Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kottonera – reserved parking għar-residenti

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir reserved parking għar-residenti tal-Kottonera, b'mod partikolari d-dawra ta' fejn hemm l-irmiġġi u dan għax ħafna mill-parking spaces qed jittieħdu għal ġranet sħaħ kemm minn min juża l-ferry għax-xogħol jew mis-sidien tad-dgħajjes?

Response (FARRUGIA, AARON)

L-awtoritajiet se jkomplu jiddiskutu mal-kunsilli lokali rispettivi biex ikomplu jsibu s-soluzzjonijiet plawsibbli.

Bormla: Żona ta’ Dock 1 — irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li l-irmiġġi li hemm amministrati minn Transport Malta fiż-Żona ta' Dock 1, Bormla, jiġu upgraded u jkun hemm is-servizzi neċessarji?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fiż-żona ta’ Dock 1 amministrata mill-Awtorità tat-Trasport, hemm servizzi tal-ilma għall-irmiġġi però f’dan l-istadju m’hemm l-ebda pjan biex jiġu introdotti servizzi oħra addizzjonali.

Floriana — Triq Sant’Anna

Question

Jista’ l-Ministru jindika f’liema stadju waslu l-istudji dwar il-proposta mħabbra mill-Gvern qabel l-Elezzjoni Ġenerali 2022 li Triq Sant’Anna, Floriana, tiġi pedestrianized?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 1615, din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Imdina – riġenerazzjoni tat-taraġ tas-Saqqajja

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hux ser jiġu mgħottija katusi li saru biex jinżel l-ilma tax-xita minnhom, fir-riġenerazzjoni tat-taraġ fis-Saqqajja l-Imdina?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bi proġett b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Imdina biex isebbaħ iż-żona tat-taraġ u l-belvedere tas-Saqqajja. Ix-xogħlijiet qed isiru wkoll f’konsultazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali minħabba l-kuntest storiku tal-inħawi u l-bini tal-madwar. Qabel ma t-taraġ u l-bankini tal-madwar bdew jinksew b’ċangatura tal-qawwi li nġiebet minn Għawdex, inbidlu s-servizzi tal-ilma u katusi tad-drenaġġ, ġew imtejba s-sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita fl-istess żona u anke ġew mgħoddijin pajpijiet f’każ li 'l quddiem jiżdied id-dawl dekorattiv u d-dawl tat-triq. Il-pajpijiet li qed issir referenza għalihom huma installazzjoni temporanja sakemm ikunu lesti mwieżeb tal-ġebel li jaqblu mal-ambjent tal-inħawi, bi qbil mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali, u li se jitwaħħlu fil-ġimgħat li ġejjin. Il-proġett, li hu stmat li se jiswa madwar €500,000, għandu jkun lest fil-bidu tax-xahar id-dieħel.

Rabat — Triq it-Tagħbija – hand railing fit-taraġ

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hux ser isir ‘hand railing’ fit-taraġ li sar bħala parti mill-proġett ta’ Triq it-Tagħbija fir-Rabat?

Response (FARRUGIA, AARON)

Dan il-proġett kien jinkludi l-bini mill-ġdid tar-rotta ta’ Triq Għeriexem u Triq tat-Tabija fuq pedamenti aktar b’saħħithom, biex rażżan snin twal ta’ ħsarat ikkawżati miċ-ċediment tal-art taħt l-istess toroq, kif ukoll belvedere ġdid b’bankini u punti ta’ qsim aktar siguri f’żona li qabel ma kien fiha l-ebda infrastruttura għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi. Din ir-rotta issa fiha wkoll aktar spazji għall-parkeġġ, stazzjon għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdijiet solari f’Malta, dawl dekorattiv, bankijiet u ringiela konok b’40 siġra ġdida u pjanti oħrajn. Ix-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta f’dawn it-toroq ma kinux jinkludu bini mill-ġdid ta’ turġien f’din ir-rotta. Fi Triq tat-Tabija, li tibda minn kantuniera ma’ Vjal il-Ħaddiem sa kantuniera ma’ Triq Santa Rita, m’hemm l-ebda turġien. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għat-turġien li hemm fi Triq Doni, allura din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru responsabbli mix-xogħlijiet f’din it-triq bħala parti minn ħidmiet separati mill-proġett tal-Għeriexem.

