Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #28374 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Xogħol edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'edukazzjoni ssir mal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin dwar ikel tajjeb għal saħħithom? Jista' jagħti eżempji prattiċi ta' dan it-tip ta' xogħol?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin isir il-kors tal-life skills li, fost lezzjonijiet oħra, jinkludi wkoll dawk iddedikati għas-saħħa u l-kura tal-persuna bħal ma hija d-dieta bilanċjata u l-eżerċizzju fiżiku. Infurmat ukoll illi minn żmien għal żmien isiru arrangamenti mal-Health Promotion Unit sabiex dawn jagħmlu taħdidiet fuq dan is-suġġett mar-residenti.
Leg 11 PQ #28376 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — priġunieri f'kmamar mingħajr twieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li jinżammu fi kmamar mingħajr twieqi u li fihom ikun hemm iżjed minn priġunier wieħed?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm priġunieri f'kmamar mingħajr twieqi.
Leg 11 PQ #28377 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Priġunieri li skontaw sentenza ħabs — liċenzji speċjali

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex meta jkun hemm priġunieri li waqt li skontaw sentenza ta' ħabs jirnexxielhom jedukaw irwieħhom u jiksbu anke l-ħiliet biex jistgħu jingħataw liċenzja, bħal ta' eletriċista dawn ma jiġux miċħuda minn din il-liċenzja għax inkella jkun kollu sar għalxejn ix-xogħol edukattiv magħhom u jiġu kkundannati li qatt ma jistgħu jieħdu r-ruħ u joħorġu mill-ħidma kriminali tagħhom għax ma jkunux jistgħu jaqilgħu x'jieklu mix-xogħol diċenti tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi wara taħdidiet mal-Malta Resources Authority saru arranġamenti sabiex dawk il-priġunieri li jirnexxilhom jedukaw irwieħhom u jiksbu riżultati meħtieġa tinħarġilhom il-liċenzja taħt ċertu kundizzjonijiet. Infurmat ukoll li dawk il-priġunieri li għaddew ġew infurmati b'dan l-iżvilupp.

Liċenzja tal-gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm persuni li għandhom liċenzja tal-gwardjani lokali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 369 persuna li huma reġistrati mal-Pulizija bħala Gwardjani Lokali.
Leg 11 PQ #29705 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Żgħażagħ mressqa l-Qorti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 28151, jista’ l-Ministru jgħid x’sentenzi ngħataw lid-99 żagħżugħ/a li kellhom il-każ tagħhom deċiż mill-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-99 żgħażagħ taħt it-18-il sena li kellhom il-każ tagħhom deċiż, is-sentenzi mogħtija kienu jinkludu piena karċerarja, proċediment eżawrit, twiddiba, liberta', multa, sospenzjoni tal-liċenzja tas-sewqan, sentenzi sospiżi, probation u liberta' kundizzjonata.

Ħal Qormi — Triq in-Nassab - alarm ta' ħanut

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-pulizija ma ħassethiex responsabbli li ssib min ħalla l-alarm idoqq fis-sigħat bikrin tal-lejl fit-Triq in-Nassab, Ħal Qormi u li bil-konsegwenza ta' dan tant residenti ma setgħux jorqdu, minkejja r-rapporti li saru mill-istess residenti? Jista' jgħid kif il-pulizija hija responsabbli li żżomm il-buon ordni u f'każ ta' storbju bil-lejl, permezz ta' alarm ta' wieħed mill-ħwienet tax-xogħol f'din it-triq, ma ħaditx il-passi meħtieġa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-daqq ta’ alarm fi Triq in-Nassab li probabbli qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant ġie nvestigat mill-Pulizija nhar it-2 ta’ Novembru 2011. Dan l-alarm kien ta’ garaxx li hu f’kumpless ta’ garaxxijiet bi drive-in u li hu magħluq b’kancell imsakkar u fil-ħinijiet ta’ matul il-lejl ma jkun hemm ħadd fih. Kien għalhekk li l-Pulizija ma setgħetx tidħol mill-ewwel. Madanakollu l-Pulizija għamlet l-istħarriġ tagħha u s-sid tal-alarm inkwistjoni ġie mswissi skont il-liġi u sabiex minnufih jagħmel it-tiswijiet neċessarji fuq dan l-alarm.
Leg 11 PQ #28367 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — każijiet ta' priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi, anke b'kordinazzjoni mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, biex tiġi solvuta problema attwali li l-każijiet kontra priġunier, minflok ma jsiru flimkien jew almenu fi żmien qasir, isiru fuq medda ta' snin bil-konsegwenza li l-priġunier ma jkollux wisq inċentiv li jirriforma ruħhu għaliex jaf li wara ftit snin, se jkollu każ ieħor u se jerġa' jispiċċa l-ħabs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fih provediment għal eliġibilita' bikrija għal parole għal persuni riformati. L-Artiklu 12 jgħid illi kull meta persuna, li tkun diġa' skontat kundanna ta' priġunerija u ġiet mogħtija l-parole jew tnaqqis mis-sentenza skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, tiġi kkundannata għal reat ieħor li tkun wettqet qabel ma bdiet tiskonta l-kundanna ta' priġunerija preċedenti, u tiġi ċċertifikata li fil-preżent ma tkunx taħt il-vizzju tad-droga, dik il-persuna għandha minnufih tiġi kkunsidrata għall-parole kif tibda tiskonta t-tieni kundanna ta' priġunerija sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor mill-Qorti fis-sentenza tagħha. L-Artiklu jkompli; iżda l-Bord tal-Parole għandu jqis xieraq li jimponi, il-kundizzjoni li jwettaq xogħol ta' servizz fil-komunità u d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Probation għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Leg 11 PQ #28368 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qrati — sentenzi konsisteni

