Legislature:
Category:
Reset
Active:

Inizjattiva “Aqra Kemm Tiflaħ” — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma matul dawn l-aħħar 12-il xahar tal-inizjattiva “Aqra Kemm Tiflaħ”?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Interpellant li minn Settembru 2016 sa Settembru 2017, l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu bis-saħħa tal-programm ‘Aqra kemm tiflaħ’ qassmet madwar 23,770 ktieb fi 63 skola primarja. 11-il skola primarja tal-istat, jiġifieri, l-iskejjel taż-Żurrieq, Pembroke, San Ġwann A, Paola A, il-Belt Valletta, Birkirkara, Santa Venera, il-Fgura A, Marsaskala, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ ingħataw 100 ktieb (50 bil-Malti u 50 bl-Ingliż) f’kull klassi tal-ewwel, it-tieni u t-tielet klassi tal-primarja. Apparti minn hekk, il-bqija tal-iskejjel primarji tal-istat ingħataw top up ta’ kotba biex b’hekk qabel bdiet din is-sena skolastika, il-klassijiet kollha tal-ewwel, it-tieni u t-tielet sena tal-iskejjel tal-istat, li kienu ġa ngħataw xi kotba s-sena ta’ qabel, ingħatawlhom il-bqija tal-kotba li kienu jeħtieġu biex ikollhom mija. Il-libreriji tal-klassijiet tal-lingwi fl-iskejjel medji ta’ Bormla u l-Iskola Nazzjonali tal-Isport komplew jissaħħu, billi ngħataw madwar 150 ktieb bil-Malti u Ingliż kull skola. Biex il-programm ‘Aqra kemm tiflaħ’ iħalli l-impatt meħtieġ u t-tfal jaqraw aktar, l-Aġenzija qiegħda tkompli tippromwovi l-qari bħala esperjenza pjaċevoli u pożittiva billi toħloq riżorsi diġitali u stampati abbinati mal-kotba mqassma. Dawn ir-riżorsi jintużaw mill-għalliema u l-istudenti qabel, waqt u wara l-qari u wieħed isibhom fil-paġna tal-pjattaforma diġitali tal-Fronter ‘Aqra Stejjer u Kotba Diġitali’. B’kollox inħolqu mas-700 riżorsa. Matul dan il-perjodu wkoll, bl-għajnuna tal-kumpanija GO, l-Aġenzija qassmet 40 xkaffa tal-kotba tal-programm ‘Aqra kemm Tiflaħ’ fil-klassijiet tal-ewwel, it-tieni u tielet sena tal-iskejjel primarji ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan, l-Imsida, ix-Xgħajra, ir-Rabat, Għawdex, Birżebbuġa, il-Birgu, Ħal Qormi San Bastjan u Ta’ Sannat, Għawdex. Ma’ dan ix-xogħol, wieħed irid iżid ix-xogħol ta’ tħejjija li sar mit-tim ta’ ‘Aqra kemm Tiflaħ’ biex minn din is-sena skolastika (2017-18) jibdew jitqassmu l-kotba fil-klassijiet tar-raba’, il-ħames u s-sitt sena tal-iskejjel primarji tal-istat. Dan ix-xogħol jikkonsisti fl-għażla, ix-xiri, il-livellar u l-ipproċessar tal-istess kotba, kif ukoll laqgħat u taħditiet ma’ edukaturi fl-iskejjel li se jibbenifikaw mill-għoti tal-istess kotba.

Skejjel tal-Istat — għalliema

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm hu n-numru ta’ għalliema fl-iskejjel tal-Istat fil-bidu ta’ din is-sena skolastika? X’persentaġġ minnu huma supply teachers?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatajt fit-2 ta' Novembru 2017 bi tweġiba għal din il-mistoqsija hi li n-numru ta’ għalliema fl-iskejjel tal-istat huwa 3903 u li minnhom 233 huma supply teachers, jiġifieri 6%.

