Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mellieħa – Bypass – Service Road

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet valutata s-service road (kif indikata mill-Ministru stess f'risposta parlamentari 4634) li saret fil-bypass tal-Mellieħa u jekk kienx hemm ħlas dovut lid-Dipartiment tal-Artijiet u jekk kien hemm ħlas, jista’ jgħid kemm kien dan il-ħlas?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Il-Mellieħa – Bypass – Service Road — spejjeż

Question

Jista' l-Ministru jgħid min se jagħmel tajjeb għall-ispejjeż żejda dovuti sabiex inbena u twaqqa’ l-ħajt li permezz tiegħu saret is-service road u jistax ukoll jikkonferma jew le jekk il-ħajt li nbena u twaqqa’ fil-bypass tal-Mellieħa sabiex setgħet issir service road hux se jerġa’ jinbena liema service road kienet indikata mill-Ministru stess f'risposta għall-mistoqsija parlamentari 4634?

Response (BORG, IAN)

Nitlob ill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 6013 u 6014.

Planning Authority — deċiżjoni għal roundabout

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x'jista' jsir mid-deċiżjoni li kienet ħadet l-Awtorità għall-Ippjanar fil-ħruġ tal-permess ta' żvilupp fejn fost il-kundizzjonijiet tal-permess għall-ftuħ tal-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-Planning Authority kienet obbligat lil dan l-istabbiliment biex iħallas u jagħmel tajjeb li ssir roundabout f'salib it-toroq fi Triq id-Difiża Ċivili, Mosta mal-istess dħul għall-istabbiliment u dħul għal MCAST? S'issa din ir-roundabout għadha ma saritx.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess huwa marbut, fost l-oħrajn, ma’ titjib fil-junction fuq Triq id-Difiża Ċivili bi spejjeż tal-iżviluppatur, kif ukoll li Transport Malta għandha toħroġ ċertifikazzjoni qabel ma jibda jopera l-kumpless. L-Awtorità tal-Ippjanar diġà ħadet il-passi meħtiega permezz ta’ Avviż biex Tieqaf u ta’ Twettiq peress li l-kundizzjoni msemmija ma ġietx onorata mill-applikant. L-Avviż imsemmi qed jiġi kkontestat mill-applikant quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Sadanittant Transport Malta ħarġet ċertifikazzjoni rigward il-miżuri temporanji li ttieħdu fl-immaniġġjar tat-traffiku relatati mal-proġett. Fl-istess waqt, il-periti ta’ Transport Malta ser jissottomettu l-applikazjonijiet meħtieġa lill-Awtorità tal-Ippjanar, bil-pjanti u r-rekwiżiti tad-disinn ġdid tal-junction imsemmija, fil-ġimgħat li ġejjin. Meta l-applikazzjoni tiġi approvata, din l-infrastruttura ġdida, li tinkludi roundabout, se ssir mill-iżviluppatur indikat.

Mġarr — Triq Fisher - tranġar tal-lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li tittranġa l-ħsara fil-lights taż-zebra crossing li hemm fi Triq Fisher fl-Imġarr (Malta) quddiem l-iskola primarja tal-gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Għajnsielem — Triq l-Imġarr – speed cameras

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bdewx diskussjonijiet dwar il-possibiltà li jkun hemm speed cameras fi Triq l-Imġarr Għajnsielem, u dan in vista tad-diversi inċidenti tat-traffiku li qed iseħħu ta' spiss f'din it-triq?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-Lesa.

Fgura – Triq l-Għarnuq – livelli fit-triq

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5408, u fid-dawl li l-Kunsill Lokali tal-Fgura għamel talba lil-Land Survey Unit tal-Awtorità tal-Ippjanar biex isiru l-livelli mill-ġdid fi triq ġdida fi Triq l-Għarnuq, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li jiġu mmarkati dawn il-livelli?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-livelli tal-imsemmija triq diġà saru.

In-Naxxar – Triq Francis Attard — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq Francis Attard fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej) (Ara ritratti li qed jintbagħtu separatament).

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

In-Naxxar – Triq il-Konti Manduca — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq il-Konti Manduca fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej).

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

In-Naxxar – Triq il-Markiż Ċensu Depiro — pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex itaffi mill-problemi kbar li qed jiffaċċjaw ir-residenti ta' Triq il-Markiż Ċensu Depiro fin-Naxxar minħabba l-impatt ta' proġetti ta' żvilupp massiv f'din iż-żona, liema xogħol qed ikollu effett qawwi fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti tal-imsemmija triq, kif ukoll liema xogħlijiet ukoll ħolqu ħsarat fi wħud mir-residenzi tal-imsemmija triq? (Niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li fiż-żona se jibda żvilupp ieħor ta' kobor li se jkollu effett fuq il-ħajja tar-residenti ta' din it-triq fiż-żmien li ġej).

