Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34217 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta ħa tiġi asfaltata Triq Dr. George Macadam fix-Xagħra Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-Triq imsemmija mill-Onorevoli Interpellant tlestiet il-ġimgħa l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema mal-kunsilli segwenti u kemm hi l-popolazzjoni ta' kull lokalità msemmija: Ħad-Dingli, Rabat, Siġġiewi, Ħaż-Żebbug, Ħal Lija, Ħal Balzan, Ħ'Attard, Naxxar, Birkirkara, Tal-Pietà, Santa Venera, Ħamrun, Furjana, Valletta, Tas-Sliema u San Ġiljan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni dwar il-popolazzjoni tinsab fis-sit elettroniku tad-Dipartiment Għall-Gvern Lokali (www.dlg.gov.mt), qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-informazzjoni mitluba..
Kunsilli Lokali — impjegati li jiġu minn xulxin fl-istess kunsill
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34254, jista' l-Ministru jgħid x'inhu x-xogħol tal-ħaddiema li jaħdmu fil-kunsilli msemmija u li jiġu minn xulxin, u kull impjegat u impjegata (li jiġu minn xulxin) kemm ilhom jaħdmu mal-kunsill?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:34661 - Impjegati li jigu minn xulxin fl-istess Kunsill.xls
Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien — sejħa għall-offerti pubblika
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il offerent kien hemm għal sejħa għall-offerti pubblika mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jgħid x'offerta tefa kull offerent (inkluż il-valur tal-offerta)? Jista' jgħid min kien l-offerent li rebaħ l-offerta u fuq liema kriterji rebaħ din l-offerta? Jista' jara jekk il-proċess użat fl-ipproċessar ta' din is-sejħa għall-offerti kienx wieħed pubbliku u traspartenti jew le?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 7 (seba’) kumpaniji li tefgħu l-offerta tagħhom għas-sejħa imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Il-Kumpanija li rebħet l-offerta hija Femi Consultancy Ltd., u dan wara li l-Kunsill iddiskuta u analizza l-offerti kollha li daħlulu, kif ukoll fuq parir tal-Perit tal-Kunsill.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ l-avviżi tal-offerta kif ukoll lista tal-offerti kollha bil-valur ta’ kull offerta.
Korp tal-Pulizija — xogħol fi stadium tal-football
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' protezzjoni jingħataw il-membri tal-Korp tal-Pulizija meta dawn ikunu xogħol fi stadium tal-football?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi meta wieħed jikkonsidra l-atmosfera brijuża li ġeneralment ikun hemm fl-istadiums tal-football lokalment ma’ tagħtix lok illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li jkunu ordnati xogħol f’dawn l-istadiums ikunu armati b’xi tagħmir protettiv. Madankollu dejjem tittieħed konsiderazzjoni tar-riskju li ċerti logħobiet jistgħu jinvolvu. F’każi bħal dawn u fejn u meta jkun meħtieġ, il-Korp tal-Pulizija jipprovdi apparat protettiv bħal ma huma helmets u tarki sabiex jekk ikun meħtieġ ikunu jistgħu jintużaw mill-membri tal-Korp. Dan barra l-full riot gear li jintlibes mill-membri tal-SAG u membri oħra tas-Support Group li lkoll huma mħarrġa għall-sitwazzjonijiet ta’ disordni pubbliku meta jkun hemm bżonn.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x'assistenza tingħata mill-Korp tal-Pulizija lil membru tal-korp meta dan jiġi midrub fuq xogħlu, sew dik medika u sew jekk psikoloġika?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-membri tal-Korp tal-Pulizija li sfortunatament iweġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom huma ntitolati għall-assistenza medika kollha meħtieġa b’xejn kif ukoll sick leave b’paga sħiħa sa sena.
B’żieda ma' dan, il-Korp tal-Pulizija sa mill-2006 għamel ftehim mal-Caritas, sabiex membri li jkunu jeħtieġu għajnuna psikoloġika, inkluż
counseling
, jkunu jistgħu jagħmlu użu minn
support services
li l-Caritas tofri, u dan bla ebda ħlas.
