Legislature:
Category:
Reset
Active:

talba biex persuna tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tbati minn demensja akkuta u din applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul peress li mhux l-ewwel darba li toħorġ barra u l-familja jkollha tmur tfittixha u hija ta' periklu d-dar? Tista' din it-talba tingħata prijorità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applikat fit-8 t’Ottubru 2012. L-applikazzjoni trid tgħaddi mill-proċess normali fejn wara li s-Social Workers jagħmlu l-assessment, l-applikazzjoni tkun tista’ tidher quddiem il-Bord tal-Ammissjoni. Il-Bord jieħu deċizjoni fuq il-kaz u jinforma l-applikant bid-deċizjoni tiegħu bil-miktub.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — service contract agreements

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 28683, 27363 u 27632 u jgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u jagħti d-dettalji relattivi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — service contract agreements

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 27632 u 27363 u jgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, u jagħti d-dettalji relattivi u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Monte Carmeli — impjegati deployed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu impjegati nies b'kuntratt definit mill-1 ta' Jannar 2010 sal-lum mid-Diviżjoni tas-Saħħa biex jiġu deployed fl-Isptar Monte Carmeli billi jgħid f'liema gradi ġew impjegati, għal kemm hu twil kull kuntratt li sar u x'salarji u pagi ġew assenjati lil dawn l-istess impjegati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Monte Carmeli — għajnuna supplimentari jew benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi skemi kien hemm implimentati mill-Isptar Monte Carmeli taħt l-awspiċi tad-Diviżjoni tas-Saħħa fil-perjodu l-1 ta' Jannar 2008 sal-lum fejn tidħol għajnuna supplimentari jew benefiċċji partikolari għal individwi li meta jkunu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol għax qiegħda jkunu wkoll ġew identifikati b'xi defiċjenza mentali filwaqt li jgħid f'kull każ kull skema xi swiet sena b'sena għall-perjodu hawn indikat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Isptar Monte Carmeli għandu skema li tħarreġ pazjenti li qegħdin fuq trattament għal kura ta’ saħħa mentali u ttihom kull terapija u rijabilitazzjoni neċessarja li għandhom bżonn sabiex dawn jiġu ntegrati fid-dinja tax-xogħol. Dawn il-pazjenti jingħataw inċentiv finanzjarju li meta jingħadd mal-benefiċċji li huma jieħdu mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Socjali ma jeċċedix l-ammont tal-minimum wage. L-Isptar nefaq dawn l-ammonti fuq din l-iskema matul dawn is-snin: 2008 - €177,409 2009 - €148,397 2010 - €105,845 2011 - € 75,865 2012 - € 47,290 (sa l-aħħar t’Ottubru)

Ċentri tas-Saħħa — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma għaliex il-manutenzjoni taċ-Ċentru tas-Saħħa se ssir fiż-żmien meta iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta huwa wkoll magħluq għal manutenzjoni? Jista' jinforma ukoll meta se tibda u tispiċċa il-manutezjoni fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat? Jista' jara l-possibiltà li mill-ewwel jum sal-aħħar jum li ċentru tar-Rabat ikun magħluq, jiġi provdut trasport f'ħin partikulari għar-residenti ta' Ħad-Dingli, Rabat u limiti tiegħu u l-Imġarr sabiex jaslu fiċ-ċentru tas-saħħa ta' Birkarkara fiż-żmien? Jista' jinforma jekk huwiex se jkun xi servizzi li se jibqgħu jiġu provduti miċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat matul iż-żmien li tkun qed issir il-manutezjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li waqt li x-xogħolijiet ta’ manutenzjoni ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat ikunu għaddejjin, is-servizzi kollha eżistenti ta’ dan iċ-ċentru tas-saħħa sejrin jibdew jingħataw minn lokalita’ oħra ġewwa r-Rabat, Malta stess. Għalhekk in-nies kollha li issa qegħdin jinqdew minn dan iċ-ċentru mhux sejjer jiġu affetwati bl’ ebda mod.

Sptar Mater Dei — IVF

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif it-teatru li nbena għall-IVF fl-Isptar Mater Dei se jintuża għall-operazzjonijiet differenti u mhux għall-iskop li sar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-teatru tal-IVF ser jintuża għall-IVF, iżda l-isptar ma jeskludix li jekk ikun il-każ u jkun hemm il-ħin adattat, bħal ma jigri f’teatri oħra, it-teatru tal-IVF jintuża għall-interventi oħrajn. Però l-interventi tal-IVF jingħataw dejjem il-preċedenza.