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

In-Naxxar – Triq l-Abbate Savoia, Triq il-Milizzja, Triq in-Nafra u Triq is-Seneskalk – xogħlijiet ta’ preparazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, b'antiċipazzjoni għall-proġett ta' żvilupp massiv fin-Naxxar fiż-żona ta' Triq l-Abbate Savoia, Triq il-Milizzja, Triq in-Nafra u Triq is-Seneskalk, x'tip ta' xogħol ta' preparazzjoni qed isir, biex it-toroq taż-żona jkunu jifilħu għat-traffiku industrijali li se jkun hemm fix-xhur u s-snin li ġejjin, liema xogħol u traffiku, jekk ma jkunux antiċipati, jista' jkollhom effett ħażin ħafna fuq is-saħħa fiżika u psikoloġika tar-residenti f'din iż-żona u fuq id-djar tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Cables – tneħħija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett pilota mħabbar mill-Prim Ministru f'Birkirkara, f'Mejju 2017 li kellu jara li l-cables tal-Enemalta u oħrajn jibdew jinqalgħu mill-faċċati tad-djar u l-arbli fl-irħula tagħna u jitpoġġew taħt l-art qabel jirranka l-proġett ta' €700m f'manutenzjoni estensiva tat-toroq Maltin tul din il-leġiżlatura?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella sussegwenti:- Dipartiment / Entita' / Agenzija: Marzu - Diċembru 2013 Jannar - Diċembru 2014 Jannar - Diċembru 2015 Jannar - Diċembru 2016 Jannar - Diċembru 2017 Jannar - April 2018 Transport Malta NIL NIL NIL €30,975 €32 450 €2950 Planning Authority NIL NIL €42,574.4 €99,592 €42 480 €7080 Lands Authority NIL NIL NIL NIL NIL NIL Land Registry NIL NIL NIL NIL NIL NIL BICC NIL NIL NIL NIL NIL NIL BRO NIL NIL NIL NIL NIL NIL Property Malta NIL NIL NIL NIL NIL €2000 MTIP NIL NIL NIL NIL €3404.8 NIL

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali — persuni li huma maħtura bħala Kummissjunarji

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni fil-Ministeru inkluż f'kull entità, dipartiment u awtorità li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu u li fil-preżent huma maħtura bħala Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kariga ta' kull waħda minn dawn il-persuni u dwar xiex jingħataw il-ġuramenti quddiem kull waħda mill-imsemmija persuni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-entitajiet u dipartiment li jaqgħu taħt dan il-Ministeru hemm 19-il Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament skont l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu Ġurament (Kap. 79 tal-Liġijiet ta' Malta). Dawn il-Kummissjunarji jinsabu fi Transport Malta, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar. Il-kompetenza tal-individwi f’dan ir-rigward hi ta’ Nutara Pubbliċi, Prokuraturi Legali, Uffiċjal Eżekuttiv, Manager, Senior Clerk, Chief Audit Officer, Case Officer, Administration Officers, Senior Manager u Debt-recovery Para-Legal.

Għawdex – Roads Section — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema li jaqgħu taħt ir-Roads Section ġewwa Għawdex u li bħalissa jagħmlu parti mill-Ministeru għal Għawdex humiex se jkunu parti mill-aġenzija ġdida tat-toroq li se tkun responsabbli mit-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex? Jekk iva, kif inhu maħsub li dawn il-ħaddiema jgħaddu għal mal-aġenzija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif tħabbar fil-Parlament waqt it-Tieni Qari ta’ Abbozz Nru 39 - Abbozz ta’ Liġi dwar l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta, fil-jiem li għaddew, Għawdex ser ikun qed igawdi minn żieda sostanzjali fil-fondi allokati għat-titjib u l-bini mill-ġdid tal-infrastruttura tat-toroq, permezz tal-ħidma ta’ din l-aġenzija ġdida. Fl-istess waqt, il-fondi għal xogħlijiet fit-toroq li preżentament jiġu allokati kull sena għall-Ministeru t’Għawdex m’humiex ser jitnaqqsu. L-aġenzija ġdida ser tkun qed tappoġġja u ssaħħaħ ix-xogħol li preżentament isir mill-Ministeru t’Għawdex, b’aktar riżorsi u b’aktar fondi. Id-diskussjonijiet dwar il-loġistika ta’ din il-kollaborazzjoni bejn Infrastruttura Malta u l-Ministeru t’Għawdex għadhom għaddejjin, u mistennija jitkomplew fiż-żmien li ġej. Fl-istess waqt, il-Gvern qed jagħmilha ċara li r-riżorsi umani, bl-esperjenza u l-ħiliet tagħhom, li hemm bħalissa fi Transport Malta, fil-Ministeru t’Għawdex u f’entitajiet oħra relatati, jeħtieġ jibqgħu jagħtu s-sehem tagħhom fl-iżvilupp tal-infrastruttura tat-toroq, speċjalment fis-snin li ġejjin meta ser naraw investiment bla preċedent għal toroq aħjar, u aktar sikuri f’Malta u Għawdex.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – event organisation for promotional and communications realted events — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jelenka kemm intefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal event organisation for promotional and communications related events, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tagħrif speċifiku mitlub, diffiċli li jinġabar mingħajr ma jinvolvi spejjeż oħrajn li mhumiex relatati. L-organizzazzjoni ta’ attivitajiet simili tinvolvi wkoll xogħol u materjali li spiss jintu¿aw aktar minn darba f’attivitajiet simili, bħal pereżempju kif inhu l-każ f’kampanji li jtulu.