Barra minn dan membri tal-Korp li jweġgħu jew isofru danni konsegwenza ta’ reat kriminali relatat max-xogħol tagħhom, jistgħu jagħmlu talba għall- kumpens mill-Fond tal-Vittmi ta’ Atti Kriminali.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm pulizija weġgħu u/jew tilfu ħajjithom matul il-qadi ta' dmirijiethom sena b'sena mis-sena 2002 sas-sena 2011? F'liema rank kienu dawn il-pulizija? Isir rapport jew le fuq kull tali inċident li jseħħ mir-rappreżentant tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tal-Korp tal-Pulizija? Jekk isir tali rapport, xi jsir minn tali rapport?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex għall-ewwel darba fir-requirements għall-Ingaġġ fil-Korp tal-Pulizija, hemm kundizzjoni li l-applikanti ma jistax ikollhom tattoos jew piercing permanenti? Ma jidhirlux li din il-kundizzjoni hija diskriminatorja u għaldaqstant illegali? Jista' jgħid allura, jekk fil-Korp tal-Pulizija hemm membri li għandhom tattoos jew piercing permanenti, hux se jiġu ddiskriminati jew mgħoddija dixxiplina?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din mhix l-ewwel darba li dan ir-rekwiżit kien inkorporat fis-sejħa għall-applikazzjonijiet għad-dħul fil-kors ta' taħriġ għall-kuntistabbli fil-Korp tal-Pulizija. Fil-fatt dan kien diġà fis-seħħ fl-aħħar sejħa li saret f’April tas-sena l-oħra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-individwu li -dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kien inħatar mill-gvern bħala Chairman tal-Prison Board hu impjegat fl-Uffiċċju tal-Ombudsman bħala senior investigating officer? X’inhi r-rimunerazzjoni sħiħa annwali li jingħata lilu bħala riżultat ta’ din il-ħatra ta’ Chairman tal-Prison Board? Ma jidhirlux il-Ministru li din il-ħatra tikkostitwixxi kunflitt ta’ interess meta impjegat fl-Uffiċċju tal-Ombudsman li jistħarreġ ilmenti kontra l-gvern għandu fl-istess ħin kariga mħallsa mogħtija lilu mill-gvern u meta l-Uffiċċju tal-Ombudsman irid iwettaq – u jidher li qed iwettaq – il-funzjonijiet tiegħu b’mod imparzjali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab informat li l-persuna li qed issir referenza għaliha hija effettivament impjegata fl-Uffiċċju tal-Ombudsman u li bħala Chairman tal-Bord tal-Viżitaturi tal-Ħabs għandha remunerazzjoni annwali ta’ €3,260. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nara f'dan ebda konflitt ta’ interess li għandu jipprekludi lil din il-persuna milli taqdi l-funzjoni tagħha b’imparzjalità u korrettezza.
Uffiċċju tal-Ombudsman — persuna li tagħmel xogħol ieħor
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ġie nominat mill-gvern biex iservi bħala r-rappreżentant Malti fuq il-European Committee for the Prevention of Toture and Inhuman or Degrading Treatment or Punishment bejn l-2011 u l-2015 hu impjegat fl-Uffiċċju tal-Ombudsman bħala senior investigating officer? Dan l-individwu jingħata xi rimunerazzjoni jew xi benefiċċji mill-Kunsill tal-Ewropa bħala riżultat ta’ din il-ħatra? Ma jidhirlux il-Ministru li din il-ħatra tikkostitwixxi kunflitt ta’ interess meta impjegat fl-Uffiċċju tal-Ombudsman li jistħarreġ ilmenti kontra l-gvern għandu fl-istess hin kariga fil-Kunsill tal-Ewropa li għaliha ġie nominat mill-gvern u meta l-Uffiċċju tal-Ombudsman irid iwettaq – u jidher li qed iwettaq – il-funzjonijiet tiegħu b’mod imparzjali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnha ġiet effettivament nominata biex taqdi l-funzjoni li qed tirreferi għaliha u magħżula mill-Kunsill tal-Ewropa biex iservi. Infurmat li persuni f’din il-kariga huma ntitolati biss ghal hlasijiet in kwantu rimbors ta’ spejjez konnessi mal-vjaggi taghhom u subsistence allowance li tokpri il-granet taz-zjara taghhom u li tithallas skont rati applikati minn zmien ghal zmien mill-Kunsill tal-Ewropa.
