Legislature:
Category:
Reset
Active:

Eżamijiet tat-teorija tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għall-eżami tat-teorija tas-sewqan jingħatax appuntament, jew jekk il-kandidat jintalabx imur fi kwalunkwe ħin u jistenna fil-kju skont il-ħtieġa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta il-kandidati jistgħu imorru ċ-ċentru tat-test tat-teorija u jagħmlu t-test direttament. Barra minn hekk, minn Marzu li ġej, il-kandidati se jkolhom l-għażla li jibbukkjaw it-test tat-teorija minn qabel, minbarra l-possibbiltà li jmorru direttament fiċ-ċentru. Fir-rigward ta’ Għawdex, il-kandidati jistgħu jew imorru ċ-ċentru direttament jew jibbukkjaw it-test minn qabel.

Ċentri għall-eżamijiet tat-teorija tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk fiċ-ċentru fejn isiru l-eżamijiet tat-teorija tas-sewqan, ikunx hemm kju komuni kemm għal min jagħmel l-eżami għal liċenzja ġdida u kemm għal min jagħmel "safety awareness test" minħabba l-punti ta' penali fuq il-liċenzja?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi normalment ma jkunx hemm kju sabiex kandidat jagħmel it-test tat-teorija tal-liċenzji u/jew it-test tas-Safety Awareness. Bħala medja, il-klijenti jdumu madwar 10 minuti jistennew sakemm titlesta r-reġistrazzjoni mill-uffiċċju amministrattiv tat-teorija.

Iż-Żurrieq — Ħal Millieri - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat xi tip ta' intervent sabiex il-culverts f'Ħal Millieri, limiti taż-Żurrieq, ma jibqgħux jinstaddu ma kull ftit xita li tagħmel? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' interventi ser isiru, meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet u meta ser ikunu lesti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li din iż-żona ma hijiex waħda arterjari jew distributorja, r-responsabilta’ tat-tindif tal-culverts taqa’ taħt il-Kunsill Lokali.

Birżebbuġa — Triq tal-Ġebel - Pjanti tal-culverts - Sejħa għall-offerti

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 24636 u 24888, jista' l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-culverts għall-ilma tax-xita fi Triq il-Ġebel u Triq in-Narċis, Birżebbuġa, li għalihom ħarġet sejħa għall-offerti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tal-culverts għall-ilma tax-xita fi Triq il-Ġebel u Triq in-Narċis, Birżebbuġa qed jiġu mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra.

Santa Luċija – Trasport pubbliku li jgħaddi minn quddiem il-Gender-based and Domestic Violence Hub tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-rotot tal-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Santa Luċija, eżattament minn quddiem il-Gender-Based and Domestic Violence Hub tal-Pulizija u kemm huma frekwenti dawn ir-rotot? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx servizz tat-trasport pubbliku 24 siegħa kuljum u jekk hemmx night service?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gender-Based and Domestic Violence Hub tal-Pulizija ġewwa Santa Luċija huwa servut permezz tas-servizz tat-trasport pubbliku: · Rotta 83 li titlaq mill-Belt Valletta mill-ħamsa ta’ filgħodu bi frekwenza ta’ kull nofs siegħa bl-aħħar servizz minn din il-lokalità li jkun fl-għaxra nieqes ħames minuti ta’ fil-għaxija. · Rotta 80 li l-ewwel servizz minn Birżebbuġa lejn il-Belt Valletta jkun fis-sitta nieqes għaxra ta’ filgħodu u l-aħħar servizz fid-disgħa ta’ filgħaxija. Din ir-rotta topera bi frekwenza ta’ kull siegħa. · Rotta 226 li topera bejn il-Gudja u l-Isptar Mater Dei u li isservi wkoll il-lokalità ta’ Santa Luċija. Rotta li topera kull siegħa bejn il-ħamsa u nofs ta’ filgħodu u d-disgħa u nofs ta’ bil-lejl.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Vjaġġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (a) kemm-il vjaġġ għamel barra mill-pajjiż minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn kienet id-destinazjoni? (b) X'kienet ir-raġuni għal kull vjaġġ u kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljetti tal-ajru, lodging, trasport, ikel, xorb, allowances per diem għal kull persuna li kienet tifforma parti mill-kontinġent u spejjeż oħra, separatament? (c) Min għand liema aġent tal-ivjaġġar inxtraw il-biljetti tal-ajru u jekk hux b'direct order jew tender, x’tip ta' biljetti tal-ajru nqatgħu (jekk hux economy, business club jew class club) u ma' liema kumpanija tal-ajru? (d) Kemm kien it-tul ta' żmien għal kull vjaġġ? (e) Minn min kien iffurmat il-kontinġent tal-Ministru għal kull vjaġġ?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Segretarjat għax-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li huwa awtorizza matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24843.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24395 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?

Response (BONETT, CHRIS)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Konverżjoni - Tabelli

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24631 u jgħid jekk Transport Malta approvatx li fi Triq il-Konverżjoni, San Pawl il-Baħar, isiru sinjali ta’ passaġġ bir-riġel fuq il-bankina, kif ukoll tabella li turi li jista’ jsir parkeġġ fuq il-bankina fl-istess triq, u dan minkejja li hemm il-garaxxijiet? Jekk iva, meta ġew approvati dawn is-sinjali u tabelli? Min implimentahom? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument ta’ dawn l-approvazzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li fit-28 ta’ Frar 2024, Transport Malta irċeviet ilment li x-xogħol li sar, ma sarx kif kellu jsir u b’konsegwenza nħolqot sitwazzjoni problematika għas-sidien tal-garaxxijiet. L-ilment kompla jgħid li dan ġara peress li l-istess sidien kienu qed ikunu suġġetti għal kontravenzjoni quddiem il-garaxxijiet tagħhom stess. Transport Malta investigat dan l-ilment u kkonfermat din l-anomalija, li irriżultat wara li l-paviment ta’ quddiem il-garaxxijiet u parti mit-triq saru biċċa waħda bil-konkos. Għaldaqstant Transport Malta ħadet ħsieb li tirranġa s-sitwazzjoni sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni mas-sidien tal-garaxxijiet.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Jannar 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W98.