Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Lokali San Ġwann — Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11868, filwaqt li hemm differenza bejn diskussjoni fuq proposta b’mod ġenerali u diskussjoni/vot fuq il-pjanta finali li ddaħħlet għand l-Awtorità tal-Ippjanar TRK/00277228, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-pjanta finali kinitx fuq l-Aġenda tal-Kunsill Lokali u x’kien il-vot fuq din il-proposta finali? Jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tal-aġenda, il-voti kif kienu mitfugħa, u l-minuti ta’ din is-seduta?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-pjanti finali tal-proġett ma setgħux jiġu diskussi fil-Laqgħa tal-Kunsill, għax mhumiex finalizzati, bir-raġuni tkun li l-proċess ta’ konsultazzjoni mal-firxa wiesgħa ta’ stakeholders għadu għaddej. Intant infurmat li l-applikazzjoni sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar minn Project Green tirrigwarda l-parti tal-parkeġġ taħt l-art f’Misraħ Lewża. Infurmat ukoll li din il-fażi tal-proġett ma nbidlet xejn minn dawk il-pjanti diskussi fil-Laqgħa tal-Kunsill Nru. 50, fejn kien hemm qbil unanimu. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra estratt tal-minuti tal-laqgħa li għadni kif semmejt.

Kunsill Lokali San Ġwann — Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11868, fejn l-Ministru qal li kien hemm laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-ħwienet, jista’ l-Ministru jgħid meta saret din il-laqgħa, fejn saret u min huma dawk li kienu preżenti għaliha?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-entitajiet kummerċjali li għaliha qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant saret fit-22 ta’ Frar 2023. Infurmat li din il-laqgħa saret għall-entitajiet kummerċjali kollha li jinsabu fi Triq Feliċe Borg, Misraħ Lewża, Misraħ Lourdes u Triq Narċis. Infurmat ukoll li l-istedina għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni tqassmet by hand. Finalment, infurmat li din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni ġiet diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill Nru 65, tat-23 ta’ Jannar 2023.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħallset flus is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-1 ta’ Jannar 2013, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jagħti lista tas-servizzi jew spejjeż li ffurmaw dawn l-ammonti, maqsuma sena b’sena għal kull servizz jew spiża?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: Sena Ammont imħallas Raġuni Rimarki 2013 Xejn 2014 Xejn 2015 Xejn 2016 Xejn 2017 Xejn 2018 Xejn 2019 € 158,631.46 Rimborż tal-Pagi u Assikurazzjoni Personali, li jkopri mit-12 ta’ Novembru 2018 sat-12 ta’ Awwissu 2019, ta’ ħames (5) impjegati tal-PA b’self mal-SCH 2020 Xejn 2021 € 329,223.92 Rimborż tal-Pagi u Assikurazzjoni Personali, li jkopri mit-13 ta’ Awwissu 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2020 ta’ ħames (5) impjegati tal-PA b’self mal-SCH 1 2022 € 427,524.74 Rimborż tal-Pagi u Assikurazzjoni Personali, li jkopri mil-1 ta’ Jannar 2021 sal-2 ta’ Diċembru 2022 ta’ sitt (6) impjegati tal-PA b’self mal-SCH 2 2023 € 24,469.06 Rimborż tal-Pagi u Assikurazzjoni Personali, li jkopri mit-3 ta’ Diċembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022 ta’ sitt (6) impjegati tal-PA b’self mal-SCH 3 1. L-ammont gross li SCH kellha tagħti lil PA kien dak ta’ €336,160.53. Minn dan tnaqqas (offset) l-ammont ta’ €6,936.61 li kien dovut mill-PA lill-SCH, rimborż ta’ parti mill-paga tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali. 2. L-ammont gross li SCH kellha tagħti lil PA kien dak ta’ €507,800.82. Minn dan tnaqqas (offset) l-ammont ta’ €80,276.08 li kien dovut mill-PA lill-SCH, rimborż ta’ parti mill-paga tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali. 3. L-ammont gross li SCH kellha tagħti lil PA kien dak ta’ €40,080.24. Minn dan tnaqqas (offset) l-ammont ta’ €15,611.18 li kien dovut mill-PA lill-SCH, rimborż ta’ parti mill-paga tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet flus is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-1 ta’ Jannar 2013, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jagħti lista tas-servizzi jew spejjeż li ffurmaw dawn l-ammonti, maqsuma sena b’sena għal kull servizz jew spiża?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar tirrifuża parti mill-ispejjeż tal-kuntratt tas-Sovrintendent li sar bejn l-Ministeru tal-Kultura u Gvern Lokali u l-Awtorità tal-Ippjanar. Intant, l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: · 2021: L-ammont ta’ €6,936.61 li kien dovut mill-PA lill-SCH, rimborż ta’ parti mill-paga tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali. · 2022: L-ammont ta’ €80,276.08 li kien dovut mill-PA lill-SCH, rimborż ta’ parti mill-paga tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali · 2023: L-ammont ta’ €15,611.18 li kien dovut mill-PA lill-SCH, rimborż ta’ parti mill-paga tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali (dan l-ammont rċevut sa 26.10.2023).