Rabat – Triq Toni Farrugia – aċċess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każ fejn persuni tħallew mingħajr aċċess għal darhom waqt xogħlijiet li qed isiru fi Triq Toni Farrugia, ir-Rabat, u għaliex ma tħalliex aċċess? Jista’ jgħid hux qed issir komunikazzjoni mar-residenti meta jkun ser jingħalaq kompletament l-aċċess, anke bil-mixi, lir-residenti? Jingħata kumpens f’każ li persuni jkollhom iħallu darhom minħabba f’hekk?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li Triq Toni Farrugia tinsab fiż-żona t’Għeriexem fir-Rabat fejn Infrastructure Malta wettqet proġett li kien jinkludi l-bini mill-ġdid tar-rotta ta’ Triq Għeriexem u Triq tat-Tabija fuq pedamenti aktar b’saħħithom, biex rażżan snin twal ta’ ħsarat ikkawżati miċ-ċediment tal-art taħt l-istess toroq, kif ukoll belvedere ġdid b’bankini u punti ta’ qsim aktar siguri f’żona li qabel ma kien fiha l-ebda infrastruttura għal dawk li jgħaddu minnha bil-mixi. Din ir-rotta issa fiha wkoll aktar spazji għall-parkeġġ, stazzjon għall-iċċarġjar tal-karozzi elettriċi, l-ewwel mogħdijiet solari f’Malta, dawl dekorattiv, bankijiet u ringiela konok b’40 siġra ġdida u pjanti oħrajn. Wara li lestiet dan il-proġett, l-aġenzija bdiet ittejjeb ukoll toroq oħrajn fiż-żona fosthom Triq Toni Farrugia li qed tinbena mill-ġdid bħalissa. Ix-xogħljiet f’din it-triq jinkludu bdil u tqegħid ta’ pajpijiet u katusi tas-sistemi taħt l-art għas-servizzi tal-ilma u drenaġġ, esetensjoni tas-sistema għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u bini ta’ bankini ġodda qabel ma jissaħħu l-pedamenti u jsir wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt. L-aċċess bil-mixi għad-djar kollha tat-triq dejjem baqa’ miftuħ f’kull ħin u mhux veru li qed “jingħalaq l-aċċess kompletament”. Naturalment, waqt ċerti xogħlijiet, bħal meta jsir tħaffir ta’ trinek jew kisi bl-asfalt, l-aċċess għall-vetturi (mhux dak pedonali) jkun limitat sabiex tiġi żgurata s-saħħa u s-sigurezza kemm tas-sewwieqa kif ukoll tal-ħaddiema. Barra minn hekk, waqt xogħlijiet bħal dawn, jittieħdu miżuri ta’ protezzjoni biex il-partijiet tat-triq fejn ikun qed isir ċertu xogħol jiġu mdawra b’barrikati jew sistemi simili sabiex ma jkunux ta’ periklu pubbliku, mingħajr ma jingħalaq l-aċċess pedonali ghall-bini tal-istess triq. Infrastructure Malta taħdem biex tlesti x-xogħlijiet fl-inqas żmien possibbli, filwaqt li tiżgura li l-inkonvenjenti inevitabbli waqt il-bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali bħal din, jitnaqqsu kemm jista’ jkun, fl-aħjar interess ta’ dawk li jgħixu u jaħdmu fihom, jew jivvjaġġaw minnhom.

Belt Valletta – Triq Girolamo Cassar

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-ħsara li hemm fl-aħħar parti ta’ Triq Girolamo Cassar, fil-Belt Valletta, preċiżament fejn hemm forma ta’ roundabout, tiġi msewwija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.

Raħal Ġdid: Pjazza Antoine de Paule – rapport tekniku dwar ħsarat u xogħlijiet

Question

B’referenza għal numru ta’ domandi li kienu saru fil-Leġiżlatura preċedenti, jista’ l-Ministru jippreżenta l-aħħar rapport tekniku dwar il-ħsarat u x-xogħlijiet li għandhom isiru fi Pjazza Antoine de Paule, Raħal Ġdid kif ukoll li jara li t-tappieri li hemm u qed jinżlu biċċa biċċa jiġu msewwija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1391 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Santa Venera/Ħamrun — Triq il-Kbira San Ġużepp - asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta għandhiex il-ħsieb li taqla’ u tasfalta Triq il-Kbira San Ġużepp, kemm il-parti ta’ Santa Venera kif ukoll il-parti tal-Ħamrun? Jista’ l-Ministru jgħid liema biċċa se ssir u meta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2021, it-tielet sena tal-programm nazzjonali tal-Gvern għat-titjib ta’ toroq residenzjali, Infrastructure Malta lestiet il-bini mill-ġdid ta’ madwar 220 triq residenzjali. Kompliet ukoll il-ħidma tagħha fit-toroq rurali fejn tejbet mal-100 triq oħra qalb il-kampanja. Fi tliet snin kemm ilha mwaqqfa, bejn toroq residenzjali u dawk rurali, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 triq. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna u filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Infrastructure Malta qed taħdem mal-Kunsilli Lokali kollha biex gradwalment tibni mill-ġdid it-toroq kollha li jinsabu fi stat ħażin. Bħalissa fil-fatt għaddejja bil-bini mill-ġdid ta’ ħafna toroq, fosthom Triq il-Batterija u Triq Adelaide Cini fil-lokalità ta’ Santa Venera, kif ukoll Triq Maitland u Triq Qormi fil-lokalità tal-Ħamrun. It-triq indikata, Triq il-Kbira San Ġuzepp, hija fost it-toroq li se jinbnew mill-ġdid bħala parti minn din il-ħidma mifruxa fuq seba’ snin. Fl-istess waqt, sakemm tinbena mill-ġdid, peress li r-responsabbiltà tat-tiswijiet u l-manutenzjoni regolari ta’ toroq lokali bħal din imsemmija hija tal-Kunsilli Lokali, dawn għandhom ir-riżorsi meħtieġa sabiex ikomplu jagħmlu t-tiswijiet temporanji u manutenzjoni li kull triq tkun teħtieġ minn żmien għal żmien.