Question

Minħabba li l-Qrati mhux qed jagħtu sentenzi konsisteni u l-istess, jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li wasal iż-żmien li terġa' tinbidel il-liġi u fil-każijiet fejn hemm sentenza ta' ħabs mandatorja, ikun f'idejn il-Maġistrat jew l-Imħallef jekk jibgħatx il-ħabs jew le? Jifhem li bħalissa jekk xi ħadd jikkometti reat meta, per eżempju, għandu 20 sena u l-każ tiegħu jinstema' xi sitt snin wara, jekk hemm sentenza ta' ħabs mandatorja, din tħarbatlu ħajtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Iċ-ċertezza tad-dritt u ż-żamma tal-konsistenza fis-sentenzi tal-Qrati hija d-dmir tal-Ġudikatura u hija wkoll obbligu tal-Istat taħt il-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Gvern pero' ma għandu ebda mansjoni kostituzzjonali li tentitolah jindaħal fis-sentenzi tal-Qrati peress illi l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri jirrappreżenta interess superjuri tad-demokrazija. Fi ħdan is-sistema Ġudizzjarja l-Qrati fi grad ta’ appell huma forsi f’posizzjoni aħjar biex jassikuraw il-konsistenza tas-sentenzi. Il-pieni ta’ ħabs mandatorji mill-banda l-oħra joriġinaw mil-liġi li jagħmel dan il-Parlament fit-twettiq tal-funzjonijiet Kostituzzjonali tiegħu. Meta l-leġislatur jimponi piena ta’ ħabs mandatorja wara li din tkun ġiet diskussa fil-Kamra f’diversi stadji, wieħed għandu jifhem li din tkun ġiet imposta biex tirrispondi għal bżonn soċjali serju u li tkun bażata fuq raġunijiet sodi li jiddettaw li l-klemenza li l-Qrati ta’ spiss jużaw biex jimlew il-lakuni fil-liġi ma taqbiżx ċertu limitu. Il-problema sollevata mill-Onoveroli Membru fl-aħħar sentenza tad-domanda tiegħu hija essenzjalment il-problema tad-dewmien fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja għad illi meta ma jkunx hemm piena ta’ ħabs mandatorju l-Qrati jistgħu ma jibagħtux persuna ħatja l-ħabs minħabba li jkunu kkunsidraw x’għamel b’ħajtu mindu kkommetta r-reat meta hemm il-ħabs mandatorju dan ma jistax isir. Pero' jekk il-ħabs mandatorju jkun impost minħabba l-ħsara soċjali u l-ħsara lill-vittmi li jagħmel ir-reat dik il-piena xorta tibqa' ġustifikata mill-gravita’ tar-reat u l-problema jibqa' t-tul taż-żmien biex tittieħed d-deċiżjoni. Kif jaf l-Onorevoli Membru, dan il-gvern, matul is-snin kontinwament introduċa miżuri biex inaqqas id-dewmien fil-Qrati però, speċjalment meta jkun l-akkużat stess li jġib dak id-dewmien, din mhix problema faċli.
Leg 11 PQ #28369 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Priġunieri - xiri ta' affarijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-affarijiet li jistgħu jixtru l-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin bħal card biex iċemplu jew ilma jiswew ħafna iżjed minn kemm jinxtraw barra l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid kemm hemm qligħ mill-flus miġbura mill-bejgħ ta' dawn il-prodotti lill-priġunieri? Jista' jgħid x'qed isir b'dawn il-flus?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-prezzijiet tal-affarijiet mixtrija mill-priġunieri mit-Thrift Shop huma l-istess bħal ta’ kull ħanut tal-merċa ieħor f’Malta. Wieħed japprezza li l-prezz ikun xi ftit ogħla milli kieku l-oġġett jinxtara minn-Supermarket, fejn l-iskala ta’ xiri bil-kwantita' tippermetti prezzijiet ftit orħos milli wieħed isib fi ħwienet iżgħar. Infurmat ukoll li skont l-aħħar audit li sar f’ Diċembru li għadda, il-qligħ kien ta € 4,339, liema ammont jintuza biex jinxtara apparat għall-isport u materjal edukattiv għal benefiċċju ta’ dawk il-priġunieri li ma għandhomx mezzi.
Leg 11 PQ #28370 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — legal aid

Question

Jista' l-Ministru jivverifika rapporti li avukati tal-legal aid li suppost jagħtu s-servizz tagħhom bla ħlas lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin xorta qed jitolbuhom flus?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull meta priġunier ikollu bżonn is-servizz ta’ avukat tal-għajnuna legali, l-uffiċċju legali fil-Qorti jiġi infurmat. Isir l-appuntament u l-priġunier jiltaqgħa mal-avukat li lilu jkun assenjat. Meta l-laqgħa ssir fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, għalkemm tali laqgħa tkun qegħda tiġi moniterjata viżwalment, din issir fil-privat bejn l-avukat u r-resident peress li l-Uffiċjali Korrettivi li jkunu qed jeskortaw lir-resident, ma jkunux preżenti fil-kamra. Inżid illi is-sub artikolu (6) tal Artiklu 570 tal-Kodici Kriminali (Kap 9) jipprovdi li l-avukat għal Għajnuna Legali li jinħatar mill-Qorti f’dawn iċ-ċirkostanzi għandu jagħti s-servizz tiegħu mingħajr ebda ħlas.
Leg 11 PQ #28371 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — xogħol komunitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna persuni bħalissa li ntbagħtu jagħmlu xogħol komunitarju minflok jinżammu l-ħin kollu magħluqa fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tmien priġunieri li qed jagħmlu xogħol fil-komunità.
Leg 11 PQ #28372 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li qed jiswa kuljum lill-pajjiż kull priġunier li jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi skont l-aħħar statistika miġbura, huwa stmat li priġunier jiswa madwar €50 kuljum.
Leg 11 PQ #29204 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — persuni b'diżabilità impjegati fis-settur u fis-servizz pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b'diżabilità f'kull skala fis-settur u s-servizz pubbliku impjegati fid-dipartimenti, uffiċċji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 5 impjegati li għandhom diżabilità, 3 huma impjegati fid-Diviżjoni Qrati tal-Ġustizzja (Malta) li huma fl-iskala ta' 9,10 u 16 rispettivament, 1 fil-Korp tal-Pulizija fi skala 12 u ieħor fis-Segretarjat Permanenti fi skala 18.
Leg 11 PQ #29231 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vetturi mad-dipartiment u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid għal kull vettura skont in-numru, x'inhu l-użu tagħha u min jużaha?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru hemm 509 vettura kif spjegat fit-tabella t'hawn taħt:- Infurmat ukoll li dawn huma jintużaw skont il-ħtiġijiet operazzjonali ta' kull dipartiment minn uffiċjali awtorizzati skont il-proċeduri stabbiliti f'kull każ.
Leg 11 PQ #29235 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

liġi dwar id-drittijiet tat-tfal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28402 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid f’liema stajdu wasal il-proċess biex il-liġi tagħna tiġi konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tat-tfal u x’liġijiet u amendi beħsiebu jressaq il-gvern sal-aħħar ta’ din is-sena biex jiġu indirizzati l-akuni legali li għandna fil-liġi tagħna?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ħejja rapport dettaljat dwar il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dwar l-implimentazzjoni tad-dispozizzjonijiet ta' dik il-konvenzjoni fil-Liġi Maltija. Qiegħed isir l-aħħar revizjoni ta' dan ir-rapport fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u wara dan għandu jingħadda lill-Kummissarju tat-Tfal.