SkolaSajf — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-ħidma ta’ SkolaSajf din is-sena? Kemm kien hemm tfal li applikaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ tfal reġistrati għal Skolasajf 2017 li nżamm bejn is-17 ta’ Lulju u s-7 ta’ Settembru, 2017 kien ta’ 12,190. Kien hemm b’kollox 56 Ċentru (fosthom 9 ċentri f’Għawdex, 3 ċentri ta’ Riżorsa, u Sannat Special Unit). Il-ħin tal-ftuħ kien bejn it-8.30 ta’ filgħodu u n-nofsiegħa (12.30hrs) ta’ wara nofsinhar. Iżda fit-30 ċentru li ġejjin il-ħin kien jestendi mis-7 ta’ filgħodu sal-5.30 ta’ filgħaxija. Attard Luqa Pembroke St Venera Birzebbugia Mellieħa Qormi SĠ Valletta Birkirkara Mġarr Rabat Ħaż-Żabbar Cospicua Mosta San Ġwann Ħaż-Żebbuġ Fgura Marsascala Siġġiewi Żejtun Floriana Naxxar Sliema Żurrieq Ħamrun GP Paola St Julians Xagħra St Paul’s Bay Victoria It-temi li ġew diskussi matul dan is-sajf kienu maqsumin fi tnejn: Skolasajf 2017 ‘Education for All’ – Kinder Programme 1. I know about......MYSELF 2. I know about......MY FAMILY AND FRIENDS 3. I know about...... STORIES 4. I know about...... MUSIC AND RHYTHM FUN 5. I know about...... HOW THINGS WORK 6. I know about...... THE WORLD AROUND US 7. I know about...... HELPING OUT Skolasajf 2017 ‘Education for All’ – Primary Programme 1. My Communication (Languages...) 2. My numbers (Maths.....counting, calculation, maths in real life) 3. My well being ( Health Education...eating, physical activity) 4. My curiosity (Science and ICT) 5. My humanity ( Ethical education) 6. My responsibility (Citizenship Education) 7. My creativity (Expressive Arts Education) Iċ-ċentri kienu wkoll imħeġġa jagħmlu attivitajiet flimkien mal-Kunsilli Lokali sabiex inressqu lit-tfal aktar viċin ix-xogħol li jsir fil-komunità. Iċ-ċentri organizzaw ukoll attività b’riżq il-Malta Community Chest Fund. Għat-tielet sena ħdimna man-National Literacy Agency u kellna l-programm ‘Aqra fis-Sajf’. Kien hemm ukoll inizjattivi oħra bħal Klabb Sajf fiċ-ċentri ta’ Paola, Ħaż-Żabbar, Mosta u San Pawl il-Baħar; kif ukoll il-kampanja ‘Bil-Qari u l-Kitba Niskorja’ (Footballers Read and Write Summer Programme), immirata għal tfal ta’ bejn it-8 u l-10 snin. Attivitajiet oħra kienu: - Sports – sessjonijiet ta’ P.E. kif ukoll Sports Days f’kull ċentru, u kompetizzjoni sportiva bejn iċ-ċentri kollha - Kwizz edukattiv ibbażat fuq it-temi msemmija tal-Primarja. Kompetizzjonijiet li ġew organizzati waqt Skolasajf: - The Pet in My Family – Animal Welfare Directorate - Peacelab Competition - Aqra fis-Sajf Bookmark Competition - Mascot Competition mal-ARPA Tfal minn diversi ċentri pparteċipaw ukoll fl-attivitajiet li ġejjin: - Arraiolos 2017 Forum – Miftuħa għal tfal bejn it-8 snin u l-10 snin: 13-il ċentru tellgħu esebizzjoni dwar il-pajjiżi li ħadu sehem f’dan il-forum u ltaqgħu u tkellmu mal-media barranija u mal-Kapijiet tal-iStati li attendew. - Public Speaking Workshop – Miftuħa għal tfal bejn it-8 snin u l-10 snin li ħadu sehem f’Public Speaking Workshops matul is-sajf, u attendew għal attività fil-foyer tal-Parlament fejn tkellmu u ddiskutew mal-ispeaker tal-Kamra u ma’ diversi Membri Parlamentari. - Coding Programme – dan kien proġett pilota li kien ta’ suċċess kbir, u ttella’ b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Malta Communcations Authority u d- Digital Literacy and Transversal Skills Directorate. - Valletta 18 – tfal minn ħames ċentri ngħataw taħriġ dwar il-proġett ‘Ibni Kultura’ u waqt li tgħallmu dwar is-sisien ta’ soċjetà b’saħħitha, żviluppaw huma stess kultura u soċjetà fittizja u għamlu preżentazzjoni tagħha. - Laqgħat mal-Kummisarju għat-Tfal, li għamlet żjarat f’żewġ ċentri u wara li daret il-klassijiet, kienet involuta f’diskussjoni mat-tfal fuq diversi temi. Kellna ’il fuq minn 40 imsieħba minn entitajiet governattivi, NGOs, kumpaniji privati, u ambaxxati, li taw sehemhom fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm billi offrew sessjonijiet f’ċentri differenti ta’ Skolasajf jew attivitajiet barra miċ-ċentri.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 91 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif mitlub jingħata f'seduta oħra.