Santa Venera — Triq il-Kbira San Ġużepp – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jitranġaw xi bus shelters li hemm fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera fi żmien qarib?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2021 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm-il direct order ħarġet mill-Ministeru tiegħu u kull entità li taqa’ taħtu u kemm kien il-valur totali ta’ dawn id-direct orders? Lil min inħarġet u x’kien il-valur ta’ kull direct order?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — ħaddiema mqabbda ma' kuntratturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' impjegati li huma mqabbda ma' kuntratturi privati li għandhom kuntratti għal servizzi mal-Gvern ta' Malta li jaqa' taħt il-Ministeru? Għal kull post, jista' l-Ministru jagħti n-numru rispettiv ta’ ħaddiema? Jista' jagħti l-grad u l-paga tal-ħaddiema rispettivi skont il-kuntratt? Jista' jagħti l-lista ta' gradi ekwivalenti ta' ħaddiema ċivili li għandhom l-istess job description u l-paga tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninsab infurmat li mhux fil-kompitù tal-Gvern li jidħol f’kemm jimpjegaw nies dawn il-kumpaniji privati.

Ir-Rabat — Triq tat-Tabija - Solar Car Charging Unit

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 978, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u li issa ġiet riferuta lilu, u jispjega r-raġuni għaliex is-solar car charging unit fi Triq tat-Tabija r-Rabat Malta mhux qed taħdem, wara li ġiet installata inqas minn sena ilu? Huwa minnu li ħafna mix-xhur ma kinetx qiegħda taħdem? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kull meta qed isiru testijiet fuqha biex ikun żgur li din qed taħdem?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif se jingħata seduta oħra.

