Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — konsum tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24590 u jgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Kemm kien jammonta f'litri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-konsum ta' fuel l-2010 għal dan il-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu kien ta' 617,637 litru bi spiża globali ta' €667,773 fuq 840 inġenji u vetturi li l-parti kbira minnhom, aktar minn 600 minnhom huma vetturi u inġenji tax-xogħol bħal cranes, bulldozers, Forklifters, Kompressurii, etc. li bejnithom ikkunsmaw 471,266 litru

San Pawl il-Baħar — Triq Għajn Rażul - klieb jiġġerrew

Question

Billi xi żmien ilu kont għamilt domanda dwar in-numru ta' klieb li qed jiġġerrew fl-inħawi ta' Triq Għajn Rażul, San Pawl il-Baħar u r-residenti tal-inħawi għadhom qed jilmentaw minn dawn il-klieb u l-fatt li qed iqattgħu l-boroż tal-iskart residenzjali, jista' l-Ministru jassigura li dawn il-klieb (slavaġ) jinġabru minn dawn l-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-każ qiegħed ikun investigat.

Pitkalija — ħasil ta' kaxxi ħodor

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jinħaslu kaxxi ħodor tal-Pitkalija kuljum? Fejn qed jinħaslu? Min huwa responsabbli ta' dan il-ħasil u biex jinġarru mill-Pitkalija għall-post fejn qed jinħaslu u lura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija 23263, ninsab infurmat li: Kuljum jinħaslu bejn 8,000 u 12,000 kaxxa. Preżentement il-Ministeru qed jassumi r-responsabilità ta' dan il-ħasil u qiegħed jikkordina dan ix-xogħol permezz tal-ħaddiema fi ħdan dan il-Ministeru Il-ġarr tal-kaxxi minn post għall-ieħor qed isir permezz ta' trakkijiet.

ħasil ta' kaxxi ħodor

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tiġi tiswa kull kaxxa ħadra biex tinħasel u tinġarr minn post għall-ieħor? Kemm hemm impjegati fuq dan l-eżerċizzju?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istat li kienu jinsabu fiha l-kaxxi kien tant ħażin li biex jintleħaq il-livell ta’ indafa meħtieġ kellu jsir tindif tagħhom individwalment b’mod rigoruż u anke manwalment. Wieħed jispera li la darba dan il-livell meħtieġ jintleħaq, wara it-tindif jkun jista’ jsir mingħajr l-isforz u ħin meħtieġ s’issa. Għaldaqstant wieħed ma jistax jikkalkula l-ispiża medja li qed tiswa biex tinħasel kull kaxxa bħala spiża medja indikattiva. Ninforma lill-Onor Interpellant li waqt li jkun għaddej il-ħasil ikun hemm erba’ ħaddiema jnaddfu manwalment u jġorru u erba’ ħaddiema oħra jaħdmu mal-magna tal-ħasil u jixxuttaw il-kaxxi.

Town Water u Ground Water — stima

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24533 u jgħid jekk hemmx xi stima dwar kemm is-settur tal-biedja qed juża town water fis-sena, kif ukoll ground water għall-bżonnijiet tal-istess settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ma jżommx statistika dwar il-konsum ta’ town water mill-utenti tas-settur agrikolu. Nitlob lill- Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, sal-ġurnata tal-llum ma teżistix statistika simili dwar l-ilma tal-pjan. Kull m'hemm sa llum huma estimi li jindikaw li hu stmat li l-privat itella’ madwar 18-il miljun metru kubu ilma fis-sena mill-aquifers li minnhom is-settur agrikolu huwa stmat juża madwar 15-il mijun metru kubu fis-sena li l-parti kbira tiegħu, 14.5 miljun metru kubu, intuża għal skop ta’ irrigazzjoni.

Birgu — Triq San Lawrenz - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jieħu l-gvern biex titkompla u titlesta Triq San Lawrenz, Birgu? Meta mistennija li tkun lesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li t-Taqsima tax-Xogħlijiet u Transport Malta qed jaħdmu flimkien biex jitkompla u jitlesta dan il-proġett fl-aqsar żmien possibli

Dairy Restructuring Aid-Animal Housing Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm raħħala li applikaw għall-għajnuna finanzjarja "Dairy Restructuring Aid-Animal Housing Scheme 2002-2008" ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema, li nassumi li l-Interpellant qed jirreferi għaliha, hija d-‘Dairy Industry Restructuring Scheme’ u li daħlet fis-seħħ wara d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant il-Ministeru ħabbar din l-iskema fis-6 ta’ Ġunju 2006 li toffri għajnuna finanzjarja għal ristrutturar fl-irziezet li sar wara d-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri wara l-1 ta' Mejju 2004. Għal din is-sejħa għal tabliet ta' għajnuna finanzjarja taħt din l-iskema kien hemm 69 applikazjoni. Infakkar illi din l-iskema kienet iffinanzjata taħt l-iskema Special Marketing Policy Programme for Maltese Agriculture.

Dairy Restructuring Aid-Animal Housing Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm raħħala li ngħataw għajnuna wara li applikaw għal ghajnuna finanzjarja "Dairy Restructuring Aid-Animal Housing Scheme 2002-2008" ? Jista' jgħid kemm allura fadal raħħala li fadlilhom jieħdu din l-għajnuna u kemm kien hemm għajnuna ibbagitjata għal din il-għajnuna? Jista' jgħid kemm fadal allura għajnuna f'Euros li għad trid tingħata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellantli l-gvern, taħt il-programm Special Marketing Policy Programme for Maltese Agriculture għas-settur tal-ħalib, liema programm jinkludi fih ir-ristrutturar tal-irziezet, kien hemm ivvutati pakkett ta' €13.17 miljuni. Jien infurmat li din l-għajnuna tqassmet kollha. Barraminhekk, ħarġu għajnuniet oħra taħt il-programm tal-Iżvilupp Rurali għal-istrutturar tal-istess irziezet. Għaddejjin taħdidiet regolari mal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib dwar xi claims pendenti, liema taħdidiet għadhom għaddejjin għax għad m’hemm qbil.

air monitors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn u f'liema post tpoġġew l-air monitors madwar Malta u Għawdex? Jista' jagħti t-tagħrif li ġie rekordjat minn dawn il-monitors f'dawn l-aħħar sitt xhur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq il-Mistoqsija lill-Minstru responsabbli mill-Awtorità Maltija għall-Ambjent u I-Ippjanar.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — konsum tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien jammonta f'ċifra ta' flus globali l-konsum tal-fuel matul l-2010 fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu? Kemm kien jammonta f'litri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — awtoritajiet, entitajiet u bordijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-awtoritajiet, entitajiet u bordijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? X’inhu n-numru ta’ persuni, inkluż chairman, li jservu fuq kull bord ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija? Kemm jitħallsu kull chairman u kull membru ta’ kull entità li dwarha qed issir l-ewwel mistoqsija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f'seduta oħra.

laqgħa ministerjali għall-ministri tal-enerġija — rappreżentant għal Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid Malta minn min kienet rappreżentata fil-laqgħa ministerjali għall-ministri tal-enerġija li nżammet fit-23 ta' Marzu 2011 wara l-krizi u impatt nukleari ta’ dak li seħħ fil-Ġappun wara t-terremot u tsunami ta' ftit ilu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali.

Bejgħ ta' Siġar tal-Frott

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' siġar tal-frott li nbiegħu lill-bdiewa għat-taħwil matul il-perjodu ta' Jannar/Frar 2011? X'tip ta' siġar inbiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul ix-xhur ta’ Jannar u Frar 2011 inbiegħu: · 4314-il siġra tal-frott, · 7708 selvaġġ tad-dwieli, u · 6047 selvaġġ tal-frott. Fost is-siġar tal-frott li kien hemm għal bejgħ kien hemm berquq, ċirasa, għajnbaqar, ħawħ, lewż ħelu, nuċiprisk, pruna, lanġas, tuffieħ, sfarġel, rummien, tin, ċawsli, ċitru, dwieli mejda u żebbuġ.

Għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern hux jikkonsidra l-possibilità li jagħti għajnuniet lill-bdiewa li jrabbu l-majjal, wara li kien hemm żidiet sostanzjali f'dawk li huma prezzijiet tal-ġwież?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23763 li kienet imwieġba fis-seduta 334 tal-bieraħ 4 ta' April 2011.

