Legislature:
Category:
Reset
Active:

Multidisciplinary Team — kura fid-dijabete

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 17, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux se jwarrab l-idea tal-Multidisciplinary team fil-kura tad-Dijabete kif indikata b’mod prominenti fl-Istrategija tad-Dijabete 2016-2020 u li issa ilha sentejn li skadiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l- Ministeru tas-Saħħa huwa kommess li jittratta id-Dijabete b’kull mod possibbli inkluż bil-multidisciplinary teams.

Kura tas-Dijabete — żieda fl-infermiera

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 18, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-fatt ħariġx parir mill-Ispecialist Accreditation Committee biex jiżdied in-numru ta’ nurses li jispeċjalizzaw fil-kura tad-Dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-iSpecialist Accreditation Committee ma ħareġ l-ebda parir f’din id-direzzjoni.

Mellieħa — Ċimiterji – tindif u manutenzjoni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid min hu responsabbli għat-tindif u manutenzjoni taż-żewġ Ċimiterji tal-Mellieħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-uffiċċju Regolatorju għad-Dfin fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fil-Ministeru għas-Saħħa hu responsabbli għat-tindif u manutenzjoni taċ-ċimiterju Sultana tal-Vitorji u taċ-ċimiterju Omm il-Ħniena fil-Mellieħa.

Mellieħa — Ċimiterju Sultana tal-Vittorji – permess għal użu ta’ kimika jew trattamenti kontra insetti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika jekk fl-aħħar xhur kienx hemm permessi lil terzi, mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa, sabiex dawn jużaw kimika jew trattament ieħor kontra tipi ta’ insetti fiċ-Ċimiterju Sultana tal-Vittorji fil-Mellieħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda talba jew awtorizzazjoni ma intalbet jew ingħatat lil terzi persuni sabiex jagħmlu trattament kimiku għal kontra tipi ta’ insetti fic-cimiterju Sultana tal-Vitorji f’dawn l-aħħar xhur. Meta jkun hemm bżonn isir trattament għal ġrieden u wirdien mis-sezzjoni tal-Pest Control tad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali dejjem fuq talba mill-Uffiċċju regolatorju għad-Dfin.

Tmexxija ta’ ċimiterji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li t-tmexxija ta’ numru ta’ ċimiterji f’pajjiżna tgħaddi f’idejn il-Kunsilli Lokali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern f’dan il-mument mhux qed jikkunsidra li t-tmexxija taċ- ċimiterji jgħaddi f’idejn il-Kunsilli Lokali.

Ministeru għas-Saħħa – infiq ta’ flus f’reklamar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ma kellu l-ebda intervisti mħallsa fil-Programm Espresso fuq One ​​TV. Fl-2020 d-Dipartiment għar-Regolamentazzjoni tas-Saħħa kellhom kampanja edukattiva fil-programm televiziv Espresso.

Sptar Mount Carmel – xiri ta’ sodod

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta nxtraw is-sodod li jintużaw f'kull sala li hemm fl-Isptar Mount Carmel u meta ser jinxtraw dawk ġodda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn l-2009 u 2021 inxtraw 150 sodda għal-Isptar Mount Carmel u 94 sodda oħra gew moghtija b’donazzjoni minn Mater Dei.

National Health Strategy 2020-2023 – bini ta’ sptar ġdid

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid f'liema stat wasal ix-xogħol fuq il-bini u l-ippjanar ta' sptar ġdid hekk kif kien maqbul li jsir fin-National Health Strategy 2020-2023?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jidentifika għal liema sptar qed jirreferi.

Sptar Mount Carmel – trattament ta’ pazjenti

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk kienx hemm istanzi f'dawn l-aħħar ħames snin fejn pazjenti li jkunu qed jieħdu kura fil-qasam tas-saħħa mentali ġewwa l-Isptar Mount Carmel kienu qed jiġu ttrattati fl-istess sala ma’ persuni li jkunu waqgħu f'vizji bħal droga, alkoħol jew użura?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-Isptar Monte Carmeli hemm swali imsejħa Dual Diagnosis Units għal min ikun qed ibati minn mard mentali, direttament relatat ma l-użu tad-droga, nitolbu jispeċifika jekk hux qed jissuġġerixxi illi persuni li xi darba f’ħajjithom ikunu għaddew minn xi problema tad-droga, alkoħol jew użura għandhomx ikunu segregati mill-kumplament tas-soċjetà meta jkollhom bżonn kura medika. Jekk dan hu s-sentiment tal-Onor. Interpellant allura ċar li jien ma naqbilx mieghu.

Tas-Sliema — Qui Si Sana – overflow tad-drenaġġ

Question

Fid-dawl li s-Sindku ta’ Tas-Sliema ilu aktar minn ġimgħa jappella lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-overflow tad-drenaġġ fuq il-bajja fi Qui-Si-Sana, fejn saħansitra poġġa filmat fuq il-midja soċjali biex juri l-periklu allarmanti għas-saħħa tal-għawwiema, għaldaqstant jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega għaliex dan l-overflow tad-drenaġġ ma twaqqafx immedjatament u meta se tissolva din il-problema?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi llum se joħrog avviz biex iz-żona terġa' tinfetaħ għall-għawm.