Statistika ta’ persuni ‘l fuq minn 50 sena fis-suq tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika tan-numru ta’ persuni ta’ ’l fuq minn 50 sena fis-suq tax-xogħol f’dawn l-aħħar ħames snin? X’miżuri ttieħdu fil-leġiżlatura li għaddiet biex ikunu inċentivati dawn il-persuni biex jibqgħu jew isibu x-xogħol?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Jobsplus, in-numru ta’ persuni li kienu jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni u li kellhom 50 sena u aktar, fl-aħħar ta’ Marzu tas-snin mill-2013 sal-2017, hu kif se nsemmi: Persuni jaħdmu full time u part time bħala xogħol ewlieni (50+ sena) Marzu 2013 47,171 Marzu 2014 49,258 Marzu 2015 51,300 Marzu 2016 53,022 Marzu 2017 (l-aħħar ċifra ppubblikata) 55,353 Fil-leġiżlatura li għaddiet ġew imnedija numru ta’ inizjattivi sabiex persuni li għandhom aktar minn 50 sena jipparteċipaw fid-dinja tax-xogħol. Fosthom insibu: Inċentiv għal impjieg ta’ persuni akbar fl-età Dan l-inċentiv jindirizza lil kull min għandu bejn il-45 u l-65 sena. Għaldaqstant wieħed mill-objettivi ta’ din il-miżura hu li n-nisa li għandhom iżjed minn 45 sena jidħlu fis-suq tax- xogħol. Bħala inċentiv lil min iħaddem (inkluż dawk li jaħdmu għal rashom), dawn igawdu minn tnaqqis ta’ taxxa ta’ madwar €5,800 talli jimpjegaw nies li għandhom bejn il-45 u 65 sena u jkunu ilhom jirreġistraw ma’ Jobsplus għal dawn l-aħħar sitt (6) xhur. Barra minn hekk, il-kumpaniji jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ taxxa minn fuq id-dħul tagħhom jew mit-taxxa korporattiva ta’ madwar 50% għal matul il-perjodu ta’ taħriġ. It-taħrig irid ikun ipprovdut minn training provider u jrid ikun akkreditat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Pensjoni sħiħa għar-romol li jaħdmu Individwi li jkunu romol u jiddeċiedu li jibdew jew ikomplu jaħdmu full-time se jibqgħu jirċievu l-pensjoni kompluta tar-romol irrispettivament mill-qliegħ ta’ l-impjieg tagħhom u irrispettivament ukoll mill-età tat-tfal tagħhom. Pensjoni għal dawk li jibqgħu jaħdmu Individwi li jixtiequ jkomplu jaħdmu u jkunu laħqu l-età tal-irtirar jibqgħu jirċievu l-pensjoni sħiħa. Żieda fil-pensjoni għal dawk li jibqgħu jaħdmu Individwi li jiddeċiedu li jibqgħu jaħdmu wara l-età tal-irtirar u ma japplikawx għall-pensjoni jkunu intitolati għal żieda fil-pensjoni għal kull sena. Estensjoni tar-rata ta’ taxxa ta’ 15% fuq dħul għal pensjonanti self-employed Pensjonanti li huma wkoll self-employed fuq bażi part-time igawdu minn rata ta’ taxxa ta’ 15% fuq id-dħul tagħhom mix-xogħol jekk dan id-dħul ma jkunx ogħla mill-minimu ta’ dħul li fuqu jħallsu l-anqas rata ta’ kontribuzzjoni għas-sigurtà soċjali. Work Programme Initiative Permezz tal-Work Programme Initiative, il-Jobsplus b’kollaborazzjoni ma’ tliet operaturi privati qed jassistu nies li jkunu ilhom ifittxu xogħol għal iktar minn sena biex isibu impjieg sostenibbli (l-individwu irid ikun dam jirreġistra għal madwar 12–il xahar f’dawn l-aħħar sentejn, il-perjodu ta’ reġistrazzjoni m’għandux għalfejn ikun konsekuttiv biex jiġi eliġibbli għall-Work Programme). Nies li kienu innativi fl-aħħar 12-il xahar b’mod konsekuttiv huma wkoll eliġibbli għall-Work Programme. Din il-miżura hi indirizzata lejn kull min għandu iktar minn 25 sena, u tolqot ukoll nies li għandhom ‘l fuq minn 50 sena. Fil-fażi inizjali, jinħoloq profil individwali fejn ikun identifikat l-aħjar tip ta’ taħriġ skont il-bżonnijiet tal-persuna. Wara din il-fażi, il-parteċipanti jibdew jingħataw taħriġ speċifiku skont kif ikun indikat fil-profil tiegħu/tagħha. L-aħħar fażi tal-proġett hija li jinstab xogħol adegwat għall-parteċipant. Access to Employment Scheme L-iskema Access to Employment (A2E), tipprovdi għajnuna għax-xogħol lill-intrapriżi f'Malta u Għawdex biex jirreklutaw individwi li huma l-aktar żvantaġġati fost dawk li qed ifittxu xogħol kif ukoll persuni inattivi. Barra min hekk, din l-iskema tgħin lill-parteċipanti sabiex jiġu integrati fis-suq tax-xogħol billi jingħataw opportunità ta’ impjieg. L-iskema hi indirizzata għal numru ta’ kategoriji fosthom persuni li għandhom 50 sena jew aktar u li m’għandhomx xogħol. Dawk li jħaddmu individwi li huma eliġibbli għall-iskema jirċievu sussidju ta’ €85 fil-ġimgħa għal kull impjegat ġdid għal 26 ġimgħa, 52 ġimgħa jew 104 ġimgħat, skont il-kategorija li jikkwalifikaw għaliha. Fil-każ ta’ persuni reġistrati b’diżabbiltà, jingħata sussidju ta’ €125 fil-ġimgħa għal massimu ta’ 156 ġimgħa.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol – konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif se nsemmi: Jobsplus L-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament u d-ditta legali tiegħu ngħataw żewġ direct orders għal konsulenzi. Kien hemm ukoll ħatra diretta ta’ Segretarju ta’ Bord. L-istess individwu ta servizzi legali f’erba’ snin konsekuttivi iżda m’hemmx informazzjoni disponibbli dwar jekk dawn is-servizzi legali ngħatawx b’tender jew direct order. SportMalta Kien hemm direct order waħda għal servizzi legali mill-individwu kkonċernat. Foundation for Educational Services (FES) Kien hemm żewġ direct orders għal servizzi legali mill-individwu kkonċernat. Foundation for Tomorrow’s Schools (FTS) Id-ditta legali ngħatat kuntratt għal servizzi legali. Dan il-kuntratt ingħata wara sejħa (expression of interest) fil-ġurnali lokali.

