Proġett ta’ pavimentar tax-Xatt ta’ Marsalforn – twaħħil ta’ bollards elettroniċi
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk fil-proġett ta' pavimentar tax-Xatt ta' Marsalforn hux ser jitwaħħlu bollards elettroniċi sabiex jikkontrollaw l-aċċess għaż-żoni pedonali?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux se jsiru bollards elettroniċi.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19502 jista’ l-Ministru jgħid ma’ min qed isiru l-konsultazzjonijiet rigward ir-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, meta bdew u fiex waslu u meta hu maħsub li jingħalqu? Jista’ jgħid liema hu l-Vot fil-Budget għas-sena 2021 għal dan l-imsemmi proġett?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjonijiet qegħdin isiru mal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u mal-Awtorità tat-Trasport. Dawn il-konsultazzjonijiet bdew mal-proġett u għadhom għaddejjin. Il-vot huwa dak imsemmi fl-estimi tal-gvern għas-sena 2021.
Ministeru għal Għawdex – Post ta’ Manager Security Services
Question
B'referenza għas-sejħa li ħarġet internament f’dawn l-aħħar ġimgħat mill-Ministeru għal Għawdex għal 'Post of Manager Security Services', jista’ l-Ministru jgħid fil-ġimgħat li ġejjin skont il-Capacity Building (HR Plan) approvat għas-sena 2021, kemm hemm ippjanati li jingħataw promozzjonijiet internament mal-Ministeru għal Għawdex għal din is-sejħa u jgħid f’liema direttorat fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex ħa jaqdu d-dover tagħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Capacity Building tal-Ministeru għal Għawdex jinbidel minn żmien għal żmien, skont l-esiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17635 u jgħid xahar b'xahar minn meta ġiet inawgurata d-dry standing area ġewwa x-Xlendi, kemm kien hemm ħaddiema u xi grad huma mqabbdin mill-Ministeru għal Għawdex biex jaħdmu fiha?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari numru 17635.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17262 u 18900 u jgħid kemm kienet in-nefqa taħt kull item of expenditure għas-sena 2020 sew kapitali kif ukoll rikorrenti tal-Ministeru tiegħu? Kemm hu l-ammont kommess għan-nefqa taħt kull item u li s'issa għadu ma tħallasx? Saru xi trasferimenti ta' fondi minn item għal ieħor u jekk iva kemm kien dan l-ammont?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlabt sabiex dan it-tagħrif jinġabar.
Għarb – Triq Franġisk Portelli – tieni kisja ta’ tarmak
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir it-tieni kisja ta' tarmak fi Triq Franġisk Portelli fl-Għarb, Għawdex peress li qabel is-sajf u eżattament f’Mejju 2016 il-Ministru għal Għawdex ta' dak iż-żmien kien wieġeb il-mistoqsija parlamentari 25805 u qal li dan kien se jsir fil-futur qarib u issa diġà għaddew kważi 4 snin minn dik id-data u dan ix-xogħol baqa' ma sarx? Jista’ jgħid x'inhu jżomm il-Ministeru għal Għawdex milli jagħti t-tieni kisja tarmak lil din it-triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru se jibqa’ għaddej bil-ħidma infrastrutturali bla preċedent sabiex itejjeb it-toroq arterjali, residenzjali u rurali madwar Għawdex.
Gozo Channel – Vaċċin kontra l-COVID-19 lill-ħaddiema — kriterji
Question
Jista’ l-Ministru jindika liema kriterji ntużaw biex ġiet ifformulata lista ta’ prijorità għal dawk il-ħaddiema li jaħdmu mal-kumpanija Gozo Channel sabiex dawn jieħdu l-vaċċin kontra l-COVID-19? U allura jista’ jindika kemm hemm ħaddiema li għadhom ma ħadux il-vaċċin u meta mistennija tkun eżawrita l-lista kollha tal-ħaddiema, biex b'hekk ikunu ħadu l-vaċċin kollha kemm huma?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li flimkien ma’ Transport Malta, il-Gozo Channel ħadet ħsieb li tara li l-ħaddiema kollha jiġu vvaċċinati u għalhekk intbagħtet il-lista ta’ dawk il-ħaddiema kollha li jaħdmu fil-Gozo Channel u li dawn taw il-kunsens tagħhom biex jiġu vvaċċinati.
