Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kura Primarja — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fil-Kura Primarja u kemm minnhom għamlu l-Kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif l-Onor. Interpellant jaf, il-konsulenti, tobba, infermiera u ħaddiema tal-qasam mediku huma mħarrġa b’tali mod li meta jkun hemm problema ta’ saħħa mentali, jafu jittrattaw jew jirreferu lill-pazjent skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat ukoll li hemm ħaddiem li għandu ċertifikat fil-Kors tal-Mental Health First Aid. Mhux eskluż li hemm ħaddiema oħra li segwew korsijiet simili organizzati minn entitajiet oħra.

Settur tat-Telemedicine — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fis-settur tat-Telemedicine u x'inhuma l-irwoli differenti tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 13-il tabib/a (full-time equivalent) jaħdmu fiċ-Ċentru tat-Telemedicine biex joffru servizz 24 siegħa, mit-Tnejn sal-Ħadd. Is-servizz tat-Telemediċina jikkonsisti fost l-oħrajn, f’konsulti virtwali ma’ tobba speċjalisti fil-qasam tal-mediċina tal-familja; riżultati ta’ testijiet tad-demm u investigazzjonijiet oħra li jkunu ġew ordnati mit-tobba tal-Kura Primarja; ‘booking’ ta’ ċerta investigazzjonijiet ta’ rutina; ‘vetting’ ta’ telefonati fejn il-klijent isaqsi għal vista fid-dar tal-pazjent; pariri lill-‘carers’ u infermiera li jaħdmu fid-djar tal-anzjani, u djar oħra residenzjali, dwar ir-residenti li jkollhom xi problema medika; linja diretta max-xjenzati tal-laboratorji ta’ Mater Dei, fejn dawn ikunu jistgħu jkellmu lit-tobba dwar xi riżultati mhux normali; pariri lill-ispiżjara meta jkunu qed jagħmlu ‘Medication Update Reviews’ tal-pazjenti tal-POYC. Barra minn hekk, fiċ-Ċentru tat-Telmediċina, hemm ukoll 57 aġent (client support agents), tliet amministraturi, manager, żewġ ‘nurses’, u żewġ ‘speech-language pathologists’. Dan is-servizz qed isir aktar popolari mal-pazjenti tant li fis-sena 2024, saru bejn 250 sa 350 konsulta virtwali kuljum mit-tobba f’dan il-qasam. Dawn il-konsulti jsiru bit-telefon, kif ukoll bil-‘video-calls’, u il-pazjent jista’ jċempel fuq 21231231 u 21222444 għal parir dwar kull problema medika li jista’ jkollu. Dokumentazzjoni dwar kull konsulta ssir fuq l-‘Electronic Patient Records’ (EPR) tal-Primary HealthCare.

Għawdex — Ħaddiema fi gradi industrijali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema fi gradi industrijali eskluż labourers mal-Ministeru tiegħu f'Għawdex mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll: i. mil-liema lokalitajiet f'Għawdex kienu dawn il-persuni li ġew ingaġġati; ii. f'kull ingaġġ li sar, meta nħarġu l-calls, fejn ġew ippubblikati, kemm damu miftuħa u x'tip ta' kwalifiki u esperjenza ried ikollu min japplika; iii. kemm applikaw u kemm intgħażlu għal kull sejħa; iv. x'tip ta' xogħol qed jagħmlu dawk li ġew ingaġġati każ b'każ, jekk intbagħtux jagħmlu xi korsijiet u jekk iva, x'korsijiet kienu; v. fejn qed jaħdmu fil-preżent u l-ħinijiet tax-xogħol li qed jaħdmu dawn il-ħaddiema; u vi. jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ingaġġati iżjed labourers matul is-sena 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mill-1 ta’ Ġunju 2024 sal-lum, ġew ingaġġati 17-il ħaddiem li ġejjin minn dawn il-lokalitajiet f’Għawdex: il-Belt Victoria, Nadur, Ta’ Sannat, Għarb, ix-Xagħra, Kerċem, iż-Żebbuġ u x-Xewkija. Is-sejħiet kollha ħarġu matul l-2024. Ir-rekwiżi tal-eleġibilità kienu mniżżla fis-sejħiet. Fosthom kien hemm li jkunu kapaċi jikkomunikaw bil-Malti u bl-Ingliż. Fil-każ tas-sejħa għal Tradesperson, kien meħtieġ li l-persuna jkollha esperjenza ppruvata fis-sengħa tal-mastrudaxxa u l-għamara. Ninsab infurmat li kollha attendew kors organizzat mill-IPS. Wieħed attenda kors ta’ Jobsplus dwar tqegħid tal-madum u tal-bricks u ħaddiem ieħor li attenda kors tal-Jobsplus fuq kif iħaddem fork lifter u ieħor dwar is-sengħa ta’ mastrudaxxa. Ninsab infurmat li huwa mistenna li jkun hemm aktar sejħiet sabiex jissaħħaħ it-tim tal-maintenance.