Użu ta' Sptar Saint Philip

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37035 u jgħid xi studji saru mill-gvern minn persuni tekniċi u indipendenti dwar il-possibilità ta' użu ta' partijiet mill-Isptar San Luqa qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni strateġika li jiġi akkwistat għall-użu ta' sptar privat abbandunat bħal Sptar Saint Philip?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Kif diġa tħabbar fis-sessjoni tal-24 ta’ Ottubru tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi, id-direzzjoni tal-Gvern kienet li l-isptar San Luqa m’għandux jiġi kkunsidrat għall-skop ta’ sptar akut jew ta’ rijabilitazzjoni. Għal dan il-għan ma kienx hemm ħtieġa li jsiru studji dwar l-użu ta’ postijiet tal-isptar San Luqa, kif indikat mill-Onor. Interpellant.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jindika l-attività x'kienet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dawn l-aħħar sitt xhur ma kienx hemm attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru, dipartiment jew entitajiet, fejn kellhom bżonn jiġu użati servizzi ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ.

Każ ta' operazzjoni tal-ftuq

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li ilha tistenna biex issir operazzjoni tal-ftuq imma għadu mingħajr risposta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant ilha fil-waiting list minn Lulju 2012. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel li jiġu operati huma dawk il-pazjenti li jkollhom l-aktar ħtieġa urġenti. Dan il-każ partikolari m’huwiex meqjus urġenti u għaldaqstant l-isptar ser jibgħat għalih fiż-żmien disponibbli.

Applikazzjoni għar-Residenza San Vincenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li ilha li applikat biex jidħol fir-residenza San Vinċenz de Paul imma għadha mingħajr risposta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-applikazzjoni msemmija ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni fit-22 ta’ Marzu 2012. B’hekk din l-applikazzjoni tinsab fil-lista ta’ stennija għad-dħul ta’ San Vinċenz de Paul.

djar privati tal-anzjani — servizzi mixtrija mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn id-djar privati li qed jixtri s-servizzi mingħandhom il-gvern bħala residenza għall-anzjani? Jista' jgħid kemm nefaq biex xtara s-servizzi mingħand id-djar privati matul ix-xhur ta' bejn Jannar u Settembru 2012 u jagħti rendikont f'liema home xtara servizzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: DAR SUPPLIER AMMONT € JANNAR - SETTEMBRU Central Home Age Concern Limited 687,023 Casa Serena Care Services Limited 802,948 Casa Leone Archdiocese of Malta 98,307 Dar St Anna Archdiocese of Malta 89,314 Dar Saura Archdiocese of Malta 64,807 Holy Family Archdiocese of Malta 36,518 Casa Arkati CareMalta Limited 441,314 Villa Messina CareMalta Limited 642,993 Roseville Home CareMalta Limited 850,142 St. James Hospital St. James Hospital 144,437 Total 3,857,803

Security Guards tal-Isptar Mater Dei — food allowances

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex is-security guards li jaħdmu mal-Isptar San Luqa huma ddiskriminati peress li ma jingħatawx food allowance jew jingħataw l-ikel bħal security guards oħra li jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-food allowance mogħti lil security guards oħra li jaħdmu fid-dipartiment, ma joħroġ mill-ebda ftehhim u għalhekk ma hemmx lok għal xi tip ta’ diskriminazzjoni, kif qed jiġi interpretat fil-Mistoqsija Parlamentari. Fil-jiem li ġejjin se tittieħed deċiżjoni biex din l-irregolarita’ tiġi indirizzata.

care worker — kwalifikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37650 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti l-ismijiet u l-indirizzi tal-istituzzjonijiet/persuni li għandhom l-awtoritajiet li jagħtu l-korsijiet li jwasslu biex persuna tkun kwalifikata bħala care worker?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li preżentament m’hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola l-korsijiet ta’ care worker u għaldaqstant mhuwiex possibbli li tingħata lista komprensiva tal-istituzzjonijiet kollha li jagħtu dan it-taħriġ. Madankollu, fis-Settur Pubbliku, dan it-taħriġ jiġi offrut mill-MCAST, mill-ETC kif ukoll mid-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità.