Ir-Rabat (Għawdex) – Arkivju Nazzjonali u Librerija – fire alarm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaħħalx il-fire alarm li kellu jsir fl-Arkivju Nazzjonali u l-Librerija fi Triq Vajringa fir-Rabat, Għawdex u dan kif kien indika sena ilu fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 27782 tat-12-il Leġiżlatura? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol għadu ma sarx, x'inhi r-raġuni issa li għadda tant żmien? Ma jaħsibx li hemm periklu serju għal tant dokumenti importanti li hemm f'dan il-post? Jista' jgħid għalfejn l-iskola primarja li hemm fl-istess post, kif ukoll il-Librerija u l-Arkivji, għadhom sal-lum bla watchman?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Arkivji Nazzjonali u l-Malta Libraries jinsabu f’diskussjonijiet bejniethom dwar fire alarm system. B’referenza għall-aħħar parti tal-mistoqsija nixtieq ninforma l-Onorevoli Interpellant li, kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21761 tat-12-il Leġiżlatura, l-Iskola Primarja tar-Rabat (Għawdex) għandha intruder alarm system.

Ħaddiema fi grad ta' Tradesman

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema fil-grad ta' tradesman (scale 16) on loan mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni imħallsa mill-IPSL? Jista' jgħid, dawn il-ħaddiema kemm se jdumu jaħdmu fil-postijiet ta' xogħol fejn qegħdin fil-preżent? Jista' jgħid fejn huma l-postijiet ta' xogħol li fihom qegħdin jaħdmu dawn il-ħaddiema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ ħaddiema fil-grad ta’ tradesman (scale 16) on loan mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni imħallsa mill-IPSL huwa ta’ ħamsa (5). Tnejn (2) minnhom jaħdmu fis-sezzjoni tal-ġardinara ġewwa l-Ħamrun, tnejn (2) jaħdmu ġewwa s-sezzjoni tal-aluminium u tal-welders rispettivament ġewwa Santa Venera u wieħed (1) mas-sezzjoni tal-Information Management Unit ġewwa l-Floriana.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 61 u jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tagħrif li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma ilmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li ma kienx hemm ilmenti minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom. Rigward id-dipartimenti, infurmat mid-Dipartiment Strateġija u Sapport li bħalissa hemm każ wieħed. Infurmat ukoll mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi li fil-Kulleġġi kien hemm erba' (4) ilmenti fi tliet Kulleġġi differenti.

Transport Motor Drivers stazzjonati f’Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati Transport Motor Drivers mal-Ministeru tal-Edukazzjoni sena b'sena mit-8 ta' Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum? Kemm minnhom huma residenti f'Għawdex u kemm minnhom huma residenti f'Malta? Kemm minn dawn ġew stazzjonati f'Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mit-8 ta’ Marzu 2013 sal-ġurnata tal-lum ma ġewx impjegati ħaddiema fil-grad ta’ Transport Motor Driver.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — ħaddiema - xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ħaddiem hemm fl-entitajiet li jaqgħu taħtu li għandhom xogħol li jsir minn ħaddiema b'kuntratt definit ta' xogħol, inkluż cleaners?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — first aiders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders ċertifikati fid-dekasteru tiegħu u jagħti l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub fil-mistoqsija, ħlief għal żewġ entitajiet, hu kif muri fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kien għad jonqos tingħata informazzjoni mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi u minn SportMalta. Dan it-tagħrif ikun jista' jingħata bħala informazzjoni addizzjonali hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. ( Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokument PL 662 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'seduta 47 nhar l-Erbgħa, 1 ta' Novembru 2017)

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ħaddiema li ħadu promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 46 u jagħti lista tal-ħaddiema fid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi li ħadu promozzjoni fil-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5 u jgħid kemm daħlu impjegati ġodda jaħdmu fid-dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għall-perjodu 7 ta' Jannar 2013 sat-8 ta' Mejju 2013?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — nefqa fuq promotions fuq mezzi tal-media soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus l-Uffiċċju tiegħu, inkluż kull entità taħtu, għall-promotions fuq Twitter, Faceboook u social media oħra, minn Marzu 2013 sal-lum, xahar b'xahar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant sa Awwissu 2017 hu kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — defibrillator

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawk il-postijiet fis-Servizz Pubbliku fejn hemm Defibrillator?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemmx defibrillators fil-bini tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Madankollu, nixtieq nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li kienet ingħatat fil-leġiżlatura li għaddiet għall-mistoqsija parlamentari 32498 dwar defibrillators fl-iskejjel.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – ingaġġ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux ingaġġat b’xi mod kwalunkwe mal-Ministeru u/jew ma’ xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu u f’dak il-każ, x’tip ta’ kuntratt ġie ingaġġat bih u b’liema kundizzjonijiet, inkluż salarju, allowances u perkaċċi oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament m’għadux ingaġġat b’ebda mod mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol jew ma’ xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara Dokumenti PL 639 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 45 tat-Tnejn, 30 ta' Ottubru 2017)

Tkabbir tal-Università f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jitkabbar iċ-ċentru tal-Università f'Għawdex? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi biex isir dan it-tkabbir, u jekk iva meta? Jekk ma nħarġux permessi, saret applikazzjoni għal dan it-tkabbir?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Università għandha permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-twaqqigħ u bini mill-ġdid ta’ estensjoni fil-ġenb tal-binja tal-Kampus t’Għawdex. Il-pjanijiet odjerni għal dan il-kampus jinkludu mhux biss lil dan ix-xogħol imma potenzjalment anke ieħor intiż sabiex il-kampus jiġi rranġat aħjar b’mod li jakkomoda numru ikbar ta’ studenti u attivitajiet akkademiċi li jistgħu jsiru fih; l-intenzjoni hi li l-post ikabbar u jtejjeb il-faċilitajiet operattivi tiegħu fil-limiti finanzjarji li l-Università għandha biex isir dan ix-xogħol.

Valletta United Waterpolo Club – art

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 630, ġaladarba l-Gvern wiegħed li jgħaddi l-art inkwistjoni lil Valletta United Waterpolo Club, jista’ l-Ministru jagħti d-data sa meta ser jiġi ffirmat il-kuntratt tat-trasferiment?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-abbozz tal-kuntratt jinsab fil-fażi finali tiegħu u mistenni jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin.