Legislature:
Category:
Reset
Active:

Proġetti tat-toroq

Question

Fid-dawl li numru ta' snin ilu l-Gvern kien ħabbar li ser jintefqu seba’ mitt miljun Euro f'toroq, jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm saru toroq sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? b. Kemm intefqu mis-seba’ mitt miljun Euro? c. Minn dawn kemm baqa’ proġetti tat-toroq, għaddejjin? d. Meta ser jitlestew? e. Kemm ser ikunu damu għaddejjin snin biex tlestew dawn it-toroq li swew seba’ mitt miljun Euro? f. Wara din in-nefqa, x'inhuma l-baġits proġettati għat-toroq fit-tliet snin li ġejjin? g. Minn dawn kemm huma għal toroq ġodda? h. Liema huma? i. Kemm minn dawn huma għal manutenzjoni, upgrade, tiswija? j. Liema toroq huma? k. X'inhu l-proporzjon tal-proġetti tat-toroq fdati u mmexxija minn Infrastructure Malta bħalissa? l. Kemm kien qabel is-sena 2017?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Ajruplani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm hemm ajruplani reġistrati Malta mill-1 ta’ Jannar 2024? b. Kif jikkompara ma’ dak tas-sentejn ta’ qabel? c. X’qed isir biex jissaħħaħ ir-reġistru tal-ajruplani minbarra l-leġislazzjoni mgħoddija? d. Kemm qed jintefaq kull sena f’marketing f’dan is-settur? e. Kif qed isir?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2024 sal lum, kien hemm 4 ajruplani oħra ġodda reġistrati f’ Malta. Sa l-1 ta Jannar 2024 kien hemm 863 ajruplan reġistrati f’Malta. Sa l-1 ta’ Jannar 2023 kien hemm 691 ajruplan reġistrati f’ Malta, u sa l-1 ta’ Jannar 2022 kien hemm 519 ajruplan reġistrati f’Malta. Filwaqt li l-leġislazzjoni għenet u tkompli tgħin fit-tkabbir ta’ dan is-settur, wieħed ta’ min jinnota li l-akbar inċentiv (marketing) hija r-reputazzjoni li Malta tgawdi f’ dan il-qasam. Inoltre, Malta tipparteċipa fil-European Business Aviation Convention & Exhibition (EBACE) peress li huwa forum ewlieni għall-avjazzjoni industrijali. In-nefqa totali annwali hija madwar € 100,000 (mitt elf euro) liema somma tkopri attivitajiet relatati mas-settur li Malta tisponsorja u/jew parzjalment tisponsorja, kif ukoll reklamar.

E-scooters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm hemm e-scooters reġistrati mill-1 ta’ Jannar 2024? b. Kemm minn dawn huma għall-kiri u kemm huma proprjetà privata? c. X’ser jiġri mill-e-scooters meta tidħol fis-seħħ il-liġi f’Marzu li twaqqaf il-kirjiet tagħhom? d. Jekk saritx konsultazzjoni jew diskussjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt. TOTAL E-KICKSCOOTERS REGISTERED IN 2024 E-Kickscooters for Leasing 0 Private 2 Rigward ekickscooters għal kiri, wara Marzu 2024, l-operaturi ma jkunux jistgħu joffru aktar dan is-servizz. Għaldaqstant, dawn għandhom jitneħħew mit-toroq.

Inċidenti stradali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm kien hemm inċidenti stradali fis-sena 2023? b. Kemm kienu fatali? c. Kemm kienu serji? d. Kif jikkompara mas-sentejn ta’ qabel? e. Kemm kienu t-total ta’ claims ma’ insurance companies fis-sena 2023? f. Kif jikkompara mas-sentejn ta’ qabel? g. Kemm kien it-total ta’ paid out in claims fis-sena 2023? h. Kif jikkompara mas-sentejn ta’ qabel? i. Kienx hemm żidiet fl-insurance premia matul is-sena 2023?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li: a. Fis-sena 2023 kien hemm total ta’ 1451-il inċident stradali li kien jinvolvi persuni bi ġrieħi jew fatalita’. b. Fis-sena 2023 kien hemm total ta’ 13-il inċident stradali li kien jinvolvi fatalita’. c. Fis-sena 2023 kien hemm total ta’ 404-il inċident stradali li kien jinvolvi persuni bi ġrieħi gravi. d. Fis-sena 2021 kien hemm total ta’ 1313-il inċident stradali li fihom, 317 persuni sofrew ġrieħi serji u 9 kienu fatali. Fis-sena 2022 kien hemm total ta’ 1403-il inċident stradali li fihom, 357 persuni sofrew ġrieħi serji u 28 kienu fatali. Rigward domandi (e), (f), (g), (h), u (i) ta’ din il- Mistoqsija Parlamentari, din l-informazzjoni mhix disponibbli għand dan il-Ministeru u l-Awtorità għat-Trasport li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu.

