Legislature:
Category:
Reset
Active:

promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fid-dipatimenti tiegħu matul is-snin 2010 u 2011? Mil-liema grad għal-liema grad u kemm fadal vaganzi vojta li għad iridu jimtlew?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2010 ingħataw 127 promozzjonijiet u fis-sena 2011 ingħataw 75 promozzjonijiet. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument b’aktar informazzjoni. In-numru ta’ vaganzi pendenti ma tistax tingħata minħabba li vaganzi jinħolqu l-ħin kollu meta ħaddiema jieħdu promozzjoni jew jirriżenjaw mis-Servizz Pubbliku dawn joħolqu l-possibilità ta’ promozzjonijiet fil-gradi ta’ taħt.

rapporti ta' ħsara mill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bdiewa li fis-sena 2011 irrapurtaw ħsarat li ġarbu bil-maltemp?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-eżerċizzju li sar kien hemm 190 bidwi li rrapurtaw ħsarat li ġarbu ħtija tal-maltemp.

bdiewa — għajnuna minħabba maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm bdiewa li ħadu għajnuna minħabba l-ħsarat li ġarbu bil-maltemp fis-sena 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 37126.

Tkabbir ta' tadam għall-ipproċessar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37446 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-anzjani u l-Kura fil-Komunità u issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar min liema lokalitajiet huma l-bdiewa li qed ikabru t-tadam għal skop ta' proċessar? Kemm hu n-numru ta' bdiewa, raħal raħal skont ir-raħal li minnhom ġejjin li ikabbru t-tadam? Kif jinqasmu skont l-irħula t-tunellati ta' tadam li ġie proċessat din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument b’tabella li turi in-numri ta’ bdiewa li qed ikabru t-tadam għal skop ta' proċessar maqsuma skont il-lokalitajiet, ninfurmah li l-lokalitajiet murija huma dawk li fuqhom huma reġistrati il-bdiewa. Niġbed l-attenzjoni li ma tinġabarx informazzjoni ta’ammont ta’tadam għall-ipprocessar f’tunellati skont l-irħula imma hi klassifikata skont kull bidwi u mhux skont kull raħal. Għalhekk biex tinħareġ l-informazzjoni mitluba jkun meħtieġ proċess twil manwali u ma kienx ikun possibbli ngħati tweġiba f’din is-Seduta peress li ħafna mill-bdiewa bosta drabi ikollħom diversi għelieqi imxerdin f’iktar minn lokalità waħda.

Imdina — bini ta' ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37136 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta (inkluż section) kif ukoll tal-permessi tal-ġibjun ġdid li qiegħed jinbena fil-foss tal-Imdina fejn qabel kien hemm it-tennis courts?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Diesel biex jitħaddem l-inċineratur tal-Marsa — nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa għad-diesel biex jitħaddem l-inċineratur tal-Mrsa sena b'sena matul dawn l-aħħar ħames snin? Jista' jgħid kemm kienet in-nefqa biex jitħaddem l-inċineratur ieħor kawża ta' ħsarat li kellu l-inċineratur in kwistjoni matul l-istess perjodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Wastserv ma għamlet l-ebda nfieq ieħor fuq inċineraturi oħra barra fuq l-uniku inċineratur li hija għandha, ninfurmah li qiegħed impoġġi fuq il-mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Inċineratur tal-Marsa — spiża fuq ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għal ħsarat li riżultaw fl-inċineratur tal-Marsa din is-sena? Jista' jagħti l-istess breakdown għall-aħħar ħames snin sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Bormla — knisja ta' San Ġwann t'Għuxa - upgrading tal-inħawi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li quddiem il-knisja ta' San Ġwann t'Għuxa, Bormla eżatt ħdejn il-garaxxijiet li jiġu qrib is-sur tiġi rranġata t-triq u ikun hemm upgrading ta' dawk l-inħawi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għad m’hemmx pjanijiet definiti għal xogħol ta’ upgradinging mid-Dipartiment fi ħdan dan il-Ministeru fi-żona imsemmija. Rigward xogħlijiet ta’ toroq, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni li huwa responsabbli minn Transport Malta.

sistema ta' distribuzzjoni tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgħa kien hemm, u meta saru, bejn l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi u l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur rigward is-sistema ta' distribuzzjoni tal-gass u d-29 distrubutur konċernati? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-pariri tal-Awtorità ta' Malta ghall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur f'dan ir-rigward? Jista' jgħid jekk is-sistema eżistenti hix kompatibbli mal-liġijiet enforzati mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36634 ninfurmah li ma saru ebda laqgħat oħra partikolari rigward l-Opinjoni li għadha trid toħroġ l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur.

