Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rotta 72 — bdil fid-direzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rotta bin-numru 72 minflok tgħaddi minn quddiem il-fabbrika tal-ST, tistax tibda tgħaddi minn wara u ddur min mal-Menhir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent m’humiex isiru tibdiliet fir-rotot. Dan sabiex jingħata żmien fejn is-servizz jistabilizza ruħu. Madanakollu, it-talbiet li qegħdin isiru għal modifiki fir-rotot jew fl-iskedi qegħdin jiġu analizzati sabiex fejn huwa possibli, jiġu attwati.

Ħal Safi u Ħal Kirkop — titjib fit-Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jara li s-sistema tat-trasport pubbliku ta' Ħal Safi u Ħal Kirkop tiġi ameljorata peress li ta' kull filgħodu l-karozzi qegħdin jgħaddu bla ħin u fir-rush hour qed ikunu full up?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-problema hi solvuta u s-servizz illum hu frekwenti u regolari biż-żejjed biex jissodisfa d-domanda.

Rotta 202 — rotta kompleta

Question

Jista' l-Ministru jassigura li r-rotta tat-trasport pubbliku 202 tagħmel ir-rotta kompleta tagħha f'kull vjaġġ skedat li tinkludi ukoll il-Buskett?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta rċeviet xi ilmenti mingħand il-passiġġieri li r-rotta 202 mhux dejjem qed tidħol ġewwa l-Buskett. Infurmat ukoll li Transport Malta diġa nfurmat lill-operatur tat-trasport pubbliku b’ dawn l-ilmenti u ser tieħu ħsieb timmoniterja din ir-rotta sabiex jekk dan l-aġir jerġa jseħħ tittiehed l-azzjoni neċessarja.

Rotta 109

Question

Jista' l-Ministru jassigura li r-rotta tat-trasport pubbliku 109 tagħmel ir-rotta kompleta tagħha f'kull vjaġġ skedat anke jekk din bħalissa hi sub contracted? Minħabba li hemm ċertu bus stops li jintużaw kemm meta l-vettura tkun fid-direzzjoni tar-Rabat kif ukoll meta tkun fid-direzzjoni tas-Siġġiewi, jista' jassigura li l-vettura jkollha indikat b'mod ċar f'liema direzzjoni tkun sejra l-vettura?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin Transport Malta se tkun qed tosserva l-andament tar- rotta 109 sabiex tassigura li l-imsemmija rotta issegwi t-traġitt tagħha.

Site plans tax-xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30697, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra site plans li juru eżatt ix-xogħlijiet ikkwotati? Jista' jgħid meta nħarġu t-tenders tax-xogħlijiet relattivi u jagħti r-referenza tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — lista ta' tenders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30888 u jagħti lista ta' tenders mogħtija fl-2008, 2009, 2010 u bejn Jannar u Novembru 2011 mill-Ministeru, l-aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħtu u li l-valur tagħhom kien ta' iktar minn miljun ewro? Jista' jagħti dettalji ta' x'tenders kienu u lil min ingħataw? Jista' jgħid fuq kemm minnhom tħallas iktar minn kemm kienet l-ispiża oriġinali u kemm kienet id-differenza f'kull każ u jagħti r-raġuni għaliex ġara hekk f'kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

inkonvinjent għan-nies li joqgħodu viċin Hastinigs sabiex jaslu d-dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li r-residenti Beltin li joqogħdu fl-inħawi ta’ Hastings kollha qed jilmentaw mill-fatt ta’ kemm ġie mtawwal it-traġitt biex huma jaslu sa ħdejn darhom, u dan peress li qed ikollhom jidħlu minn taħt il-Hotel Pheonicia, Strada San Marco, Strada Forni, Triq San Gwann, Strada Stretta u Triq Melita? Jidhirlu l-Ministru li għandu jilqa’ r-rakkmandazzjonji tagħhom u jawtorizza li wara s-sebgħa ta’ filgħaxija dawn ikunu jistgħu jidħlu minn fejn Kastilja u jduru għal Melita Street, sabiex jitilgħu sa fejn Hastings biex b'hekk jiġi mitigate l-inkonvenjent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ħsieb huwa li meta x-xogħlijiet ta' Bieb il-Belt jitlestew, se jitħalla aċċess ristrett minn Triq Ordinanza għar-residenti tan-naħa tal-Ġnien ta' Hastings.

