Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġiljan u l-Gżira — Enforcement notices

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm enforcement notices inħarġu ġewwa San Ġiljan, Gżira u tas-Sliema, minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’passi ser jittieħdu f’dan ir-rigward?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ Avviżi ta’ Waqfien u Twettiq li nħarġu f’San Ġiljan, il-Gżira u tas-Sliema minn Ottubru 2023 sal-ġurnata li fiha qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari huwa ta’ erbatax (14). Minn dawn, tlieta (3) inħarġu f’San Ġiljan u ħdax (11) inħarġu f’Tas-Sliema. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn l-erbatax-il każ, kif ukoll l-azzjoni li ttieħdet sal-lum (taħt il-kolonna - Case Status).

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Persons of trust

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm 'persons of trust' fi ħdan il-Ministeru tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 11808.

Għawdex – Rabat – Skola l-ġdida tal-Middle School

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet l-iskola l-ġdida tal-Middle School ġewwa r-Rabat, Għawdex u jagħti time-line ta' meta ser tibda topera kompletament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-maġġor parti tax-xogħlijiet, kemm ta’ kostruzzjoni kif ukoll mekkaniċi, elettriċi u finituri, ġewwa l-Middle School fir-Rabat huma lesti biex hekk it-tfal setgħu jidħlu fit-8 ta’ Jannar 2024. Daħlet ukoll għamara ġdida. Ix-xogħlijiet li fadal qed isiru mingħajr ma jiġi mfixkel l-operat tal-iskola l-ġdida u għandhom jitlestew fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Il-proġett kollu, inkluż il-bini ta’ skola primarja ġdida, child care centre u faċilitajiet sportivi għandhom ikunu lesti għall-intake ta’ Settembru 2024.

Gozo Channel – Uffiċini ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi n-nefqa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq is-sit li informazzjoni dwaru qed jintbagħtu separatament, fejn ser jibdew joperaw l-uffiċini tal-Gozo Channel? Jista’ jgħid ukoll meta ser jinfetħu dawn l-uffiċini?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-ġurnata tal-lum, in-nefqa fuq xogħol fis-sit tal-uffiċini l-ġodda tal-Gozo Channel tammonta għal €151,552 (vat eskluża). L-uffiċini se jinfetħu meta jitlestew ix-xogħlijiet li qegħdin isiru.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu/huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji/banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qegħdin iservu, il-kariga li kienu/qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju tagħhom? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn April 2013 sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Triq li twassal għall-Bajja tal-Ħondoq – xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7574 li ngħatat fl-1 ta' Novembru 2022 dwar meta se jitkompla x-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala, Għawdex, u dwar meta hu mistenni li x-xogħol f'din it-triq ikun lest għal kollox fejn kien ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq Triq Papa Piju XII fil-Qala tlesta, fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jingħata l-wearing course”, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-wearing course ngħatax u jekk le, x'inhuma r-raġunijiet għaliex għaddew iktar minn seba’ xhur u nofs u għadu ma ngħatax il-wearing course?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex – Open-spaces u parks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li jinfetħu aktar open-spaces u parks għall-familji ġewwa Għawdex? Jekk iva, fejn u meta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 15360, 9070 u 3570.

Marsalforn — Breakwater

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-breakwater ta’ Marsalforn għadux ippjanat li jsir? Jekk iva, jista’ jagħti time-frame u f'liema stadju wasal?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-breakwater ta’ Marsalforn għadu ppjanat li jsir u bħalissa qed jiġu eżaminati r-rapporti tekniċi marbutin mal-Environmental Impact Assessment.

Għawdex – Stadju biex jitlesta l-Mużew

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-Mużew ta' Għawdex u meta ser jitlesta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin ix-xogħlijiet tal-finishes u tal-M&Es. Il-proġett tal-Mużew t’Għawdex huwa mistenni li jkun lest fl-2026.

Kemmuna — Proġetti ambjentali u infrastrutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ambjentali u infrastrutturali hemm ippjanati li jsiru ġewwa Kemmuna mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2024 u fiex jikkonsistu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 14140.