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Organigramma

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-organigramma tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u jindika fuq l-istess organigramma, liema huma dawk il-karigi kollha okkupati minn impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar kif ukoll persuni li jokkupaw kariga fuq basi ta’ ‘Position of Trust’ u għal dawn il-karigi jitniżżlu l-ismijiet tal-individwi kkonċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-organigramma tas-Sovrintendenza, fejn tindika il-karigi okkupati minn impjegati tal-Awtorità tal-Ippjanar (immarkati biċ-ċelest). Intant, is-Sovrintendenza ma timpjegax persuni fuq bażi ta’ Position of Trust.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk apparti dawk l-impjegati msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5645, kienx hemm iktar impjegati mill-Awtorità tal-Ippjanar li ddaħħlu jaħdmu fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fil-perjodu bejn l-2013, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Għal kull individwu, jista’ l-Ministru jimla t-tabella li qed tintbagħat separatament u: a. jagħti d-data ta’ meta kull persuna daħlet taħdem fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; b. jindika l-kariga u l-grad li kull persuna kienet tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar fil-mument li daħlet fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; ċ. jindika l-kariga u l-grad li tokkupa fl-Awtorità tal-Ippjanar illum minkejja li taħdem mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; d. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li daħlet fiha fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; e. jgħid x’inhi l-kariga u l-grad li tokkupa llum fis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali; u f. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull ftehim jew kuntratt li jirregola l-ingaġġ ta’ dawn l-impjegati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza ma impjegatx impjegati oħra mill-Awtorità tal-Ippjanar, għajr dawk imsemmija fir-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 5645. Intant ninsab infurmat li s-Sa Mandy Gatt m’għadhiex impjegata tas-Sovrintendenza.

Raħal Ġdid — Żbir ta’ siġra li qiegħda tagħmel il-ħsara lill-proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jara li s-siġra li hemm fuq wara tal-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tiġi miżbura billi qiegħda tagħmel il-ħsara lill-proprjetà?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat. Is-siġra tinsab f'art tal-eks ground tal-futbol Pace Grasso.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u jindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għall-perjodu 2022 sal-lum, infurmat illi l-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, irċievew 64 talba. Minn dawn, 36 intlaqgħu, 22 ma ntlaqgħux waqt li 6 talbiet għadhom qed ikunu evalwati. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma esklużi mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.

Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali — Remunerazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12108, fejn ingħad li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament qiegħed jirċievi benefiċċji “skont il-ftehim kollettiv tal-grad sostantiv tal-individwu kkonċernat”, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-ftehim kollettiv imsemmi huwa b’referenza għall-ftehim kollettiv bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Union Professjonisti fl-Ambjent u fl-Ippjanar (UPAP)?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li il-ftehim kollettiv imsemmi huwa l-ftehim kollettiv bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Unjoni Professjonisti fl-Ambjent u l-Ippjanar (UPAP).