Djar tal-anzjani — Bord tal-ammissjoni Djar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-bord tal-ammissjoni għad-djar tal-anzjani? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba ltaqa’ dan il-bord fis-sena 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-bord tal-ammissjoni ta’ anzjani f’San Vinċenz de Paul jew fi Djar tal-Anzjani fil-komunita’ m’għadux jeżisti kif kien fil-passat. Minflok, id-deċiżjonijiet dwar l-ammissjoni jiġu bbażati fuq (assessment) assessjar komprensiv tal-bżonnijiet kliniċi u soċjali tal-anzjani. Kull każ jiġi evalwat minn tim multidixxiplinarju li jinkludi konsulent fil-qasam tal-ġerjatrija, tabib tal-familja, infermiera, ‘occupational therapist’, fiżjoterapista u ‘social worker’. Skont ir-riżultat li joħroġ mill-analiżi l-anzjan jiġi assenjat f’kategorija li tindika t-tip ta’ kura meħtieġa skont il-bżonnijiet speċifiċi tiegħu.

L-Isptar Mater Dei — Servizz tad-dentistrija - Lista’ ta’ stennija - Adulti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm adulti fuq il-lista’ ta’ stennija għas-servizz tad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 364 adult fuq il-lista ta’ stennija għal surgery fis-servizz tad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei. Nassigura lill-Onor. Interpellanta li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex is-surgery issir. Biex il-perjodu tal-istennija dejjem ikompli jonqos, inbdew sessjonijiet extra filgħaxijiet u qed jiġu kkunsidrati sessjonijiet fil-Ħdud u fil-privat.

L-Isptar Mater Dei — Servizz tad-dentistrija - Lista’ ta’ stennija - Tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista’ ta’ stennija għas-servizz tad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 113-il tifla/tifel fuq il-lista ta’ stennija għal surgery fis-servizz tad-dentistrija fl-Isptar Mater Dei. Nassigura lill-Onor. Interpellanta li jsir kull sforz sabiex f’każijiet urġenti ma jkun hemm ebda dewmien biex is-surgery issir. Biex il-perjodu tal-istennija dejjem ikompli jonqos, inbdew sessjonijiet extra filgħaxijiet u qed jiġu kkunsidrati sessjonijiet fil-Ħdud u fil-privat.

Total knee replacement — Stennija għall-operazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha tistenna l-iktar persuna biex tagħmel l-operazzjoni tat-total knee replacement? Jista’ jgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-persuna ssirilha l-operazzjoni meħtieġa?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26083.

Trabi bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome matul is-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 filwaqt li jindika t-tip ta' Down Syndrome?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li f’dawn is-snin li ġejjin kien hemm dawn it-trabi li twieldu bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome: fl-2020 kien hemm 11; fl-2021 kien hemm 11 ukoll; u fl-2022 kien hemm 9 trabi.

Tfal bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome – Servizz ta’ Child Development and Assessment Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mit-tfal li twieldu bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome fis-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024 jagħmlu użu mis-servizzi li joffru ċ-Child Development and Assessment Unit, maqsuma sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal li twieldu bil-kundizzjoni tad-Down Syndrome u qed jagħmlu użu mis-servizzi li joffru ċ-Child Development and Assessment Unit hu kif ġej: fl-2020 kien hemm 8; fl-2021 kien hemm 4; fl-2022 kien hemm 7; fl-2023 kien hemm 4 u fl-2024 kien hemm 3.

Kundizzjoni tad-Down Syndrome

Question

Jista' l-Ministru jagħti paragun tar-rati ta' prevalanza tal-kundizzjoni tad-Down Syndrome f'Malta mqabbla mar-rati ta' pajjiżi Ewropej?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li r-rata ta' prevalenza tal-kundizzjoni Down Syndrome rraportata minn pajjiżi Ewropej fis-sena 2021 varjat bejn 7.53/100,000 livebirths fl-Estonia sa' 332.95/100,000 livebirths fil-Latvia. Ir-rata medja rraportata mill-pajjizi membri tal-EU kienet ta' 62.09/100,000 livebirths u dik ta' Malta kienet ta' 227.53/100,000 livebirths.

Anzjani — Miżuri biex jiġu salvagwardjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri ġodda qed jittieħdu biex jiġu salvagwardjati l-anzjani wara li kien hemm it-tieni każ ta' anzjan li ħareġ minn ġo dar tal-anzjani u ntilef?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat, li l-Awtorità tal-iStandards għall-Anzjani (OPSA) għandha linji gwida fejn tidħol sigurtà fir-residenzi għall-anzjani li hija tilliċenzja kif ukoll tagħmel spezjonijiet kontinwi biex ssegwi l-ħarsien tagħhom. Għal rigward ta’ djar residenzjali għall-persuni b’diżabiltà nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Sptar Mater Dei — Outpatients - Ħobż frisk lill-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex twaqqaf milli jiġi provdut ħobż frisk lill-ħaddiema tal-outpatients fl-Isptar Mater Dei?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-policy dwar ikel għall-ħaddiema fl-Isptar Mater Dei hi skont kif indikata fiċ-ċirkolari “Free Staff Meals/Meal Allowance/Meal Allowance Entitlement Policy" bid-data 25 ta’ Frar 2020.

Sptar Mater Dei — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u kemm minnhom għamlu l-Kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif l-Onor. Interpellant jaf, il-konsulenti, tobba, infermiera u ħaddiema tal-qasam mediku huma mħarrġa b’tali mod li meta jkun hemm problema ta’ saħħa mentali, jafu jittrattaw jew jirreferu lill-pazjent skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat ukoll hemm 33 impjegat fil-pożizzjonijiet maniġerjali u ta’ superviżjoni u 36 midwife li segwew kors tal-Mental Health First Aid. Dawn attendew korsijiet organizzati mill-Isptar Mater Dei. Mhux eskluż li hemm ħaddiema oħra li segwew korsijiet simili organizzati minn entitajiet oħra.

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u kemm minnhom għamlu l-Kors tal-Mental Health First Aid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Kif l-Onor. Interpellant jaf, il-konsulenti, tobba, infermiera u ħaddiema tal-qasam mediku huma mħarrġa b’tali mod li meta jkun hemm problema ta’ saħħa mentali, jafu jittrattaw jew jirreferu lill-pazjent skont il-ħtieġa. Barra minn hekk, jien infurmat li minn Jannar ta’ din is-sena, ġie mniedi servizz ta’ Community Mental Health Outreach fl-Isptar ta’ Għawdex b’żieda ta’ erba’ inferrmiera ddedikati għal dan l-iskop. It-taqsima tal-psikoloġija fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex torganizza diversi taħditiet għall-ħaddiema tal-isptar u għall-pubbliku fuq bażi regolari dwar temi varji ta’ saħħa minn kull aspett tagħha, inkluż dak tas-saħħa mentali. Jiġi offrut ukoll support psikoloġiku lill-ħaddiema fuq bażi individawali jew fi grupp skont il-bżonn.