex tiġi solvuta l-problema?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.

Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet — membri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 696, jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-membri tal-Bord għas-Soluzzjoni ta’ Tilwim għal Networks dwar l-Utilitajiet li allura skont it-tweġiba mogħtija offrew ir-riżenja tagħhom, għal kemm kienet il-ħatra ta’ kull wieħed minn dawn il-membri tal-Bord u f’kull każ, x’kien il-ħlas għal ħidma tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 696 fejn diġà spjegajt li dan il-Bord ma kienx iffurmat.

Transport Malta – Irmiġġi f’Bormla u l-Isla

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm irmiġġi (berths) amministrati minn Transport Malta fid-daħla ta' Dock 1 Bormla? Jista' jgħid kemm minnhom jinsabu fin-naħa ta' Bormla u kemm fin-naħa tal-Isla?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 20 dgħajsa marbuta fid-daħla ta’ Dock 1 man-naħa ta’ Bormla li hija amministrata minn Transport Malta. In-naħa tal-Isla mhijiex amministrata mill-Awtorità.

Bormla – Berthing Place

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li l-Berthing Place li qed isir Bormla jibda jintuża mill-Ferry?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-moll għal-Landing Place f’Bormla għas-servizz tal-Harbour Ferry huwa mistenni li jitlesta u jibda jintuża sal-aħħar ta’ Ottubru 2022.

Bormla – tender għall-multi level car park

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet sabiex il-multi-level car park li għalih kien inħareġ tender lura fis-sena 2014, jistax jerġa’ jinħareġ u dan peress li żona li twaqqgħet quddiem l-Iskola Primarja ta' Bormla għal dan il-għan għadha fi stat ta' abbandun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ħal Qormi — problema tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-Gvern biex tittaffa l-problema enormi tat-traffiku f’Ħal Qormi? Jista’ jagħti d-dettalji għall-immaniġġar aħjar tat-traffiku f’Ħal Qormi?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa kommess li jlesti t-toroq kollha li huma parti mit-TEN-T road network, biex jiġu eliminati l-bottlenecks u titjib l-infrastruttura fit-toroq. Hemm numru ta' toroq u proġetti f'Ħal Qormi u ż-żona tal-madwar li huma parti minn dan in-network. Hemm numru ta' proġetti li jaqgħu f'dan in-network u huma pjanati għaż-żmien li ġej. Ewlenin fost dawn hemm ix-xogħol madwar ir-roundabout ta' Triq l-Imdina u Triq Manwel Dimech, u l-aċċess għall-bypass tal-Imrieħel. Apparti minn hekk, minħabba li Ħal Qormi huwa pjuttost ċentrali, hemm numru ta' proġetti oħra bħax-xogħlijiet li għaddejin biswit l-ajruport f'Ħal Luqa u s-Central Link, li jaffetwaw lil dan il-lokal. Hekk kif fl-1 ta' Ottubru li ġej se jkun qed jingħata trasport pubbliku b'xejn lil kulħadd, qed ikun antiċipat li aktar nies se jkunu qed inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq vetturi privati u jagħmlu użu minn dan is-servizz. Il-Gvern qed jaħdem ukoll mal-Malta Public Transport biex jiżdiedu l-frekwenzi tar-rotot mis-sena d-dieħla. Dan se jfisser anqas traffiku fiż-żona ta' Ħal Qormi wkoll. Infakkar lill-kollega Interpellant li l-immaniġġar tat-traffiku għal toroq residenzjali huwa f'idejn il-Kunsill Lokali u mhux Transport Malta.