Għawdex — In-Nadur u r-Rabat - Xogħlijiet fuq triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li tinbena mill-ġdid it-triq li twassal minn Nadur għar-Rabat stante li l-aħħar li saret din it-triq kien fl-1988 u issa waslet biex tiġi mibnija mill-ġdid? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li din issir fis-sena 2024? Jekk le, jista' jgħid jekk sarux rapporti dwar l-istat ta' din it-triq u jekk iva min għamilhom u jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed iħejji l-pjanijiet biex Triq it-Tiġrija, Triq il-Qala u parti minn Triq Daħlet Qorrot li kollha huma fin-Nadur, jerġgħu jinbnew mill-ġdid.

Skema 'Irrestawra Darek'

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14230 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħljiet Pubbliċi u ċjoè: B'referenza għall-aħħar skema 'Irrestawra Darek', jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew approvati, wara li telgħet ix-xorti (telgħet il-polza) u jgħid ukoll minn liema lokalitajiet kienu dawk li ntgħażlu, lokalità, lokalità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14230 u 14955, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskop tal-polza ma kienx li jintgħażlu jew jiġu esklużi xi reġistrazzjonijiet. Fil-polza, il-172 reġistrazzjoni tpoġġew f’ordni li fih it-talbiet ser jibdew jiġu mixtarra mill-Awtorità tal-Ippjanar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati tal-polza li turi il-lokalità ta’ kull reġistrazzjoni. Kull waħda minn dawn ir-reġistrazzjonijiet issa tiġi ċċekjata biex l-Awtorità tiżgura li l-propjetà tikkwalifika għal fondi skont il-linji gwida li tħabbru meta tnegħdiet l-iskema, u l-persuni li ssottomettew ir-reġistrazjoni jkunu nfurmati jew li t-talba hija invalida (eż għax il-propjetà tkun ġa bbenefikat minn fondi oħra simili fil-passat) jew li fil-prinċipju t-talba tikkwalifika u għalhekk il-persuna tkun mistiedna tikkuntatja Perit biex tiġi sottomessa applikazzjoni formali bit-dettalji meħtieġa ħalli aktar tard ikun jista’ jiġi deċiż jekk ix-xogħlijiet konċernati jikwalifikawx għal fondi. In-numru ta’ proprjetajiet li ser jibbenefikaw mill-iskema jvarja skont kemm jiġu approvati li jintużaw fondi f’talbiet preċedenti (dejjem skont l-ordni definit fil-polza tal-11 ta’ Diċembru 2023).

Għawdex — Lista ta' toroq li ser jiġu ristrutturati

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' toroq f’Għawdex li ser jiġu ristrutturati din is-sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li prezentament għaddej ix-xogħol fuq Triq ta’ Wara s-Sur fir-Rabat, Triq 28 ta' April 1688 fil-Qala, parti min Triq Lord Strickland fil-Qala, Triq Għajn Tuta Kerċem u Triq Ħamri, Għajnsielem. Fil-ġimgħat li ġejjin inkunu qed jitħabbru wkoll aktar xogħlijiet fuq toroq oħra.

Ministeru għal Għawdex — Uffiċini u dipartimenti li ma baqgħux jaqgħu taħt id-dekasteru

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-uffiċini u d-dipartimenti ġewwa Għawdex li matul dawn l-aħħar tliet snin ma baqgħux jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2013 kien hemm tliet Aġenziji li ġew iffurmati u li l-uffiċċji f’Għawdex sussegwentement ġew integrati ma’ dawn l-Aġenziji. Dawn kienu Libreriji, il-Qrati ta’ Għawdex u l-Uffiċċju tar-Reġistrazzjoni tal-Artijiet.

Għawdex — ftuħ tas-CDAU

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 6258 u 6622 li ngħataw fi Frar 2023, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar id-diskussjonijiet mal-Ministeri għas-Saħħa u għall-Edukazzjoni dwar il-ftuħ ta’ Child Development Assessment Unit (CDAU) ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn id-diskussjonijiet, li issa ilhom għaddejjin xhur, waslux għal xi pjanijiet konkreti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet li qed jiġu evalwati.

Għawdex – Korsa taż-Żwiemel tax-Xħajma – Bini ta’ stallel

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-bini mill-ġdid ta' stallel taż-żwiemel u 'manure clamp' ġewwa l-Korsa taż-Żwiemel Ta’ Xħajma, fix-Xewkija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għadu qed jistenna l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar.