Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tenders li permezz tagħhom inxtraw RHIBs għas-sezzjoni tal-infurzar, li nħarġu mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jipprovdi lista ta’ pagamenti li saru għal tiswijiet fuq kull RHIB fil-flotta ta’ Transport Malta, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Żejtun — Triq Alfredo Cachia Zammit – Traffic Lights
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn it-traffic lights fi Triq Alfredo Cachia Zammit, ġewwa ż-Żejtun, li hija triq traffikuża mmens, ilhom aktar minn xahar jiġu rrapurtati li mhux qed jaħdmu (minħabba inċident stradali) u xorta jibqgħu ma jitranġawx? Jista’ wkoll jagħti indikazzjoni ta' meta dawn ser jiġu rranġati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn it-traffic lights ser jiġu msewwija fil-ġranet li ģejjin.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12220 u jgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet tal-pont tal-Bidnija, u jagħti rendikont dettaljat tax-xogħlijiet li saru u dawk li hemm ippjanati li jsiru u li s’issa għadhom ma twettqux?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn din il-ġimgħa stess il-pont imsemmi ser ikun aċċessibbli għas-sewwieqa u l-proġett mistenni jkun magħluq kompletament sa nofs Novembru.
Ix-xogħlijiet li saru s’issa jinkludu, għarfien dwar is-servizzi eżistenti tat-triq u devjazzjoni tas-servizzi biex ikun jista’ jsir tkissir tal-pont u t-tħejjijiet tal-piles; tmien piles li saru fl-abutments fuq il-ġnub tal-pont biex isaħħu l-abutments eżistenti; tkissir tal-istruttura tal-pont eżistenti; tkissir tal-pilastru fin-nofs tal-pont biex jgħin għall-ftuħ tal-wied u l-passaġġ tal-ilma; travi tal-konkos (pile caps) u ħadid fuq kull naħa tal-abutments; tisħiħ mad-dawra taż-żewġ abutments permezz ta’ konkos rinfurzat u ħitan precast; tqegħid tat-travi precast li jiffurmaw is-saqaf tal-pont il-ġdid; tqegħid tas-soqfa precast biex jingħalqu l-culverts li saru minħabba l-mogħdija tas-servizzi; tisħiħ tal-retaining walls fuq il-ġnubijiet tat-triq permezz ta’ piles; travi (pile caps) tal-konkos rinfurzat fuq iż-żewġ naħat tul it-triq biex jintrabtu l-piles; bini ta’ hitan precast tul il-gnubijiet tat-triq; soqfa precast li qegħdin isiru biex tiġi ffurmata l-gallerija li ser sservi bħala bankina fuq iż-żewġ ġnubijiet tat-triq; travi precast (edge beams) li qegħdin jinħadmu li ser isiru tul it-triq kollha fejn ħa jitweħħel ir-railing tal-pont; u travi li ha jintrabtu l-crash barriers magħhom; tħejjijiet ta’ manholes fit-triq kif mitlub mill-entità tal-komunikazzjoni.
Ix-xogħlijiet li fadal jitlestew huma; jingħata l-konkoż biex jintrabtu is-soqfa tal-precast (gallerija) mal-istruttura tat-travi; formazzjoni ta’ livelli għat-triq u jingħata l-asfalt; qlugħ u installazjoni ta’ arbli tad-dawl ġodda; installazjoni ta’ dwal; tqegħid ta’ travi precast fejn ser jitwaħħal ir-railing u eventwalment it-tqegħid tar-railing f’postu, preparazzjoni ta’ travi fejn ħa jeħlu l-crash barriers u installazzjoni tal-crash barriers.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12219 u ċjoè: Fid-dawl illi reċentement bankini li kienu tal-paving fi Triq il-Kostituzzjoni, ġewwa l-Mosta, inqalgħu bħala parti mill-proġett ta’ rain water culvert, jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li dawn se jsiru tal-konkos, bil-kaġun li allura se jkun hemm telfien estetiku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tal-Mosta kien maħsub biex itejjeb l-infrastruttura u l-ambjent urban għar-residenti Mostin. Għaldaqstant, fil-fażi preċedenti fi Triq il-Kbira bankini tal-konkos li jmissu mal-pjazza, ġew inklużi bħala parti mill-pavimentar biex jikkumplimentaw u joffru tanżizzjoni bejn it-triq residenzjali u l-pjazza. Bl-istess mod, fi Triq il-Kostituzzjoni, Infrastructure Malta kompliet bil-ħidma tagħha fuq is-sistema tal-ġbir tal-ilma tax-xita u qiegħda ittejjeb il-bankini li kienu magħmula minn pavimentar żgħir tal-konkos, li llum m’għadux jiġi manifatturat. Il-bankini ġodda saru minn kurduni ġodda lixxi u b’faxxa ta’ pavimentar tal-qawwi li jkompli mal-karattru tal-pjazza, u wiċċ tal-konkos mingħajr fili, kif kienet ikkaratterizzata l-bankina l-qadima. F’livelli ta’ konsultazzjoni mal-komunità Mostija, dan id-disinn intlaqa’ tajjeb ħafna.
Malta u Għawdex — Toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T Road Network
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T f’Malta u liema huma t-toroq li jaqgħu taħt it-TEN-T f'Għawdex? Liema minn dawn it-toroq saru b'kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropeja sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f'kull każ, ta' kull triq, jgħid meta nbeda u tlesta x-xogħol, u kemm kien il-kofinanzjament ta' fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawk it-toroq li jaqgħu taħt it-TEN T u li għadhom ma sarux ġewwa Malta u Għawdex u meta hu maħsub li se jsir ix-xogħol fuq kull triq li fadal?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12686, qed nipprovdi l-informazzjoni relatata mal-lista ta’ toroq li jiffurmaw it-TEN-T road network f’ Malta u Għawdex kif ukoll lista oħra li turi l-proġetti li ġew ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea. Infrastructure Malta tagħmel diversi interventi fuq it- toroq tat-TEN-T u infatti bħalissa qed isiru xogħlijiet ġewwa Triq San’ Andrija, San Ġiljan kif ukoll preparamenti għal interventi f’inħawi oħra. Fis-snin li ġejjin ser inkomplu nintervjenu f’diversi partijiet tar-rotta in kwistjoni skont l-esiġenzi u l-pjanijiet finanzjari li ser ikunu allokati.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 11743 u 12265, li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza u lill Ministru għat-Turiżmu, rispettivament, u jgħid kemm-il rapport sar dwar vetturi u dħaħen fit-toroq f’din l-aħħar sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta rċeviet 120 rapport fuq emissjonijiet bejn Jannar u Settembru 2023.
Operaturi ta’ servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri u kiri ta’ vetturi — Liċenzji ta’ Operaturi u Vetturi reġistrati
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-Liċenzji ta’ Operaturi (skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68) u għal kull waħda jgħid kemm hemm vetturi reġistrati magħha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-pjanċi tal-vetturi li jispiċċaw bl-ittri ‘GY’ u ‘LY’ u f’kull każ jgħid ma’ liema Liċenzja ta’ Operatur (skont il-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 499.68) huma reġistrati?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom fil-pussess tagħhom Driver’s Tag valida (għall-vetturi li jispiċċaw bl-ittri ‘GY’ u ‘LY’) u jqassam l-informazzjoni skont in-nazzjonalità tal-persuna?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Vetturi bil-‘GY’ u ‘LY’ plates — Driver’s Tag maħruġa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu Drivers’ Tags (għall-vetturi li jispiċċaw bl-ittri ‘GY’ u ‘LY’) mill-2017 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Gudja — Triq iż-Żebbuġa, Triq San Mark u Triq Ġlormu Cassar - Xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsistu x-xogħlijiet li qed isiru fi Triq iż-Żebbuġa, Triq San Mark u Triq Ġlormu Cassar fil-Gudja, kemm ser jiswa l-proġett sħiħ u meta huwa ppjanat li jitlesta x-xogħol?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta fi Triq iż-Żebbuġa jinkludu tibdil tal-medda tad-drenaġġ, tibdil tal-mains tal-ilma u bini mill-gdid tal-bankini u t-triq. Ix-xogħlijiet fi Triq iż-Żebbuġa, li hija bejn Triq San Mark u Triq Ħal Resqun - huma pjanati li jitlestew sal-aħħar tas-sena 2023.
Ix-xogħlijiet ta’ Infrastructure Malta fi Triq San Mark jinkludu cables ġodda tal-Enemalta, tibdil tal-medda tad-drenaġġ, tibdil tal-mains tal-ilma u bini mill-ġdid tal-bankini u t-triq. Dawn ix-xogħlijiet huma limitati għall-parti bejn Triq iż-Żebbuġa u Triq William Baker u huma pjanati li jitlestew sa nofs Frar 2024.
Dawn ix-xogħlijiet huma stmati li jiswew madwar €550,000.
Ix-xogħlijiet fi Triq San Mark (bejn Triq iż-Żebbuġa u Triq il-Fidwa) u fi Triq Ġlormu Cassar qegħdin isiru direttament mill-Enemalta.
Transport Malta – Taħriġ tas-sewqan speċjalizzat għal persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta (TM) għamlitx xi sejħa biex instructors tas-sewqan jingħataw taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jgħallmu lil persuni b'diżabilità biex ikunu jistgħu jġibu l-liċenzja tas-sewqan? Jekk iva, jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa, kemm kien hemm instructors li fil-fatt applikaw għal dan it-taħriġ, u kemm minnhom temmew it-taħriġ?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir fi Triq Kalċidon Gatt, f'Birkirkara, min hu responsabbli mix-xogħlijiet u meta huma mistennija jitlestew? Jista' jgħid ukoll x'miżuri qed jittieħdu biex ikunu mħarsa r-residenti li joqogħdu fil-qrib u l-istudenti tal-iskola medja f'Ta' Paris?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Triq Fleur de Lys, f'Birkirkara, hux se tkun magħluqa għal perjodu ta' żmien din is-sena? Jekk iva, jista' jgħid għaliex u għal kemm-il jum?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsiiet parlamentari preċedenti 5962, 8482 u 8704, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jibdew isiru x-xogħlijiet fi Triq il-Kurvetti Paola?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fi Triq il-Kurvetti, Paola mistenni jibda s-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 11762 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm ġew approvati permessi ta’ Disabled Parking f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma rispettivament, u jgħid ukoll f’liema lokalitajiet dawn ingħataw?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li t-totali fit-tabella huma maqsuma kif isegwi:
Approvazzjoni ta' parkeġġi personalizzati - 1573 (minn dawn, 1180 ġew trasferiti minn komuni għal parkeġġi personalizzati)
Parkeġġi ġodda- 393
Parkeġġi komuni- 1319
Matul il-perjodu 2019 sal-2023 kien hemm 1712 parkeġġ ġdid.
Jista’ l-Ministru jagħti data ta’ meta ser titlesta Triq ix-Xatt, ġewwa Ta’ Xbiex u l-Imsida, peress li hemm numru ta’ perikli?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett ta’ Triq ix-Xatt Msida għadu mhux konkluż peress li ltaqa ma’ diversi problemi kemm tekniċi kif ukoll legali tant illi dwar dan il-proġett inbdew proċeduri legali fil-Qrati ta’ Malta. Għaldaqstant f’dan il-proġett hemm dewmien temporanju. Sadattant, Transport Malta flimkien ma’ Infrastructure Malta ħadet ħsieb sabiex jitneħħa l-periklu u jitnaqqas l-inkonvenjent.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ser jitneħħew l-e-scooters minn Marzu 2024? Jekk il-Ministru wasal għall-konklużjoni li mhux biss ma kienx hemm infrastruttura għalihom imma wkoll hemm diversi abbużi, jista' jgħid għalfejn se jħalli dawn l-abbużi għaddejjin għal ħames xhur oħra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kiri ta’ e-kick scooters se jkun projbit minn Marzu 2024 minħabba skadenzi ta’ liċenzji tal-operaturi.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex Transport Malta qed tirrifjuta li tpoġġi sleeping policeman jew miżuri oħra sabiex titnaqqas il-veloċità eċċessiva ta’ vetturi li qed jużaw Triq Salvu Busuttil, ġewwa San Ġwann, bħala shortcut minn Triq tal-Balal għal Triq R. Caruana Dingli?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma’ saritilha l-ebda talba biex tiġi nstallata xi ‘sleeping policeman’ fi Triq Salvu Busuttil, ġewwa San Ġwann. Madanakollu, niġbed l-attenzjoni li f’din it-triq diġà hemm ‘sleeping policeman’ li kienet installata minn Transport Malta il-fuq minn sitt snin ilu.