Il-Marsa — Bini ta’ Multi Level Interchange – proċess ta’ aġġudikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni tat-tender għall-bini ta’ Multi-level Interchange fil-Marsa? It-tender għall-bini ta' dan il-multi level interchange ġie awarded? Jekk iva, lil min ġiet mogħtija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni għall-bini ta’ Multi-level Interchange fil-Marsa tlesta u kien hemm rakkmandazzjoni għall-għoti tal-offerta lill-kumpanija Torka Ayhanlar Yol Asfatlama San. Tic. A.S. Wara din ir-rakkmandazzjoni, kien hemm il-perjodu tal-appelli skont il-proċeduri regolari. Matul dan l-istess perjodu tressaq appell minn wieħed mill-offerenti u għaldaqstant il-proċess bħalissa huwa wieqaf sakemm jinstema’ tali appell.

San Ġiljan – Proġett fuq l-art tal-ITS

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti dwar il-mina li qed tiġi proposta li tinbena b'rabta mal-proġett fuq l-art tal-ITS f'San Ġiljan? Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li ser jiġi jiswa' l-bini ta' din il-mina u jikkonferma li l-bini ta' din il-mina huwa proġett tal-Gvern u li l-ħlas għaliha ser isir mill-Gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-proposta qed jagħmel id-Developer. Din għadha qed tiġi evalwata mill-Awtoritajiet kkonċernati.

Cycle Lanes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kilometru ta’ cycle lanes hawn bħalissa f’Malta? Jista’ jgħid kemm-il kilometru iktar ser jitwettqu bil-proġett ta’ immodernizzar ta’ toroq? X’inhu l-ħsieb biex ikun hemm konnessjoni ta’ dawn is-cycle lanes u biex ma jkollniex biċċiet ta’ cycles lanes li jispiċċaw f’dead end?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta Transport Malta, u dalwaqt Infrastructure Malta, tkun qed tħejji proġetti ta’ toroq ġodda jew disinn u bini mill-ġdid ta’ toroq eżistenti, qed jiġu miżjuda cycle lanes fejn ikun teknikament possibbli li jsiru b’mod sikur għal kull min juża t-toroq. Bħalissa hawn diversi kilometri ta’ cycle lanes fin-network tat-toroq arterjali, fosthom dawk li saru riċentament fil-proġetti tal-Kappara u ta’ Triq il-Kosta. Bħalissa Transport Malta qed taħdem fuq proġetti ġodda li fis-snin li ġejjin se jintroduċu mas-7.7 kilometri ta’ cycle lanes ġodda. Sadanittant, Transport Malta qed tħejji studji biex jiġu identifikati safe cycling routes oħra ġodda fin-network tat-toroq madwar il-pajjiż. L-użu u l-introduzzjoni tas-cycle lanes ma jistax jitqies waħdu iżda fil-kuntest ta’ pjan komprensiv fit-tul sabiex intejbu l-kwalità tal-infrastrutturata tal-pajjiż u tal-mezzi tat-trasport li nużaw ta’ kuljum, għal aktar sigurtà, aktar effiċjenza u aktar faċilitajiet ta’ mezzi alternattivi aktar sostenibbli, fosthom vjaġġar bir-roti.

Sliema – Triq San Trofimu — bollards

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bollards li hemm fuq il-bankini fi Triq San Trofimu tas-Sliema, sarux bil-permess ta' Transport Malta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-arkivji tal-Awtorità tat-Trasport mhemm l-ebda approvazzjoni għal tali bollards fi Triq San Trofimu, Sliema.