Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — ingaġġ ta' kadetti ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 410, peress li t-tweġiba ma tindikax l-ammont ta' kadetti ġodda ingaġġati, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati kadetti ġodda mal-Korp tal-Pulizija bejn l-2017 u d-data li fiha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni dwar in-numru ta’ kadetti li ġew ingaġġati bħala fizzjali fil-korp, diġà ngħatat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 410 li kienet tinkludi dawk li ġew ingaġġati meta kienu diġà membri fil-korp, kif ukoll dawk il-persuni li ġew ingaġġati ġodda minn barra l-korp. Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għar-rekluti, ċjoè dawk il-persuni li applikaw biex ikunu ingaġġati fir-rank ta’ kuntistabbli fil-korp wara s-soliti sejħiet pubbliċi għall-ingaġġ, l-ammont għall-istess perjodu, huwa kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt: Sena Numru ta’ rekluti ingaġġati bħala kuntistabbli tal-pulizija bi prova 2017 97 2018 77 2019 56 2020 44 2021 106 Total 380

Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwljanza — Advisors

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarjaru Parlametari għar-Riformi u l-Ugwljanza, jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fis-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza hemm 2 advisors fuq bażi part-time li jaħdmu 10 sigħat u 20 siegħa rispettivament u li s-salarju tagħhom hu fi Skala 3.

Qorti ta’ Malta — entratura għall-akkużati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2821, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja u li issa ġiet riferuta lilu, u jispjega l-kriterji li abbażi tagħhom il-Pulizija jew l-uffiċjal tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi jiddeċiedu fuq liema entratura jiddaħħlu l-akkużati fil-Qorti ta’ Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-deċiżjoni tal-Pulizija f'dan ir-rigward issir mill-uffiċjal investigattiv wara li jkunu valutati r-riskji u l-miżuri ta' sigurtà meħtieġa għall-istess persuni, fost elementi oħra. L-uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi jużaw il-parti tal-binja responsabbiltà tagħhom, sakemm ma jkunx hemm deċiżjoni mod ieħor.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1637 u jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħti ta’ spiss jagħmlu materjal informattiv fuq il-midja kemm bħala reklamar, kif ukoll bħala slots informattivi. Dan bil-għan li l-pubbliku jkunu mgħarraf bl-attivitajiet/inizjattivi li jittieħdu. Infurmat li it-tagħrif mitlub għall-perjodu ta’ ħames snin hu ONE Productions (Espresso): €3256,80.

Applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Peress li l-applikant, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qiegħed fil-proċess biex jikseb iċ-ċittadinanza Maltija, jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra: a. kemm-il darba dan l-applikant ġie hawn Malta; b. kemm dam hawn Malta kull darba li ġie; u ċ. x'konnessjonijiet u kontribuzzjoni ta lil Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Informazzjoni dwar applikanti għaċ-ċittadinanza tingħata jekk il-persuni jakkwistaw iċ-ċittadinanza jew jekk jiġu privi miċ-ċittadinanza fejn isimhom jiġi ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern.

Il-Fgura – Triq Hompesch u Triq Żabbar – Ċitazzjonijiet lill-vetturi kummerċjali kbar

Question

Peress li fit-toroq prinċipali tal-Fgura (Toroq Żabbar u Hompesch) hemm tabelli li ma jistgħux jgħaddu vetturi kummerċjali kbar jekk ma jkunux se jagħtu servizz fil-lokalità u kif kulħadd jaf, dawn il-vetturi jgħaddu minn din it-triq il-ħin kollu, inkluż filgħaxija, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm ħarġu ċitazzjonijiet fuq din il-materja mil-LESA u l-Pulizija tul is-sena 2022, maqsuma xahar b’xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi fit-toroq imsemmija mill-Onor. Membru hemm tabella waħda b’senjalazzjoni li tindika li vetturi kummerċjali kbar ma jistgħux jgħaddu, jekk ma jkunux se jagħtu servizz fil-lokalità. Infurmat li matul is-sena 2022 inħarġu seba’ (7) kontravvenzjonijiet lil sewwieqa li għaddew mit-toroq insemmija b’vetturi kummerċjali kbar, u li ma kinux intenzjonati li jagħtu servizz fil-lokalità.

Ħ’Attard – Central Link – ċitazzjonijiet ta’ over speeding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet ta' over speeding fis-Central Link, f’Ħ’Attard mill-Pulizija u/jew mill-Uffiċjali tal-LESA (fil-biċċa ta' bejn il-pompa tal-petrol li tinsab quddiem il-Palazz ta' San Anton u Wied Inċita) fis-snin 2021 u 2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' ċitazzjonijiet dwar overspeeding, bl-użu ta' speed guns li nħarġu mill-pulizija tat-Taqsima tat-Traffiku fit-triq imsemmija minn Diċembru 2021 sal-25 ta' Ottubru ta' din is-sena, kien ta' disa’ mija u sitta u tletin (936).