Peress li l-proċess ta’ vaċċinazzjoni qed jiġi direttament ikkordinat mill-Awtorita’ tas-Saħħa ma nistax nikkonferma kemm minn dawn il-ħaddiema ġew vvaċċinati s’issa, u anqas sa meta mistenni jiġi eżawrit l-istess proċess.
Jista' l-Ministru jagħti r-riżultat tal-carne de chasse għas-sena 2020? Jekk dan ir-rapport għadu mhux lest, jista' jgħid kemm-il kaċċatur ipparteċipa fil-carne de chasse fil-perjodu tal-kaċċa għal ħarifa u kemm-il summiena ġiet dikjarata maqbuda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport li jelenka kemm ġew maqbuda għasafar waqt il-kaċċa u l-insib fl-2020, huwa disponibbli mis-sit elettroniku tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu, mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista' jgħid min huma dawk il-konsulenti, x'tip ta' servizzi jagħtu, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s'issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 19216.
Jista’ l-Ministru jgħid meta, xahar u sena, skont il-prijoritajiet tal-Ministeru għal Għawdex huwa ppjanat li dik il-parti tal-parking f’Marsalforn li għadha bil-wiċċ taż-żrar, tiġi miksija bit-tarmak?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li jista’ japprezza x-xogħol estensiv fl-infrastruttura, nkluż dik ta’ Marsalforn. Il-parti msemmiegħa issir fiż-żmien opportun.
Ministeru għal Għawdex – miżuri minħabba l-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżuri li ttieħdu fl-uffiċini kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu sabiex jiġi assigurat li l-periklu ta' infezzjoni tal-COVID-19 jitnaqqas eżempju b'użu ta' screens bejn l-iskrivaniji u l-obbligu tal-ilbies tal-maskri inkluż f'dawk l-uffiċċji li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma u nassigura lill-Onor. Interpellant li qed jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji, skont id-direzzjoni maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa biex jiġi assigurat li l-periklu ta’ infezzjoni jitnaqqas.
Ministeru għal Għawdex – sanitizzazzjoni ta’ uffiċċji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’prekawzjonijiet qed jittieħdu sabiex l-uffiċini jiġu sanatizzati? Ingħataw xi direct orders biex dan isir?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċini jiġu sanitizzati kull darba li jkun hemm ħtieġa. Għal dan ix-xogħol, il-Ministeru għal Għawdex jitlob l-għajnuna tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati li jaqgħu taħt l-Ministeru tiegħu li bħalissa qed jaħdmu permezz ta’ teleworking? Kemm kien hemm talbiet għal xogħol ta' teleworking minn Marzu 2020 li ma ġewx milqugħa?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu għandhom jimxu mad-Direttiva 13.3 maħruġa fl-4 ta’ Marzu li għadda u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-miżuri mħaddmin fid-dipartimenti u l-entitajiet fir-rigward tal-imxija tal-COVID-19 huma dawk maħruġin mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.
Attachments:PQ 19783 - Ministeru għal Għawdex – teleworking.pdf
Ministeru għal Għawdex – impjegati li mardu bil-COVID-19
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati taħt il-Ministeru tiegħu li ġew infettati u mardu bil-COVID-19 u kemm hemm impjegati li bħalissa qegħdin kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull impjegat li ħareġ pożittiv għall-COVID-19 mar fi kwarantina. Attwalment hemm 32 persuna li jinsabu fi kwarantina minħabba xi kuntatti li kellhom ma’ individwi pożittivi.