Triq il-Merkanti kantuniera ma' Triq l-Arċisqof, il-Belt — railing

Question

Jista' l-Minsitru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31054 li saret lill-Ministru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jara jekk jistax jiġi stallat xi tip ta' railing fi Triq il-Merkanti kantuniera ma' Triq l-Arċisqof, il-Belt sabiex jiġi fiżikament limitat il-firxa tal-monti li ħafna drabi jibqa' ħiereġ aktar 'il barra minn din il-kantuniera b'riskju għan-nies bil-vetturi li jkunu għaddejjin minn Triq l-Arċisqof?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li tali problema tiġi ndirizzata aħjar permezz ta’nfurzar mill-awtorità kompetenti sabiex il-bejjiegħa tal-Monti ma joħorġux aktar ‘il barra mill-ispazju allokat lilhom skont il-permess tagħhom, milli b’miżuri ta’ traffic management hekk kif suġġerit mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

San Ġiljan — Triq il-Baħar l-Iswed - tirq bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dawl li jinsab maqtugħ fi Triq il-Baħar l-Iswed , San Ġiljan kważi quddiem Triq it-Tabib John Buontempo f'San Ġiljan għadu maqtugħ peress li ilu jiġi rapportat għal bosta ġimgħat li m'hemmx dawl? Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni tiġi solvuta din il-problema?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Transport Malta- tweġiba għal talba ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex Trasport Malta mhux qed twieġeb għat-talba li għamlet il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nħossx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Transport Malta — toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru toroq residenzjali mill-2008 sal-2011 minn Transport Malta maqsumin skont kull belt u raħal? Jista' jgħid kemm intnefqu flus biex saru dawn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bejn l-2008 u l-2011, Transport Malta bniet 399 triq residenzjali għal spiza totali ta’ kwazi għoxrin miljun (€20,000,000). Waqt li qed inpoggi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni dettaljata, nippreċiza illi l-kelma “bniet” tinkludi kemm bini għall-ewwel darba f’każ ta’ triq li tkun qatt ma saret, kemm rikostruzzjoni f’kaz ta’ toroq li jkunu saru imma jkunu jeħtieġu rikostruzzjoni kompleta jew parzjali.

deċiżjoni biex tinbena triq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif u meta Transport Malta tiddeċiedi li tintervjeni fuq triq residenzjali li qatt ma tkun inbniet?

Response (GATT, AUSTIN)

Qabel xejn Transport Malta hi responsabbli għall-formazzjoni u bini sal-livell ta’ tarmac ta’ (1) toroq residenzjali li qatt ma kienu saru u (2) toroq residenzjali li minkejja li jkunu saru jkunu jeħtiegu rikostruzzjoni. Fir-rigward tal-ewwel kategorija, Transport Malta tintervjeni biex tagħmel it-triq malli l-bini f’dik it-triq ikun wasal għall-anqas fil-livell ta’ 70% tal-bini kollu li jista jinbena. Dan il-livell ta’ bini hu kkunsidrat il-minimu neċessarju biex il-kostruzzjoni tal-bini li jiġi wara, ma jħarbatx mill-ġdid it-triq li tkun għadha kemm ġiet iffurmata. F’dan il-qasam irreġistrajna progress qawwi ħafna, u fl-2012, għall-ewwel darba, nistgħu ngħidu li qed inlaħħqu mad-domanda ta’ bini ta’ toroq ġodda residenzjali għaliex qtajna l-backlog kollu li kellna. Sal-2011, kien għad hemm backlog ta’ toroq residenzjali li jridu jinbnew iżda bejn l-2008 u l-2011 inbnew 408 triq residenzjali u issa l-backlog inqata. Għalhekk issa ddaħlet sistema fejn kull sitt xhur (normalment f’Mejju/Ġunju u Novembru/Diċembru) Transport Malta tagħmel survey mal-Kunsilli Lokali biex tara liema toroq residenzjali ġodda laħqu l-livell ta’ 70% bini u allura tkun tista tippjana biex tintervjeni fuqhom. Fil-fatt, fl-2012 Transport Malta mhix se tkun qed taħdem biex taqta’ il-backlog (għajr xi eċċezzjonijiet), imma se tkun qed tintervjeni fuq toroq residenzjali li ġew identifikati riċentement u bejn Jannar u Gunju 2012 sejra taħdem fuq dawn it-toroq identifikati f’Gunju 2011 u Lulju-Diċembru fuq dawk identifikati f’Diċembru 2011.

Ħlas lil Coop Services Ltd minn Transport Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħallset Trasport Malta lill-kumpanija Coop Services Ltd għal użu ta' coaches b'żieda ma' dawk tal-Arriva xahar b'xahar mit-3 ta' Lulju 2011 sal-aħħar ta' Novembru 2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul il-perjodu msemmi, Transport Malta m'għamlet l-ebda ħlas lill-kumpanija Coop Services Ltd għal użu ta' coaches b’konnessjoni mal-operat tal-Arriva.

ex-impjegat tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan l-ex impjegat tat-Tarzna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, qatt ma ngħata l-promozzjoni ta' welder/burner li suppost kellu jieħu fil-grad tax-xogħol tiegħu u għalhekk saret ingustizzja mieghu? Jista' l-Ministru jara li dan il-ħaddiem jingħata rimedju?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

San Pawl il-Baħar — ftehim dwar rotot li jgħaddu minn Triq Toni Bajjada

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi diskusjonijiet bejn Transport Malta u l-Arriva, biex ikun hemm almenu rotta waħda ta' karozzi tal-linja li jgħaddu minn Triq Toni Bajjada, San Pawl il-Baħar, fid-direzzjoni ta' Bugibba/Qawra?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta — project manager fuq xogħlijiet ta' bus lanes, bus depots u park and ride

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kien il-project manager tax-xogħlijiet li saru biex ġew organizzati bus lanes u bus depots u park and ride centres? Kemm nefaq il-gvern jew Transport Malta għas-servizzi ta' dan il-project manager u b'liema mod intgħażel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-project manager kien wieħed mill-periti ta' Transport Malta u għalhekk ma kienx hemm nefqa addizzjonali għajr il-paga normali tiegħu.