Ħ’Attard – Central Link – miżuri biex jiġi kkontrollat l-overspeeding

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu mill-Pulizija u/jew il-LESA sabiex jiġi kkontrollat l-'over speeding' fis-Central Link, f’Ħ’Attard fil-biċċa ta' bejn il-pompa tal-petrol li tinsab quddiem il-Palazz ta' San Anton u Wied Inċita?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-miżuri prinċipali li qed jittieħdu kemm mill-Pulizija kif ukoll mill-uffiċjali tal-LESA biex jiġi kkontrollat l-over speeding fis-Central Link, f’Ħ’Attard fil-biċċa indikata mill-Onor. Interpellant, hu permezz ta’ preżenza aktar frekwenti ta' uffiċjali miż-żewġ awtoritajiet bħala mezz ta' prevenzjoni u kontroll, u bi ħruġ ta' ċitazzjonijiet kif u meta jkun hemm il-ħtieġa.

Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis — indirizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn fejn qed topera bħalissa l-Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis (ARUP) u jagħti l-indirizz? Jista’ jgħid jekk il-post inkeriex, minn meta u jekk inħarġitx sejħa għall-offerti? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Awtorità għall-użu responsabbli tal-Kannabis (ARUC) topera mill-Marsa u l-indrizz hu, 4th Floor, Onda Buildings, Triq Aldo Moro, Marsa. Peress li fl-istess binja kien hemm diġà sular li kien mikri lill-istess Ministeru li kienet taqa’ taħtu l-ARUC (bażikament il-Human Right Directorate), kien għaqli li jinkera sular ieħor peress li s-servizzi kollha tal-IT, apparti affarijiet oħra, kienu diġà lesti f’posthom. Kopja tal-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – riżenja ta' Spettur fil-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex irriżenja f’daqqa waħda mill-Korp tal-Pulizija l-Ispettur, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kellu f’idejh l-Inkjesta Maġisterjali tal-VGH? Jista’ jgħid kemm-il sena kien baqagħlu għal 25 sena servizz?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesti maġisterjali jitmexxew mill-Maġistrat.

Paceville – persuni li kkommettew diversi reati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx identifikati l-persuni li fil-lejl ta’ bejn il-25 u s-26 ta’ Ġunju, 2022 ikkommettew diversi reati f’Paceville quddiem l-istabbiliment, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, fosthom tentattiv ta’ ferita gravi, ksur ta’ bon ordni u theddid?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Pulizija ressqet persuni l-Qorti.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Advisors

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm impjega Advisors fil-Ministeru tiegħu u kemm hu t-total tan-nefqa?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fil-Ministeru mmexxi minni hemm 2 full-time advisors u part-time advisor (20 siegħa) li s-salarju tagħhom hu fi Skala 3.

Bord tal-Parole

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ħidma li saret matul l-aħħar sena, inkluż kemm-il darba ltaqa', xahar b'xahar, il-Bord tal-Parole?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li matul is-sena 2021 il-bord tal-parole iddeċieda fuq sitta u ħamsin każ. Infurmat li fir-rigward ta’ emendi, sospensjoni u revoki tal-liċenzji tal-Parole, kien hemm ukoll seba’ (7) liċenzji tal-Parole li ġew mibdula.

LESA – Użu ta’ fondi għal inizjattivi ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’fondi għandha l-LESA miġbura u maħsuba biex jintużaw għal inizjattivi ta’ sigurtà fil-lokalitajiet? Għal liema inizjattivi jistgħu jintużaw dawn il-fondi? Min hu intitolat li japplika għal dawn il-fondi? Kien hemm xi kunsilli lokali li applikaw? U jekk iva, kemm kien hemm kunsilli lokali li kellhom it-talba tagħhom aċċettata, kemm kunsilli kellhom it-talba li ma ġietx aċċettata u kemm-il kunsill lokali ma applikax? Liema kienu dawk il-kunsilli lokali li t-talba tagħhom ġiet aċċettata? Liema kienu dawk il-kunsilli lokali li t-talba tagħhom ma ġietx aċċettata? Liema kienu dawn il-kunsilli lokali li ma applikawx?