Standards tal-Ewropa — Manure li jipproduċu l-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kubu ta' manure li qed jipproduċi l-life stock ta' bhejjem u annimali bħal baqar, majjali, fniek, tiġieġ, eċċ. hawn f`Malta llum? Jista' jgħid jekk dan l-ammont huwiex skont dak aċettat mill-istandards tal-Ewropa? Jista' jgħid x'inhi l-politika tal-gvern f'dan is-settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direttiva Ewropea ma tobbligax lill-pajjiżi membri li jkejlu u jżommu record tad-demel prodott mill-bhejjem u annimali iżda minn stimi li saru skont kriterji stabbiliti huwa stmat li jkunu ġġenerati mitejn sitta u disgħin elf tunnellata. Tajjeb li jingħad li parti konsiderevoli tintuża biex jiddemmlu ++ l-għelieqi flok fertillizant kimiku. Għaldaqstant, il-politika tal-Gvern hija li: 1) jintroduċi standards u prattiċi ta' kif ikun maħżun u ttrattat jew użat id-demel. 2) jinkoragixxi is-sostituzzjoni ta' fertilizzant artifiċjali bl-użu tad-demel. 3) jinkoragixxi l-użu meqjus ta' fertilizzant. Sabiex l-Onorevoli Interpellant jkollu stampa ċara u kompleta tal-politika tal-gvern, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għas-Seduta 245 tal-24 ta' Ġunju 2010 fejn ġiet diskussa il-Waste Management Strategy.

Prezz internazzjonali taċ-ċereali dejjem jogħla

Question

Fid-dawl tal-prezzijiet internazzjonali taċ-ċereali dejjem jogħlew, jista' l-Ministru jgħid x'sejra tkun il-politika tal-Gvern Malti versus il-produtturi lokali tal-ħalib, laħam u prodotti oħra agrikoli li kollha jiddependu miċ-ċereali u l-prezz ta' dan il-prodott bażiku u essenzjali qiegħed kulma jmur jogħla fil-prezz?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru qiegħed isegwi mill-qrib din is-sitwazzjoni tal-prezzijiet internazzjonali taċ-ċereali u qiegħed jevaluta x' jista' jkun l-impatt f'sitwazzjoni fejn jidher li l-prezzijiet internazzjonli huma volatili. Għal każ li jkun meħtieġ, il-gvern fl-aħħar budget alloka s-somma ta’ €400,000 biex itaffi l-qagħda sakemm is-suq jistabbilizza ruħu

Rziezet li jridu jagħlqu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li hemm irziezet li jrabbu life stock li jridu jagħlqu fil-ġimghat u xhur li gejjin? Jista' l-Ministru jgħid ir-raġuni bażika ta' dan? F'liema settur huma dawn l-irziezet involuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interperpellant jispeċifika x’irid ifisser eżatt meta jirreferi għal irziezet li jridu jagħlqu. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru għaddej b’ħidma biex ċerti rziezet jagħlqu biex jiġu rilokati f’żoni minn fejn ikunu jistgħu jwettqu l-attivita tagħhom bl-inqas inkonvenjent għalihom u għar-residenti li hemm madwarhom fil-viċin.

Għajnuna lir-raħħala

Question

Jista' l-Miniistru jgħid jekk il-gvern huwiex sejjer jagħti għajnuna lir-raħħala li jkunu jixtiequ jibnu negozju tagħhom li minħabba xi raġuni partikolari r-razzett minn fejn joperaw illum ma jistgħux ikomplu joperaw minnu ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru jħaddem skemi taħt il-Pjan għall-Iżvilupp Rurali li joffru għajnuna lill-dawk li jixtiequ jiddiversifikaw jew jinvestu fil-qasam agrikolu.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — calls for application

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu calls for application fl-aħħar sena mill-Ministeru u mid-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru? Kemm kien hemm applikazzjonijiet? Kemm kienu l-persuni li għaddew? Kemm ġew magħżula/ingaġġati? Jekk il-bqija ta' dawn li għaddew hux se jiġu ingaġġati fiż-żmien li ġej? Għalkemm tul ta' żmien jibqa' jgħodd ir-riżultat tal-eżami f'kull każ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-informazzjoni mitluba.

Artijiet għall-kultivazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jalloka bċejjeċ ta’ art għall-iskopijiet li jiġu kkultivati kif jagħmlu f’pajjiżi oħrajn bħall-Ingilterra permezz ta’ allotments filwaqt li jiġi żgurat li dawn jintużaw għall-iskopijiet oriġinali tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.