Ngharraf ukoll lill-Onor Membru li ma nara ebda kunflitt ta’ interess assocjat ma’ din in-nomina u jidher li din kienet ukoll il-posizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa li ma kellu ebda problema biex jilqa n-nomina maghmula mill-Gvern Malti ghar-rigward ta’ din il-persuna.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W549, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se titwessa' Triq Sansuna fix-Xagħra Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li t-twessiegħ ta’ Triq Ta’ Sansuna jinvolvi esproprjazzjoni ta’ art privata u għaldaqstant il-kunsill għalissa ma jista’ jagħmel ebda intervent
Jista' l-Minsitru jwieġeb mistoqsija parlamentari W547, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u cioè: Peress li r-residenti ta' Triq il-Ġnien Imrik fix-Xagħra Għawdex senjatament il-parti ta' isfel tat-triq li tiġi l-iktar qrib tal-lukanda Cornucopia qed jilmentaw minħabba kumulu ta' ilma li jinġabar meta tkun ix-xita u dan qed joħloq inkonvenjent għar-residenti, jista' l-Ministru jara kif din il-problema tiġi riżolta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress li, skont ma jien infurmat, il-Ministeru għal Għawdex kien qed jagħmel culvert tal-ilma fl-imsemmija triq, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex tagħmel il-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-istat tal-Prosecution Unit fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u fiex jikkonsisti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26502, bid-differenza li fil-preżent hemm stazzjonati Supretendent u Spettur.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Korp tal-Pulizija se jkollu apparat għal video recording tal-investigazzjonijiet/stqarrijiet u kemm se jiġi jiswa dan l-apparat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għalkemm il-proċess sabiex il-Korp tal-Pulizija jkollu apparat għal video recording wasal fi stadju avvanzat, għad mhux magħruf kemm se jkun jiswa.
Faċilità Karrettiva ta' Kordin — ħlas ta' overtime
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'overtime l-impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin sena b'sena fl-aħħar ħames snin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-impjegati tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fl-aħħar ħames snin tħallsu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Sena Ammont overtime
2007 €1,298,483
2008 € 1,442,088
2009 € 1,498,028
2010 € 1,674,682
2011 € 1,903,450
Dawn l-ammonti jinkludu ħlasijiet lill-Pulizija ta’ skorti li jsiru ma’ priġunieri.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-parole sal-lum u x'kien l-eżitu ta' dawn it-talbiet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li s'issa saru 159 talba għall-Parole. Kien hemm diversi talbiet li ma jistgħux jiġu ikkunsidrati għax mhumiex eliġibbli skont il-Liġi. It-talbiet l-oħra għaddejin mill-proċess stabbilit skont il-Liġi.
Ministeru tal-Intern u Affarijiet Parlamentari — kawżi fuq awtoritajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu kawżi fil-konfront ta' Awtoritajiet u/jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li kien hemm dawn il-kawżi li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna spiċċat il-ħabs minħabba każijiet in konnessjoni mal-VAT, sena b'sena mis-sena 2000 sal-lum? Jista' jgħid x'kienu r-reati mwettqa? Jista' jgħid bħala medja x'tip ta' sentenzi ingħataw?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2012 ma jirriżultax li kien hemm xi persuni li spiċċaw fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin relatati ma' każijiet in konnessjoni mal-VAT.
It-tabella t'hawn taħt turi n-numru ta' dawk il-persuni li spiċċaw il-ħabs minħabba l-każijiet imsemmija matul is-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011.
Infurmat ukoll illi r-reati mwettqa kienu jinvolvu nuqqas ta' ħlas tal-VAT u multi u s-sentenzi li ngħataw kienu multi li ġew konvertiti f'pieni ta' priġunerija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twettqu hold-ups bejn l-2005 u llum sena b'sena? Jista' jgħid kemm minnhom kienu solvuti? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet ġraw? Jista' jgħid kemm insterqu flus f'kull hold up fejn dan japplika? Jista' jgħid f'kemm minn dawn il-hold ups intużat il-vjolenza? Jista' jgħid f'kemm minn dawn il-hold ups intużaw armi tan-nar jew armi li jaqtgħu u bil-ponta?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi din l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.