Response (CAMILLERI, BYRON)

L-Aġenzija LESA nehdiet skema ta’ fondi bit-titlu Proġetti fil-Komunità f’Jannar 2021, bil-kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), li tiggarantixxi tliet miljun ewro fuq tliet snin li hija maħsuba sabiex isiru proġetti fil-lokalitajiet. Għal din l-iskema huma eliġibbli l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, il-Kunsilli Reġjonali u l-Kunsilli Lokali li ġew stabbiliti f’ħames kategoriji indikattivi, li huma: 1. Lokalitajiet iktar siguri 2. Ambjent aħjar fil-lokalitajiet 3. Transport Alternattiv u iktar nadif 4. Infrastruttura Moderna 5. Wirt Lokali F’din l-iskema, Kunsill Lokali u Kunsill Reġjonali jista’ jirbaħ proġett darba fi tliet snin. Matul l-ewwel sejħa applikaw 45 Kunsill u l-AKL. Minn dawn, 2 applikazzjonijiet waslu wara d-data tal-għeluq u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati, u ntgħażlu 21 proġett. Matul it-tieni sejħa applikaw 30 Kunsill u l-AKL. Minn dawn, 2 applikazzjonijiet waslu wara d-data tal-għeluq u għalhekk ma ġewx ikkunsidrati, u ntgħażlu 21 proġett. Fil-preżent hemm miftuħa t-tielet sejħa għall-proġetti.

Binja ġdida għas-suldati

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-istudji li qegħdin isiru humiex rigward estensjoni ta' sular ieħor fuq il-binja fejn illum hemm Transport Malta u d-Dwana ġewwa x-Xatt, jew minflok il-latrina li hemm biswit din il-binja? Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-ħsieb ta' binja ġol-parkeġġ li hemm fil-Marina falla? Jista' jgħid kemm jaħseb li ser idumu dawn l-istudji biex dawn is-suldati ma jibqghux allokati f'binja taħt l-art?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-istudji qed isiru fir-rigward tal-estensjoni ta’ sular fuq il-binja ta’ Transport Malta u d-Dwana ġewwa x-xatt. Dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern li kontinwament itejjeb il-ħajja tas-suldati, u dan wara li tejjeb bil-kbir il-kundizzjonijiet tagħhom wara li ħaddiehor ħallihom friżati għal ħafna snin.

Kaptana minn pajjiżi terzi – imbarkar biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2713 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u jgħid xi kwalifiċi għandhom il-kaptana minn pajjiżi terzi li jiġu imbarkati biex jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd, sabiex ikunu jistgħu jbaħħru f’ibħra internazzjonali? Kemm ingħataw permessi mill-bidu ta’ din is-sena, xahar b’xahar? Mil-liema pajjiżi ġejjin dawn il-persuni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2714.

Il-Mosta — Cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kameras fil-Mosta, li twaħħlu sabiex jaqbdu lil min iħammeġ u jikser il-liġi, jaħdmux? Inħarġu xi multi fil-konfront ta’ min inqabad iħammeġ jew jikser il-liġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizja u kemm l-Aġenzija LESA mhumiex is-sidien tal-cameras fil-Mosta, li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Għalhekk nitolbu jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza – Advisors fuq kuntratti/direct orders

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?

Response (CAMILLERI, BYRON)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 2610, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat illi l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi mwieġba hawn taħt. Advisors fuq Kuntratti/Direct Orders mill-2018 - 2022 Sena Advisors fuq Kuntratti/Direct Orders Valur € (Inc. VAT) Commission on Gender-Based Violence and Domestic Violence January 2019 - December 2019 Advisor €9,520.00 January 2020 - June 2020 Advisor €4,550.00 TOTAL €14,070 August 2019 - August 2020 Advisor €30,680.00 August 2020 - February 2021 Advisor €11,564.00 February 2021 - August 2021 Advisor €11,564.00 TOTAL €53,808 November 2020 - May 2021 Advisor €4,550.00 May 2021 - July 2021 Advisor €2,100.00 TOTAL €6,650 March 2021 - August 2021 Advisor €5,664.00 September 2021 - February 2022 Advisor €5,664.00 TOTAL €11,328 Human Rights Directorate 2018 Nil 2019 Advisor €58,240 Advisor €36,400 Total €94,640 2020 Advisor €58,240 Advisor €42,000 Advisor €10,000 Advisor €8,500 Advisor €13,650 Advisor €21,000 Advisor €9,360 Total €162,750 2021 Advisor €58,240 Advisor €42,000 Advisor €10,000 Advisor €13,333 Total €123,573 2022 Advisor €20,000 Advisor €31,500 Total €51,500

Għaqdiet tan-Nar liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn għaqdiet tan-nar liċenzjati madwar Malta u Għawdex, liema huma, humiex ta’ xi soċjetà mużikali partikolari jew privati u f’liema lokalità tinsab kull kamra tan-nar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi d-dettalji dwar kmamar tan-nar liċenzjati madwar Malta u Għawdex għadhom kif kienu indikati aktar kmieni din is-sena, fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 1264.