ingaġġ ta' pharmacy technicians

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37317, jista' l-Ministru jgħid x'irid ifisser bil-frażi: 'mill-aktar fis possibli' meta dawn il-gradwati bħala pharmacy technicians ilhom li għamlu l-interviews sa minn Mejju 2012? Jista' jagħti t-terminu taż-żmien meta dawn se jkunu ingaġġati? Jista' jgħid xi jrid ifisser bil-frazi: 'skont l-esigenzi tas-servizz pubbliku', jiġifieri x'inhuma l-esigenzi tas-servizz pubbliku għas-sena 2012 u 2013? Kemm għandu pharmacy technicians nieqsa mill-compliment normali, fid-diversi istituzzjonijiet fid-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-ingaġġ fil-grad ta’ Pharmacy Technicians jinsab f’fażi avvanzata u huwa mistenni li fi żmien qasir jiġu kkuntattjati l-persuni magħżula sabiex jikkonfermaw jekk jaċċettawx il-ħatra bħala Pharmacy Technicians. Niċċara wkoll li l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku huma stabbiliti mhux biss mill-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità iżda jiġu stabbiliti wkoll flimkien mal-Public Administration HR Office u l-Ministeru għall-Finanzi, Ekonomija u l-Investiment.

Promotion tad-Deputy Nursing Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-kriterji għal postings tad-Deputy Nursing Officers li ġew promoted dan ix-xahar, jiġifieri b'liema mod ingħataw il-postings il-ġodda? Jista' jgħid kif ġiet assigurata l-meritokrazija u t-trasparenza f'dawn il-postings? X'sistema hemm ta' appell għal dawk li ngħataw postings li ma jħossuhomx li ġew posted f'wards li huma fil-linja ta' esperjenza u taħriġ li għandhom? Kif qed ikun assigurat li dawn id-Deputy Nursing Officers ma jħossuhomx dimottivati, jekk jiġu posted f'linja ta' xogħol li ma jħossuhomx konfidenti biżejjed fiha? Jista' jgħid jekk dawk li għamlu snin aċting Nursing Officers ingħatawx l-opportunità, issa li ġew promoted uffiċjalment għal dawn il-posts, li jibqgħu fl-istess swali jew dipartimenti? Jista' jassigura li kulħadd ġie ittrattat bl-istess kriterji u ma saretx diskriminazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kien hemm proċess tal-għażla tal-Public Service Commission u r-riżultat ġie ppubblikat. Il-posting tad-Deputy Nursing Officers sar kif deskritt: Ġiet stabbilita l-proċedura dwar kif għandu jsir dan id- deployment, b’konsultazzjoni mal-Malta Union of Midwives and Nurses. In-numru ta’ vakanzi biex jimtlew ġie stabbilit minn qabel ma beda l-proċess. 1. Kull min kien diġa fil-grad ta’ Deputy Nursing Officer (DNO) qabel il-proċess tal-għażla u li kellu ittra ta’ talba ta’ trasferiment kellu jieħu l-ewwel prijorità sakemm dan it-trasferiment kien possibbli. 2. Kull min laħaq DNO u kien diĠa’ jaħdem f’post fejn kien hemm vakanza kellu jingħata l-“ first right of refusal ”. 3. Il-kumplament kellu dritt li jagħżel skont l-ordni tal-mertu skont ir-rizultat tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. . Din il-proċedura ġiet segwita għajr f’erba’ ċirkostanzi għall-raġunijiet speċifiċi.

Trasferiment ta' Anzjan mill-Isptar Mater Dei għal Dar tal-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara jekk hux possibli li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jiġi trasferit mill-Isptar Mater Dei għal Dar tal-Anzjani fl-Imtarfa peress li l-mara tiegħu li hi anzjana u li toqgħod l-Imtarfa għandha problema ta' mobilità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant applika fl-10 ta’ Settembru 2012 mill-Isptar Mater Dei u ġie approvat għad-Dar tal-Imtarfa fit-13 ta’ Settembru 2012. L-anzjan qiegħed fuq il-lista ta’ stennija biex jidħol fid-Dar tal-Imtarfa skond il-mertu tal-każ.

Progress rigward każ

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna dwar il-progress li sar dwar il-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-każ imsemmi minnu ġie nvestigat. Fiż-żona ndikata hemm żewġ gabbani b’isem simili u d-ditta tal-Avukati semmietom it-tnejn fil-korrispondenza tagħha lil Awtoritajiet differenti. Lid-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali, l-avukat għamel referenza għal gabbana minnhom. Din il-gabbana partikolari ġiet spezzjonata nhar id-9 ta’ Novembru u nstabet li kienet qed taħdem skont il-kondizzjonijet maħruġa fit-30 t’Ottubru, 2012 mill-istess Direttorat.