Tieni Distrett Elettorali – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jelenka liema toroq se jsiru fis-sentejn li ġejjin fiż-żona tat-Tieni Distrett Elettorali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-lokalità tal-Birgu Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa, parti minn Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq San Dwardu, Triq La Vallette, Pjazzetta San Filippu u Triq Patri Indri Vella. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet f’parti oħra ta’ Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq il-Miratur, Triq San Filippu u Misraħ ir-Rebħa kif spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1282. Fil-lokalità tal-Isla Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kunċizzjoni, Triq iż-żewġ Mini, Triq Portu Salvu, Triq is-Sur u Triq San Ġiljan. Diġà hemm ippjanat biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq il-Vitorja. Fil-lokalità ta’ Bormla Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Alessandra, Triq San Ġorġ, Triq il-Pellegrinaġġ, Triq l-Iljun, Triq l-Oratorju, Triq il-Polverista, Triq Santa Margerita, Triq il-Gendus u Triq ir-Regatta. Diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq San Franġisk u Triq Wiġi Rosato. Bħalissa Infrastructure Malta qed twettaq ukoll proġett b’investiment ta’ €2.2 miljun biex tirrestawra l-Mina ta’ Għajn Dwieli, waħda mid-daħliet ewlenin għall-ibliet ta’ Bormla, l-Isla u l-Birgu. L-aħħar dettalji dwar dan il-proġett tajthom fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 1022. Apparti minn hekk, IM lestiet madwar tliet kwarti tal-proġett ta’ €5 miljun biex tagħti ħajja ġdida lill-mollijiet fl-inħawi ta’ Sally Port, il-Birgu, bi prominad ġdid li se jkompli jestendi l-passaġġi pedonali max-xtut tal-Kottonera. Ix-xogħlijiet issa qed jidħlu fl-aħħar fażijiet tagħhom. Fil-lokalità ta’ Ħaż-Żabbar Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħljiet fi Triq Francis X. Attard, Triq Ħadd in-Nies, Triq in-Naħla, Sqaq San Franġisk, Trejqet San Franġisk, Triq bla isem fi Triq San Ġuzepp, Triq is-Serer, Triq in-Newl, Triq ir-Rand, Triq il-Fikus, Triq il-Ġiżimina, Triq Salvu Darmanin, Triq ix-Xgħajra, Triq iċ-Ċimiterju, Triq Manuel E Attard Bezzina, Triq il-Madaffa, Triq il-Luq, Triq Żabrella, Triq il-Figel, Triq il-Qaqoċċ, Triq Renato Agius Muscat, Triq Corrado, Triq il-Baħrija, Triq id-Dliela, Triq il-Werżieq, Triq iz-Zarzarell u triq ġdida fiha, Triq Bieb is-Sultan, Triq ġdida fi Triq is-Saħħara, Triq Alessio Erardi, Triq Santa Klara, Triq il-Bajada, Triq in-Nissieġ u Triq is-Santwarju. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fil-bypass l-antika li tagħti għal Wied il-Għajn, Triq Spadaro, Triq Strickland, Trejqa San Ġorġ Preca, Triq il-Karmnu, Triq Santa Tereza, Triq San Felice, Triq il-Qalb Imqaddsa u Triq A Caligari, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fi Triq Ta’ Lanza, Triq il-Kunsill tal-Ewropa, Sqaq Nru 1 fi Triq ix-Xgħajra, Triq Bormla, Triq Kapuċċini, Triq il-Labour u Triq Gianni Bonavia. Fil-lokalità tax-Xgħajra Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Ħaż-Żabbar, Sqaq l-Arkati, Triq il-Fortizza tal-Grazzja, Triq l-Iskola, Triq l-Ispnott, Triq Lapsi, Triq it-Tumbrell u Triq il-Mulett, waqt li bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq San Leonardu. Fil-lokalità tal-Fgura Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq Buqexrem, Triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, Sqaq Rjallu, Triq il-Merħba, Triq is-Sur, Triq l-Għarnuq, Triq San Xmun, Triq San Tumas, Triq San Pietru, Triq Liedna, Triq Żabbar, Triq Hompesch, Triq Anġlu u Marianna Camilleri, Triq l-Għollieq, Triq il-Falkunier u Triq Rgħajja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq Mater Boni Consili, Triq San Ġorġ Preca, Triq Pace u Grasso, Triq il-Kitba u Triq Giacomo Matteotti, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol Triq il-Kampanella, Triq Għajn Dwieli u Triq il-Velleran. Fil-lokalità tal-Kalkara Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet xogħlijiet fi Triq il-Kapuċċini, Triq Rinella, Trejqet Francesco Chircop, Triq il-Ġir u Triq is-Sienja. Bħalissa qegħdin isiru xogħlijiet fi Triq il-Progress u triq ġdida fi Triq il-Kapuċċini, waqt li diġà hemm ippjanati biex fiż-żmien li ġej jibda x-xogħol fil-parkeġġ tal-Malta Film Facilities.

Tieni Distrett Elettorali – xogħlijiet marbutin mal-ambjent u tħaddir

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jelenka x-xogħlijiet li se jsiru fis-sentejn li ġejjin marbuta mal-ambjent u tħaddir fiż-żona tat-Tieni Distrett Elettorali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ħa jsir tħawwil ta’ siġar tul il-promenade u fil-pjazza tal-Kalkara bħala parti mill-proġett ta riġenerazzjoni tal-promenade tal-Kalkara.

Mosta: Triq Lunzjata — tarmac

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux time-frame dwar meta se jsir it-tarmak fi Triq il-Lunzjata, il-Mosta, liema triq qabel l-elezzjoni ġiet mibruxa u li l-ġirien ġew mgħarrfa minn awtoritajiet konċernati li din se tingħata t-tarmak mill-aktar fis?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Mosta hija waħda mil-lokalitajiet fejn l-aktar li saru toroq ġodda minn Infrastructure Malta minħabba t-telqa u s-snin twal ta’ nuqqas t’investiment li kien hemm f’din il-lokalità fil-passat. Fil-Mosta diġà saru xogħlijiet fi Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (zokrija), Triq il-Garrier, Triq Gio C. Dei Marchesi Mallia Tabone, Triq il-Leġġenda, Triq il-Bennej, Triq in-Naqqax, Triq l-Għollieqa, Triq Alessandra, Triq l-Assemblea Nazzjonali, Triq l-Inkurunazzjoni, Triq Bergamott, Triq Parjan, Triq il-Bonnijiet, Triq Farinal, Triq Durumblat, Triq Rumani, Triq Fuħħar, Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier, Triq tal-Wej, Triq Madre Tereza, Triq Dun Karm Schembri, Triq Rafel Caruana Dingli, Triq il-Fortizza, Triq il-Fortizza tal-Mosta, Triq Wied is-Sir, Triq il-Kostituzzjoni, Vjal Milbrae, Triq il-Bidnija u Triq Burmarrad. Bħalissa qegħdin isiru Triq id-Difiza Ċivili, Triq ir-Rebbiegħa, Triq il-Lunzjata, Triq il-Kbira u Triq Patri Ġuze Delia. Nixtieq niċċara li mhuwiex minnu li x-xogħlijiet fi Triq il-Lunzjata bdew qabel l-elezzjoni. Fil-fatt ix-xogħlijiet f’din it-triq bdew madwar xahar wara, lejn l-aħħar t’April, u t-tqaxxir tal-wiċċ l-antik tat-triq beda f’Mejju. Ix-xogħlijiet minn Infrastructure Malta biex tinbena mill-ġdid din it-triq kienu jinkludu bdil ta’ servizzi tad-drenaġġ, ilma, telekomunikazzjoni u bini ta’ bankini ġodda. Bħalissa qed jissaħħu l-pedamenti qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt u ser titlesta sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Belt Valletta — Parking Spots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm parking spots fil-Belt Valletta li qed isir użu minnhom mill-Gvern, Ministeri u awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 821 ta’ t-13-il Leġiżlatura.

Kunsill Lokali ta' Santa Venera — parkeġġ ta' Umberto Colosso

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Santa Venera għamilx tentattiv sabiex il-parkeġġ ta’ Umberto Colosso ikun jista' jibda jintuża mir-residenti wara l-ħinijiet tal-użu mill-Gvern? Jekk iva, x’kienet ir-risposta tal-Gvern?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija għandha tiġi indirizzata lill-Ministeru konċernat.

Port il-Kbir – cruise liners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il cruise liner daħal fil-Port il-Kbir f’dawn l-aħħar ħames snin, b’rendikont separat għal kull sena?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt: Year Cruise Ship Calls 2017 329 2018 293 2019 335 2020 33 2021 105 2022 80 (until 31 st May) Total 1175

Birgu – xogħol fit-toroq u fil-pjazza

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għal xogħol fit-toroq u l-Pjazza tal-Birgu għaż-żmien li ġej?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 830 toroq residenzjali u rurali minn kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, li jfisser li lestiet medja ta’ aktar minn erba’ toroq fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar snin. L-aġenzija tejbet il-kwalità ta’ dawn it-toroq fl-istess żmien li lestiet fost l-ikbar proġetti ta’ toroq arterjali u faċilitajiet marittimi f’pajjiżna, bħal Marsa Junction Project u l-Breakwater tal-Qrejten, f’Marsaxlokk, filwaqt li baqgħet għaddejja bi programm kontinwu ta’ tiswijiet u manuntenzjoni f’ħafna toroq oħrajn. Bħalissa Infrastructure Malta għaddejja bi proġett b’kollaborazzjoni mal-Ministeru għat-Turiżmu sabiex tibni mill-ġdid u ssebbaħ il-Pjazza tar-Rebħa, il-pjazza ewlenija tal-Birgu, flimkien mat-toroq storiċi li jwasslu għaliha, fosthom Triq La Vallette, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq il-Miratur u Triq San Filippu. Uħud minn dawn it-toroq diġà lesti filwaqt li x-xogħol fl-oħrajn ser jibda fiż-żmien li ġej. Ix-xogħol f’dawn it-toroq qed jiġi kkordinat f’konsultazzjoni kontinwa mal-Kunsill Lokali Birgu, li għen fl-ipprogrammar tax-xogħol sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti u għal dawk li jżuru din il-belt. Meta tlesti dawn l-erba’ toroq, Infrastructure Malta mbagħad ser tibni mill-ġdid il-Pjazza nnifisha, b’servizzi tad-distribuzzjoni, bħal katusi tal-ilma ġodda taħt l-art, u pedamenti aktar b’saħħithom sabiex fuqhom imbagħad il-Ministeru għat-Turiżmu se jqiegħed pavimentar dekorattiv ġdid, fuq disinn tal-istess Ministeru. Dan l-investiment biex titjieb il-kwalità tat-toroq se jissokta fis-snin li ġejjin bil-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq fil-lokalitajiet madwar Malta biex nagħtu ambjent isbaħ u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.