Sovritendenza tal-Patrimonju Kulturali — Debituri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12266 dwar debituri tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fejn il-Ministru qal li debitur minnhom hija l-Awtorità tal-Ippjanar u li dan b'konnessjoni ma’ “Talba għar-rimborż tas-salarju dovut lis-Sur Kurt Farrugia skont il-ftehim tal-loan” u li jammonta għal €15,611.18, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tas-servizzi kollha li s-Sur Kurt Farrugia ta lill-Awtorità tal-Ippjanar li għalihom qed jiġi mitlub rimborż?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ispiża imsemmija tappartjeni għar-rifużjoni tas-salarju u benefiċċji ta’ kull tliet xhur tas-Sovrintendent tal-Patrimonju Kulturali.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali — Rendikont

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12267 dwar passiv kurrenti (current liabilities) għas-snin 2022 u 2023 fejn il-Ministru informa lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha bħala kreditur tagħha lill-Awtorità tal-Ippjanar, u ċjoè għandha tħallasha l-ammont ta’ €40,082 għas-sena 2022, jista’ l-Ministru jagħti lista sħiħa (break down of costs) tas-servizzi jew spejjeż li jiffurmaw dan l-ammont?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ €40,082 li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha tagħti lill-Awtorità tal-Ippjanar jirriżulta minn: 1. Rimborż tal-Pagi u Assikurazzjoni Personali, li tkopri mit-3 ta’ Diċembru 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2022, ta’ ħames (5) impjegati tal-PA b’self ma’ SCH: Jonathan Borg € 9,822 Kevin Borda € 8,460 Kenneth Cauchi € 6,587 Mark Cassar € 6,235 Audrey Camilleri € 4,741 2. Rimborż tal-Paga u Assikurazzjoni Personali, li tkopri mit-3 ta’ Diċembru 2022 sat-13 ta’ Diċembru 2022, ta’ impjegata (1) tal-PA b’self ma’ SCH sat-13 ta’ Diċembru 2022. Mandy Gatt € 4,237

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – servizzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9503 dwar servizzi li tagħti s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, jista’ l-Ministru jgħid minn liema artiklu tal-liġi (Kap. 445) jinħarġu l-miżati li qed jintalbu għall-“Other Services rendered in terms of Cultural Heritage Act”?

Response (BONNICI, OWEN)

Infurmat li “Other Services rendered in terms of Cultural Heritage Act” jirreferi għal każijiet rari fejn is-Sovrintendenza offriet is-servizzi tagħha għal evalwazzjoni arkeoloġika kemm fuq l-art u kemm taħt il-baħar fin-nuqqas ta’ riżorsi umani fis-settur privat. Intant, il-miżati tas-servizzi msemmija jemanu mill-artiklou 59 tal-Att dwar il-Patrimonju Kulturali.

Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali – servizzi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9503 dwar servizzi li tagħti s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali taħt il-kategorija “Other Services rendered in terms of Cultural Heritage Act”, jista’ l-Ministru jipprovdi listi ta’ individwi/dipartimenti/entitajiet eċċ. għas-snin 2020, 2021, 2022 u 2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma separatament u bl-ammonti li nġabru minn kull individwu/dipartiment/entità?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt: 2020 Infrastructure Malta € 4,400 Infrastructure Malta € 2,750 Total: €7,150 2021 WaterServ Malta €4,090 Ministry of Inclusion & Social Wellbeing €37,500 Infrastructure Malta €3,710 Malta Tourism Authority €529 Infrastructure Malta €667 Project Plus Ltd. €1,081 Infrastructure Malta €667 Total: €48,244 2022 Infrastructure Malta €407 WasteServ Malta €20,000 Infrastructure Malta €701 Total: €21,108 2023 Infrastructure Malta €684 Total: €684

Guardianship Deeds

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7660 dwar għotja ta’ Atti ta’ Kurazija (Guardianship Deeds), jista’ l-Ministru jgħid jekk dan id-dewmien (saħansitra snin sħaħ ta' dewmien) huwiex ġustifikat? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx ir-rieda politika biex ikomplu jingħataw Atti ta' Kurazija lil NGOs, jew le?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali pproċessat it-talbiet ta’ Atti ta’ Kurazija kollha li rċeviet sal-2022. Infurmat li talbiet ġodda ġew ipproċessati u riferuti lill-Awtorità tal-Artijiet, filwaqt li talbiet għal tiġdid ġew ipproċessati u riferuti għand in-Nutar tal-Gvern.