Qorti — legal aid - servizz ta' social worker

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif persuni li jkunu eliġibbli għal-Legal Aid, qed ikunu mġegħla jħallsu għal servizzi ta' social worker li jiġu mqabbda mill-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

B’referenza għal-mistoqsija tal-Onororevli Membru ninsab infurmat li meta jkun hemm parti bl-għajnuna legali normalment ma jitqabbadx social worker iżda jekk ikun hemm xi ċirkustanzi partikolari fejn dan jitqabbad u dan bil-kunsens tal-partijiet, allura tħallas il-parti li ma tkunx bl-ghajnuna legali. Jista’ jkun il-każ ukoll li l-Qorti tirreferi l-parti li tkun bl-għajnuna legali għand l-Aġenzija Appoġġ li joffru dan is-servizz mingħajr ħlas.
Leg 11 PQ #29699 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — Memorandum - taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra bil-kontenut tal-Memorandum iffirmat mill-Korp tal-Pulizija mal-Università ta' Malta f'Jannar ta' din is-sena u kemm ibbenefikaw membri tal-Korp tal-Pulizija minn dan il-Memorandum bħala taħriġ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Memorandum iffirmat mill-Korp tal-Pulizija mal-Università ta’ Malta f’Jannar ta’ din is-sena jkopri fost affarijiet oħra, it-titjib fit-taħriġ u l-prattika tal-membri tal-Korp fejn tidħol ir-riċerka u skambju ta' informazzjoni. Dan il-Memorandum, jinkludi wkoll titjib fil-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet fejn jidħlu implimentazzjonijiet u żviluppi ta’ programmi akkademiċi tal-Pulizija. Il-ftehim jintroduċi wkoll kors li jwassal għal Baċellerat bl-Unuri fix-Xogħol tal-Pulizija. Infurmat ukoll illi fil-preżent hemm 29 Spettur tal-Pulizija li qed jattendu dan il-kors fuq bazi part time.
Leg 11 PQ #29700 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Overtime tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jispjega x'inhi r-raġuni għaliex pulizija minn diversi sezzjonijiet, fosthom dawk tal-Banda tal-Pulizija, ilhom ma jiħallsu tal-overtime sa minn Marzu 2011?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħala regola u minħabba l-proċedura involuta, l-ħlas tal-overtime lill-memberti tal-Korp tal-Pulizija jsir xahrejn b’lura. Għar-rigward tal-overtime li nħadem b’konnessjoni mal-banda tal-Korp, kien hemm xi dewmien, peress li għal xi żmien l-Uffiċċjal inkarigat mill-banda kien indispost. Infurmat ukoll, iżda, illi dan issa ġie proċessat u se jitħallas mal-paga ta’ Diċembru ta' din is-sena.
Leg 11 PQ #29701 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — policy għall-istudju

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x'inhi l-policy addatata fil-Korp tal-Pulizija, sabiex membri tal-Korp ikunu jistgħu jkomplu jistudjaw, sew fl-akkademja tal-Pulizija, kif ukoll f'istutzzjonijiet oħra?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħala policy, il-membri tal-Korp tal-Pulizija, minn Maġġur l-isfel, jattendu għal taħriġ fl-Akkademja tal-Pulizija darbtejn fix-xahar bħala parti mill-ħin tax-xogħol. Fl-Akkaddemja jingħataw tagħlim dwar liġijiet u suġġetti oħra relatati max-xoghol tal-Pulizija, jagħmlu taħriġ fiżiku, un-armed combat, kif ukoll taħriġ fl-użu ta' armi tan-nar u apparat ieħor. Għal dak li jirrigwardja l-Università, għandu jingħad illi l-Ispetturi tal-Pulizija maħtura bi prova, jattendu kors part-time sponsorjat mill-Korp u organizzat mill-Universita’ ta’ Malta li jwassal għal Baċellerat bl-Unuri fix-Xogħol tal-Pulizija. Apparti dan, kull membru tal-Korp li jixtieq jattendi xi kors universitarju jew f’xi istituzzjoni oħra, jista' jagħmel dan mill-ħin tiegħu sakemm dan ma jaffetwax neagattivament ix-xogħol normali tiegħu.
Leg 11 PQ #29702 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — policy dwar is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Mejda tal-Kamra jekk il-Korp tal-Pulizija għandux policy dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jekk hemmx fil-fatt uffiċjal jew uffiċjali responsabbli minn dan is-settur?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bħala policy il-Korp tal-Pulizija, dejjem jara li s-saħħa u s-sigurta' tal-membri tal-Korp tkun imħarsa, dejjem sakemm dan ikun raġonevolment possibbli tenut kont il-ħidma u doveri tal-istess Korp. Għal dan il-għan, il-Korp jipprovdi kemm taħriġ lill-membri tal-Korp kif ukoll ilbies protettiv fejn ikun meħtieġ. Fil-preżent id-doveri ta’ health and safety officer fil-Korp ġew temporanjament assenjati lis-Supretendent inkarigat mill-Kwartieri Ġenerali wara r-riżenja f'Ġunju li għadda tal-Ispettur li kien jokkupa din il-kariga.