L-Iklin — Triq Geronimo Abos – Sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hemmx xi ħjiel dwar meta ser tittieħed azzjoni rigward id-drenaġġ li ma jlaħħaqx mal-katusi li hemm ġewwa Triq Geronimo Abos, l-Iklin u dan għad-detriment tar-residenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ azzjoni ser tittieħed?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Żbir ta’ siġar — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif kuntrattur jintgħażel minn ieħor meta jingħata kuntratt biex jiżbor is-siġar ta' tipi differenti ġewwa t-toroq tagħna, x'inhuma l-prijoritajiet elenkati f'dan il-proċess ta' għażla u jekk humiex liċenzjati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kif inhu mistenni? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn l-istess kuntratturi humiex mitluba u mistenni minnhom li jagħżlu li japplikaw għal dawn it-tip ta' kuntratti wara li tintwera x'esperjenza għandhom f'dan ir-rigward biex b'hekk ma ssir l-ebda ħsara fuq is-siġar mimsusa?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala Aġenzija nikkonsultaw ma’ professjonisti f’dan il-qasam biex jiġi ddeterminat il-metodologija li hemm bzonn, kif ukoll nagħmlu superviżjoni waqt ix-xogħol. Is-Sejħa għall-offerti tistabbilixi rekwiżiti bħal Licensed Tree Specialist irreġistrat mal-ERA jew ekwivalenti. Bħal ma wieħed jaf, l-esperjenza fit-tendering mhux dejjem tista’ tintalab għax din hija marbuta mal-valur tal-istima, ħafna drabi dan it-tip ta’ xogħol ma jilħaqx dan il-valur. Għalhekk meta kuntrattur jew espert ikun il-licenzjat mill-Awtorita’ kompetenti, dan jikkwalifika biex jagħmel ix-xogħol.

Żbir ta’ siġar — Kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-siġar li ser ikunu qed jiġu miżbura fil-ġranet u l-ġimgħat li ġejjin u f'liema lokalitajiet qegħdin? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-kuntratti ta' żabra u żamma tal-istess siġar ingħatawx diġà u min huma dawn il-kuntratturi li ġew magħżula u jekk kinux magħżula fuq mertu ta' esperjenza u għarfien f'dan ix-xogħol tant delikat fuq is-siġar? Jista’ wkoll jara li l-proċess trasparenti ta' evalwazzjoni fost il-kuntratturi qed isir bir-reqqa kollha biex l-ekosistemi naturali kollha flimkien mal-ħarsien u l-protezzjoni tas-siġar dejjem tkun prijorità unika meta jsir dan it-tip ta' żbir?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Żbir ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ssir żabra, x'qed isir mill-fdalijiet u jekk dawn hux qed jiġu 'shredded' jew mormija u f'dan il-każ, fejn? Jista’ jgħid ukoll jekk il-postijiet minn fejn qed jiġu maqtugħa dawn is-siġar hux qed jiġu trattati jew le għal kwalunkwe tip ta' mard li jista’ mbagħad jinfettahom?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta jkun hemm bżonn interventi fuq siġar, dawn l-interventi dejjem isiru skont il-method statement approvat mill-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-permessi u kundizzjonijiet huma aċċessibbli pubblikament fuq is-sistema tal-awtorita responsabbli.

liċenzji ġodda tas-sewqan lir-residenti barranin f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont xahar, b'xahar ta' kemm kien hawn liċenzji ġodda tas-sewqan lil residenti barranin f'Malta u li mhux bilfors għadhom sal-lum jgħixu Malta, mill-2017 sal-lum?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-lum, 36,880 resident barrani ngħataw liċenzja tas-sewqan Maltija. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-figuri relattivi għal kull sena u xahar b’xahar.

Ħruġ ta' Y Plates

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu Y Plates matul l-aħħar tliet xhur tal-2023?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ “Y plates” għal vetturi żgħar għal ġarr ta’ passiġġieri li ġew irreġistrati fl-aħħar tlett xhur tas-sena 2023 kien kif isegwi: Xahar Ammont Ottubru 2023 232 Novembru 2023 51 Diċembru 23 36