Ir-Rabat, Belveder ta' Għeriexem — Tħawwil ta' siġar ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12563 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u jgħid meta ser isir it-tħawwil ta' siġar ġodda minflok is-siġar li mietu minħabba nuqqas ta' tisqija fil-Belveder ta' Għeriexem, ir-Rabat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat (Malta) illi xi siġar li tħawlu minn l-entità kkonċernata fi Triq Għeriexem mhux veru li mietu minħabba nuqqas ta' tisqija u dan propju għaliex dawn għandhom sistema awtomatika biex jissaqqew waħidhom. Madankollu, infurmat illi l-Kunsill hu konxju li l-konki ta' xi wħud mis-siġar tul il-belveder mhux fondi biżżejjed, u l-għeruq ta' wħud minn dawn is-siġar jidhru li ma qabdux l-art. Infurmat ukoll li hemm konki oħrajn li lanqas biss tħawlu fihom siġar minħabba din ir-raġuni - iżda tħawlu fihom arbuxxelli biss. F’dan l-isfond, infurmat li l-Kunsill Lokali tar-Rabat se jerġa' jħawwel dawn is-siġar mil-ġdid hekk kif l-ajru jaqleb xi ftit minn wieħed sħun għal wieħed aktar frisk biex iċ-ċans li jaqbdu s-siġar il-ġodda jkun wieħed dejjem akbar. Infurmat li dan ser iseħħ skont prattiċi użati fil-qasam agrikolu.

San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Laqgħa tal-Kunsill Lokali

Question

B’referenza għal proġett ta’ Project Green ġewwa San Ġwann, peress li skont il-Kunsill Lokali San Ġwann kien hemm qbil bejn il-membri kollha tal-istess Kunsill, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Aġenda u tal-Minuti tal-laqgħa ta’ meta kien hemm il-proposta finali li biha saret l-applikazzjoni mal-Planning Authority (PA)? Jista’ jgħid jekk kienx hemm vot finali u x’kien l-eżitu tiegħu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann illi l-applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar ma saritx mill-Kunsill, imma minn Project Green. Infurmat li f’dan l-istadju ma kienx hemm vot. Infurmat illi l-vot ittieħed fil-laqgħa numru 50, fil-31 ta’ Jannar 2022, fejn kien hemm qbil unanimu, sabiex dan il-proġett isir f’San Ġwann. In oltre, infurmat li dan il-proġett reġa' ġie diskuss fil-laqgħa Nru 65, 23 ta’ Jannar 2023 u sussegwentament tali proġett reġa' ġie diskuss fil-laqgħa Nru 67, fis-27 ta’ Frar. F’dan ir-rigward, qiegħed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra estratti tal-Aġendi u l-Minuti tal-laqgħat imsemmija hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant. Finalment, infurmat li fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ San Ġwann, dejjem ikun hemm spazju biex il-kunsilliera jitkellmu fuq kwalunkwe ilment, u infurmat li qatt ma kien hemm talba minn kunsilliera biex jitkellmu fuq dan il-proġett.

San Pawl il-Baħar — Sinjali tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar tax l-awtorizzazzjoni biex jinżebgħu sinjali tat-traffiku inkluż zebra crossings (anke temporanji) fix-Xemxija matul din is-sena? Jekk iva, jista’ l-Ministru jqiegħed id-dokumenti relatati inkluż il-pjanti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar li l-istess Kunsill ma ta l-ebda tali awtorizzazzjoni.