Ministeru għal Għawdex – rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ serq
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm irċieva rapporti u informazzjoni dwar allegazzjonijiet ta’ serq, il-Ministeru għal Għawdex inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’kienu jikkonċernaw dawn ir-rapporti u allegazzjonijiet u x’azzjoni ttieħdet f’kull każ? Jista’ jagħti din l-informazzjoni separatament, dipartiment b’dipartiment?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 19838 Ministeru għal Għawdex – rapporti dwar allegazzjonijiet ta’ serq.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet għalfejn il-monument (mafkar) ta' Wistin Camilleri li kważi sentejn ilu ġie rilokat mill-Ministeru għal Għawdex għal Triq ir-Repubblika qrib il-Villa Rundle ġewwa r-Rabat u saret ċeremonja ta’ inawgurazzjoni, issa fl-aħħar xhur dan il-Monument (mafkar) tneħħa minn postu u hemm biss il-pedestall mingħajr monument?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Monument (mafkar) ta’ Wistin Camilleri tneħħa minn postu għaliex bħalissa qiegħed fil-Funderija fl-Italja biex issir replika tiegħu fil-bronż.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar l-applikazzjoni li saret mil-Ministeru għal Għawdex PA/06181/20 'Location of development: Wied il-Kbir, San Lawrenz, Triq ta' Spiteri, Kerċem Description of works: Cleansing and rehabilitation of valley and other maintenance works' u li għal dan il-permess, fuq talba tal-perit, ilu għal diversi ġimgħat sospiż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien jonqos xi kummenti minn entitajiet pubbliċi dwar il-proġett, u għalhekk l-applikazzjoni ġiet sospiża sakemm il-Ministeru seta’ jottjeni dawn. Issa jidher li l-konsultazzjonijiet minn naħa tal-Ministeru ġew finalizzati u b’hekk l-applikazzjoni mhix ser tibqa sospiża.
Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta’ Multi Modal Hub f’Ta’ Xħajma fin-Nadur Għawdex u jgħid fil-preżent x’tip ta’ xogħol infrastrutturali għaddej fuq dan il-proġett iffinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qegħdin jiġu ffinaliżżati il-construction drawings skont l-emendi li ġew effettwati fil-pjanti hekk kif sottomessi mat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari PQ19028.
Ministeru għal Għawdex – xiri ta’ coaches li jaħdmu bl-elettriku
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 16506, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-koordinamenti u jekk ġewx finalizzati bejn il-Ministeru tat-Trasport u l-Ministeru għal Għawdex 'sabiex jibda jiġi offrut servizz ta’ Park & Ride għall-Għawdxin li jridu jaqsmu lejn Malta, sabiex possibbilment jibda’ jingħata servizz ta’ trasport lill-istudenti Għawdxin minn lokalitajiet oħrajn għall-Imġarr' permezz tas-sitt coaches li jaħdmu bl-elettriku li nxtraw mill-Ministeru għal Għawdex b'fondi tal-EU u li waslu Għawdex f’nofs Ġunju tas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet fuq din il-materja għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid liema back office ġdid tas-Servizz Pubbliku inġab f'Għawdex matul is-sena 2020? Kemm hemm ħaddiema jaħdmu f'dan ix-xogħol ġdid ta' back office f'Għawdex u minn fejn qed joperaw? Kemm minn dawn il-ħaddiema kienu jaħdmu f'Malta sa meta nġab dan ix-xogħol f'Għawdex u issa per konsegwenza ta' dan ix-xogħol, bdew jaħdmu f'Għawdex? X’inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? Minn fejn qed isir dan ix-xogħol ta' back office ġdid f'Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul is-sena 2020 infetħu żewġ uffiċini ġodda f’Għawdex li jagħmlu xogħol kemm ta’ back office kif ukoll front office. L-informazzjoni mitluba dwar numru ta’ ħaddiema, il-grad ta’ kull ħaddiem u minn fejn qed jopera l-uffiċċju jinsabu fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 19741 - Għawdex – Back office tas-Servizz Pubbliku.pdf