Ċentri tas-Saħħa – lista ta’ stennija għal appuntamenti ma’ fiżjoterapista u podjatra

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-lista ta' żmien ta' stennija għall-appuntamenti ma’ fiżjoterapista u podjatra f'kull berġa u ċentru tas-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żmien ta’ stennija għas-servizzi tal-Podjatrija u l-Fiżjoterapija fiċ-Ċentri tas-Saħħa u l-Kliniki tal-Komunità jvarjaw minn 3 ġimgħat għall-fiżjoterapija għal madwar 4 xhur għas-servizzi tal-podjatrija.

Continuous Glucose Monitors — roll out

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 10, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid għalfejn il-proċess tar-roll out tal-Continuous Glucose Monitors beda, waqaf u reġa' beda? Mill-109 persuna bejn is-17 u l-21 sena intitolati għall-Continuous Glucose Monitors, kemm bdew jużaw din is-sistema s’issa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proċess tal-CGM (Continuous Glucose Monitors) fil-bidu kien pilot project u l-proċess kellu bżonn tibdil biex jaħdem aħjar fil-każ tal-adulti. Meta sar dan it-tibdil il-proċess reġa' beda. Is-servizz ta' CGM ġie offrut lill-pazjenti kollha ta' bejn 17 u 21. Kien hemm min ipprefera jistenna biex juża dan is-servizz għal raġunijiet varji fosthom biex jispiċċaw l-eżamijiet.

Dijabete type 2 — Persuni ta' eta żgħira

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi l-kawża jew ir-raġuni għalfejn persuni ta’ età daqshekk żgħira jkollhom il-kundizzjoni tad-Dijabete Type 2?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi waqt li l- obeżità, nuqqas ta' eżerċizzju, u eredità ta mard familjari huma kollha fatturi kontibutarji, mhux dejjem possibbli tkun identifikata kawża għal din il-kundizzjoni.

Dijabete type 2

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 11, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sena b’sena mill-2010 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien hemm persuni taħt is-36 sena li kellhom il-kundizzjoni tad-Dijabete Type 2? X’kienet il-kawża jew raġuni prinċipali?

Response (FEARNE, CHRIS)

Waqt li nirrefferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 11, ninformaha illi f’ħafna każijiet il-kawża jew raġuni għal din il-kondizzjoni ma tkunx magħrufa.

Dijabete Type 2 — insulina

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn 4,203 persuna bid-Dijabete Type 2 saru dipendenti fuq l-insulina? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni qed ibatu wkoll minn kundizzjonijiet oħra relatati mid-Dijabete?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Insulina hija parti mit-trattament tad-dijabete. Il-kundizzjonijiet relatati mad-dijabete huma ttrattati madwar is-servizzi tas-saħħa kollha u allura dawn in- numri ma jinġabrux u mhumiex disponibbli.

Sptar Mater Dei u Kura Primarja — konsulenti, speċjalisti u tobba

Question

B’referenza għar-risposti għall-mistoqsijiet parlamentari 13, 14 u 15, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk in-numru ta’ konsulenti, speċjalisti u tobba hux biżżejjed biex ilaħħaq mal-volum ta’ pazjenti li jirrikorru għas-servizzi fl-Isptar Mater Dei u fil-Kura Primarja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' konsulenti, speċjalisti u tobba qiegħed jiżdied kull sena għal dawn l-aħħar snin u dan biex dejjem jkompli jittejjeb is-servizz mogħti kemm minn Mater Dei kif ukoll fil-kura primarja.

Sptar Mater Dei u Kura Primarja — infermiera

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk in-numru ta’ infermiera hux biżżejjed biex ilaħħaq mal-volum ta’ pazjenti li jirrikorru għas-servizzi fl-Isptar Mater Dei u fil-Kura Primarja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 1119.

Sptar Mater Dei — Azzjoni Industrijali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 25, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, ladarba l-azzjoni industrijali ilha għadejja minn Diċembru 2021, jiġifieri iktar minn ħames xhur, x’qed jagħmel il-management tal-Isptar Mater Dei sabiex is-servizz essenzjali tal-inġinerija ma jaffettwax is-servizz tas-saħħa? Il-Ministru jikkonferma li qed jintuża servizz privat? Jekk iva, kemm qed jiswa kuljum u kemm ġie jiswa fit-total minn mindu bdiet l-azzjoni industrijali sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Xi sforzi qed isiru biex din il-materja tiġi riżolta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dawn l-azzjonijet industrijali li qed tirreferi għalihom waqfu l-Ġimgħa 17 ta Ġunju.

Użu ta' Cyclotron

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jibda jintuża l-apparat tas-Cyclotron li jintuża fid-dijanjożi u l-kura tal-Kanċer? Jikkonferma l-Ministru li dan l-apparat, kieku beda jintuża qabel, seta' għen fil-kura tal-kanċer speċjalment meta f’dawn l-aħħar xhur/snin kien hemm okkażjonijiet meta l-konsenja tat-tracer ma waslitx u kellhom jiġu kkanċellati interventi, appuntamenti u operazzjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tħassir ta' interventi, appuntamenti u operazzjonijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, sena b’sena mill-2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm tħassru: a. interventi; b. appuntamenti; u ċ. operazzjonijiet minħabba nuqqas ta’ konsenja tat-tracer li jinġieb minn Ruma biex jintuża fil-PET Scans?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi interventi, appuntamenti u operazzjonijiet ma jitħassrux iżda jiġu posposti.