43rd Cieca Congress — impjegati akkomodat ġo lukanda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni illi, meta ġiet organizzata l-43rd Cieca Congress kien hemm impjegati li, flimkien mal-PA taċ-Chairman ta' Transport Malta, baqgħu akkomodati fil-lukanda l-lejl ukoll? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa globali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-kumitat organizzattiv tal-Kungress baqgħu l-lukanda tul il-Kungress kollu li kien maqsum f'erba' t'ijiem, minħabba raġunijiet ta' xogħol marbuta mal-istess kungress, u biex jiżguraw li d-delegati ngħataw l-informazzjoni u servizzi kollha li kellhom bżonn. Ninforma lill-Onor Interpellant li l-akkomodazzjoni ta' dawn in-nies kienet offruta b'xejn mill-lukanda. In-nefqa globali ta' dan il-kungress kienet ta €53, 265 li minnhom kien hemm dħul mir-reġistrazzjoni tal-parteċipanti li ammonta għal €22,271. Il-Kungress kien maqsum f'erbat ijiem, u barra nid-delegazzjoni internazzjonali, kienet ukoll tinkludi konferenza għal madwar 200 driving instructors nhar is-Sibt 28 ta' Mejju 2011.

tibdliet fis-sistema tat-trasport pubbliku — effett finanzjarju

Question

Fid-dawl tal-fatt li fl-aħħar xhur tħabbru mill-anqas ħames tibdliet fis-sistema tat-trasport pubbliku, jista' l-Ministru jagħti d-dati tal-bidliet u jgħid x'effett finanzjarju kellha kull bidla fuq Transport Malta u/jew il-Gvern u x'effett finanzjarju kellha kull bidla fuq l-Arriva? Jista' jgħid ukoll x'effett kellha kull bidla fuq l-ammont ta' karozzi fil-flotta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dati tal-bidliet li saru fir-rotot tat-trasport pubbliku s’issa kienu: 31 ta’ Lulju , 11 ta’ Settembru , 2 ta’ Ottubru , 6 ta’ Novembru. Infurmat ukoll li l-maġġor parti ta’ l-ispejjeż għat-tibdil fir-rotot qed jiġu mħallsa minn Arriva hekk kif ġie mħabbar fit-22 ta’ Lulju 2011 u l-Onor Interpellant jifhem illi l-effett finanzjarju fuq l-Arriva hi kwistjoni privata. Transport Malta wkoll ser tkun qed tiffinanzja xi tibdil fir-rotot oħra skont kif stipulat fil-kuntratt bejn l-istess Transport Malta u Arriva Malta Ltd. Dawn l-ispejjeż li għadhom qed jiġu diskussi huma meqjusa ferm aktar baxxi mis-sussidju li kien jingħata lill- Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku. L-Ammont ta’ karozzi għandu jiżdied b’36.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — ingaġġ ta' persuni

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista tan-nies (grad ta' manager 'il fuq) li ġew ingaġġati mad-dekasteri tiegħu f'dawn l-aħħar tliet snien, filwaqt li jinkludi l-pożizzjoni offruta, it-tip ta' kuntratt (definit, indefinit), il-livell ta' edukazzjoni, in-numru ta' snin li l-kuntratt huwa validu (fil-każ ta' definite contract), is-salarju u l-benefiċċji l-oħra li ġew offruti? Jista' jindika wkoll jekk hemmx pjan li jiġu ngaġġati aktar nies fit-tliet snin li gejjin? Jekk fl-affirmativ, taħt liema dekasteru u x'pożizzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni mitluba.

Sinjal isfar tan-no parking

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga kif hemm sinjal isfar ta' no parking quddiem il-bieb, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, meta m'hemmx garaxx fiżikament fil-post iżda din hija sempliċiment entrata privata ta' dar? Ma jaħsibx li dan is-sinjal isfar huwa illegali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret minn Transport Malta jirriżulta li l-bieb ta’ tali propjetà, li għalih qed jirreferi l-Onor. Interpellant, jagħti għal fuq parkeġġ intern għal vetturi u għandu l-permessi kollha meħtieġa tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), u għaldaqstant Transport Malta approvat sinjali sofor doppji, tul ta’ metru, fuq iż-żewġ naħat ta’ tali bieb. Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċċjali ta’ Trasport Malta, irriżulta li l-kaxxa safra li hemm quddiem dan il-bieb ma ġietx approvata mill-Awtorita` u se jittieħdu l-passi neċessarji f’dan ir-rigward.