Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #9133 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku

Question

Tul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista' jagħti t-tagħrif kumpannija kumpannija?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, 460 huwa l-ammont ta’ impjegati li ġew reklutati mal-kumpanniji b’investiment pubbliku (fuq bażi full time jew part time). Ser inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi t-tagħrif għal kull kumpannija.

talba għal post tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Awtorità ta' Djar biex il-persuna li dettalji tagħha qed jingħataw separatament tieħu post tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna konċernata ma tikwalifikax għall-akkomodazzjoni soċjali peress li d-dħul tagħha jeċċedi l-ammont ta’ € 8,152.80. L-applikazzjoni tas-Sinjorina għalhekk tinsab magħluqa.

Talba għal post mill-Awtorità tad-Djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibilità hemm li s- single parent li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li tgħix f'kamra waħda tieħu post mill-Awtorità tad-Djar?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tal-persuna konċernata qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Awtorita' tad-Djar — Bdil ta' post

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, ibiddel il-post fejn jgħix ma' ieħor tal-Gvern?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna indikata ma għandiex applikazzjoni pendenti ma’ l-Awtorita’ tad-Djar. Għalhekk is-Sinjur huwa mitlub illi jagħmel applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternattiva sabiex it-talba tiegħu tkun tista’ tiġi pproċessata
Leg 11 PQ #9361 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ċimiterju tal-Addolorata — Tħammil

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 9231, 8561 u 8106 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk it-tħammil li qed isir minn wara iċ-Ċimiterju tal-Addolorata (Santa Luċija) hux isir bħala tindif jew tħammil għall-oqbra? Jista' javża lill-bdiewa minħabba l-inċertezza li dawn jinsabu fiha?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li matul din is-sena ma kien hemm ebda tħammil fuq wara taċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata. It-tħammil li kien beda s-sena l-oħra kien sabiex ikun jista' jibda t-tkabbir taċ-ċimiterju iżda dan twaqqaf għaliex il-pjanti ta' l-imsemmi ċimiterju qegħdin preżentament jiġu riveduti.
Leg 11 PQ #9363 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Applikazzjoni ta' Support Worker

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9233, 8615, 8427, 8144 u 7406 u jara l-każ ta' sinjura li applikat għal post ta' support worker li minkejja l-esperjenza li għandha ta' 25 sena ħidma qalulha li m'għandhiex il-kwalifiki biżżejjed biex tagħmel dan ix-xogħol. Jista' jara li dan il-każ jiġi investigat qabel jinfetħu proċeduri quddiem l-Ombudsman?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #9366 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Waiting list għall-mammogram

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8971 u 8440 u jgħid kemm hi l-waiting list għall-mammogram u kemm hi l-medja ta' żmien ta' stennija biex dan it-test isir?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li ż-żmien ta' stennija għall-mammogram jiddependi mill-kundizzjoni klinika tal-pazjent. Kull talba għal mammogramm tiġi ivvetjata u l-appuntament jingħata skond il-bżonn ta' kull każ. Każijiet ġodda isirilhom it-test malajr. Follow-up mammograms għal każ magħrufin ta' kanċer tas-sider isiru f'intervalli regolari. Ta' min jinnota li minn Ottubru 2008 id-Dipartiment tal-Medical Imaging tal-Isptar Mater Dei beda joffri biss servizz tal-mammogram għal dawk li diġa għandhom xi sintomi, u mhux servizz ta' screening. Bħalissa l-waiting list għall-mammograms hija 2,000 ruħ. L-itwal żmien ta' stennija, għall-każi l-inqas urġenti, huwa ta' għaxar xhur. Ħafna minn dawn huma screening mammograms li kienu talbu appuntament qabel Ottubru 2008.
Leg 11 PQ #9368 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Inċentivi fiskali — nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlametari 8974 u 8603 u jgħid x'inċentivi fiskali ġew introdotti mill-Gvern fl-aħħar ħames snin għan-nisa biex jiġu nkoraġġuti jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jagħti d-detallji ta' kull skema separatament, jgħid meta kull inċentiv/skema ġiet imħabbra u meta kull waħda daħlet fis-seħħ?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma toffri ebda nċentivi fiskali u lanqas hu kompitu tagħha li toffri dawn l-inċentivi.
Leg 11 PQ #9369 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

test tal-iSleep Apnea — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8972 u 8439 u jgħid kemm hija l-waiting list fil-preżent għat-test tal-iSleep Apnea u kemm hi l-medja ta' żmien ta' stennija biex dan it-test isir?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li bħalissa hemm 650 pazjent li qegħdin jistennew għal dan it-test. Informat ukoll li minħabba n-nuqqas ta' technicians speċjalizzati biex jagħmlu dawn it-testijiet tas-sleep studies, bħalissa qegħdin isiru medja ta' 7 fix-xahar. Sadanittant qed jiġu mħarrġa żewġ technicians oħra li meta jispiċċaw mit-taħriġ tagħhom ikunu jistgħu isiru madwar 20 overnight sleep studies fix-xahar. Hemm il-ħsieb ukoll li jiġi ntrodott servizz ta' sleep studies fid-dar tal-pazjenti (Domiciliary Diagnostic procedure) biex b'hekk titnaqqas il-lista ta' stennija għal dan it-test.
Leg 11 PQ #9374 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Nies li jaħdmu ta Korpi Governattivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9200 u jgħid x'inhi r-raġuni li dawk il-persuni li daħlu mil-Korpi Governattivi qabel l-1979 jitilfu dawk is-snin meta jiġu biex jieħdu l-pensjoni u l-benefiċċji l-oħra? Jagħmel sens li xi ħadd li daħal fil-korpi qabel l-1979 u xi ħadd li ħadem direttament mal-Gvern qabel l-1979 ma jiggwadanjawx mill-istess benefiċċji ta' pensjoni?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-mistoqsija tiegħu jidher li qiegħed jirreferi għal pensjoni tas-servizz li tħallas taħt l-Ordinanza tal-Pensjoni. Għalhekk nitlob l-Onor. Membru biex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #9375 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Għawdex — oqsma għal tfal bid-dijabete

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9201 u jiddikjara meta f'Għawdex se jkun hemm assenjati speċjalisti fil-qasam tad-dijabete tat-tfal? Huwa sew li tfal Għawdxin b'din il-kundizzjoni, ikollhom jinżlu Malta?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ispecjalisti tal-Pedjatrija u tal-Mediċina fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma responsabbli għas-servizz lil tfal u żgħażagħ Għawdxin morda bid-dijabete. Is-servizzi ta’ sub-specialization fid-dijabete disponibbli fl-Istpar Mater Dei jikkumplimentaw dan is-servizz.
Leg 11 PQ #9377 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Imġarr — binjiet tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Awtorità tad-Djar milli tippreżenta ċ-ċertifikazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità u l-Protezzjoni Ċivili lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar skond kundizzjonijiet maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fuq binjiet tal-Gvern fl-Imgarr, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, bil-konsegwenza li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma tridx toħroġ compliance certificates lill-familji li sejrin jgħixu f'dawn id-djar?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ qed tagħmel konsultazzjoni mal-Kummissjoni Nazzjonali għal Persuni b’Diżabilita’ u mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili biex jintlaħaq ftehim ta’ kif wieħed għandu jimxi sabiex iċ-ċertifikazzjoni meħtieġ minn dawn l-entitajiet jibda jinħareg aktar malajr.
Leg 11 PQ #9380 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Applikazzjoni għall-pensjoni tal-invalidità

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, għal darbtejn ma ġiex invistat minn bord mediku dwar l-applikazzjoni li għamel għall-pensjoni tal-invalidità meta dan qed ibati minn marda mentali? Jista' jgħid x'rimedju għandu dan il-pazjent li qed iħossu aggravat bid-deċiżjoni tal-bord mediku dwar l-applikazzjoni li huwa ressaq?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant tagħti parir lill-persuna konċernata li tmur l-Uffiċċju tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li jkopri l-lokalità tagħha, jew li ċċempel SPIC fuq freephone numru 159, biex tingħata l-informazzjoni u l-għajnuna meħtieġa.
Leg 11 PQ #9391 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Każ urġenti ta' MRI

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, isirilha l-MRI kemm jista' jkun malajr peress li l-appuntament tagħha huwa għal Awwissu, imma dan huwa każ urġenti?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #9395 Sitting 126 2009-06-12 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Awtorità tad-Djar — każ ta' saqaf

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li waqa' parti mis-saqaf tal-gallarija ta' l-appartament tad-dar tagħhom u li rraportaw lill-Awtorità tad-Djar, sal-lum għadu ma mar ħadd mill-uffiċjali ta' l-Awtorità biex jiċċekja dan l-ilment? Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri se jittieħdu biex dan il-periklu jitneħħa?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita tad-Djar irċeviet dan ir-rapport dwar ħsara fis-saqaf tal-gallarija fl-1 ta’ Ġunju 2009. Uffiċjali tekniċi tal- Awtorita’ tad-Djar diġa għamlu spezzjoni fejn sabu li qed jaqgħu xi bċejjeċ tal-konkos mis-saqaf minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni tal-bejt mill-inkwilini. L-Awtorita’ ser tieħu passi biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.
Leg 11 PQ #9053 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Proġetti li se jitwettqu f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, il-proġetti, l-iskemi u x-xogħlijiet li d-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilita’ tiegħu se jwettqu f’Għawdex, sena sena minn din is-sena sal-2013? Jista’ jidentifika liema minnhom se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-2013, il-Gvern, permezz tal-Ministeru għal Għawdex ser ikun qiegħed jimplimenta il-programm elettorali ppreżentat fl-Elezzjoni Ġenerali li għaddiet. Kif żgur jaf l-Onor. Interpellant, il-proġett li jiġu ffinzjati mill-UE jgħaddu minn proċess ta' l-għażla u għalhekk hu prematur li jingħad liema ser jiġu ffinzanzjati minn fondi tal-UE.

Każ ta' pilloli li ma baqgħux jiġu

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pilloli li isimhom qed jintbagħat separatament mhux sejrin ikomplu jidħlu f'Malta meta hemm pazjent li kien ilu ħames snin fuq din il-kura? Il-pilloli simili li jissostitwixxuhom għamlulu l-ħsara u dan il-pazjent ma jistax jgħaddi mingħajr ma jieħu dawn il-pilloli.

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #9113 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

persentaġġ ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jindika l-persentaġġ ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol dovuti għall-ħaddiema li waqgħu mill-għoli minn fost l-inċidenti kollha matul din is-sena?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Informat ukoll li l-Awtorità hija responsabbli għal statistika dwar imwiet fuq il-post tax-xogħol. Matul l-2009, kien hemm tlett imwiet, li minnhom tnejn rriżultaw minn waqgħat mill-ogħli.
Leg 11 PQ #9116 Sitting 125 2009-06-10 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

persuni li għaddew boarded out — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li għaddew boarded out f'Malta u Għawdex separatament matul Jannar, Frar, Marzu u April ta' din is-sena? Jista' jinformani bl-istess tagħrif għall-istess perijodu tas-snin 2006, 2007 u 2008 rispettivament?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.