Wardija u Burmarrad — Wied Qannota - tħammil tal-wied

Question

Jista' l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied Qannota bejn il-Wardija u Burmarrad matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'permess relatati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Waqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 32260, tajjeb li nfakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant f’dak li diġa kont spjegajt fl-istess tweġiba li l-widien maġġuri jiġu mnaddfa kull sena biex barra li jkunu jistgħu jilqghu fihom volum akbar ta’ ilma, fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar u li d-deċiżżjoni dwar l-għażla ta’ fejn isir dan it-tindif tittieħed wara li jsiru spezzjonijiet fihom wara konsultazzjoni mal-MEPA biex tigi protetta l-ekologija u l-biodiversita’ tal-istess widien. Barra minn hekk, id-Dipartiment konċernat fl-2012 ippropona li isir tindif ta’ parti oħra minn dan il-wied u ntbagħtet notifika lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar flimkien ma sottomissjoni ta’ studju ekoloġiku kif mitlub mill-istess awtorità. Il-permess għal dan ix-xogħol għadu ma nħariġx.

Rabat — Wied tal-Fiddien - tħammil ta' wied

Question

Jista' l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'permess relatati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37415, ninfurmah li fl-ewwel parti ta’ din is-sena, intbagħtet notifika lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex isir xogħol ta’ tindif f’parti mill-Wied tal-Fiddien. Dan ix-xogħol inbeda f’Awwissu wara li ħareġ il-permess neċessarju fiż-żona fejn hemm il-Picnic Area.

Rabat u Mosta — Wied il-Qlejjgħa - tħammil ta' wied

Question

Jista' l-Ministru jinforma kemm-il darba tħammel Wied il-Qlejjgħa fil-limiti tar-Rabat u Mosta matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? X'permess relatati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kellhom dawn ix-xogħlijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37415.

xogħlijiet ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex wasal ix-xogħol ta' restawr tas-salini, tal-estensjoni ta' Kennedy Grove u tax-xogħol fil-ġnien li għandu jinbena qrib l-akwarju fil-Qawra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34391, ninfurmah li x-xogħol għaddej skont il-pjan kif spjegajt fl-stess tweġiba. Rigward ir-restawr tas-Salini, sa issa is-salini ġew imbattla mill-ilma u qegħdin jiġu imħammla. Fil-gimgħat li ġejjin ix-xogħol tar-restawr se jkun intensifikat hu mistenni li wara li sar il- 'deterioration mapping' kemm fuq il-ħitan ta’ ġewwa is-salini kif ukoll fuq il-ħitan li jħarsu fuq is-sukkursu il-kbir. Il-bini tal-pendamenti għal-'huts' tal-injam li ser jinbnew qegħdin f’fazi avvanzata u mistenni li għall-aħħar ta' din is-sena il-huts jibdew jinbdnew. Ir-restawr fuq ix-Ximenes Redoubt kwazi tlesta u issa se jibda ix-xogħol ta tlestija. Sejrin jinħargu ukoll sejħiet għal offerti fil-ġimgħat li ġejjin għall-bini ta' 'Underpass' biex jgħaqqad ix-Ximenes Redoubt li ser jservi bħala Interpretation Centre mas-Salini u sejħa oħra għax-xogħlijiet ta’ tindif u riabilitazzjoni fuq il-garrigue u salt marsh. Bħalissa wkoll għaddej il-proċess tal-applikazzjoni mal-MEPA biex jinħarġu l-permessi neċessarji għall-estensjoni tal-parti l-ġdida ta Kennedy Grove.

Imdina — bini ta' ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta (inkluż section) kif ukoll tal-permessi tal-ġibjun ġdid li qiegħed jinbena fil-foss tal-Imdina fejn qabel kien hemm it-tennis courts?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — aċċessibilità fl-uffiċini

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-diaprtiimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 22977, 28829 u 29453, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li barra xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-faċilitajiet diġa’ installati, fl-aħħar sitt xhur imbniet rampa fl-entratura principali fiċ-Ċentru ta’ Riċerka u Żvilupp ġewwa l-Għammieri biex tiżdiet aktar aċċessibilità għal persuni fuq ‘wheel chairs’. Minn naħa l-oħra, fil-Biċċerija il-Marsa, ġew installati toilets għal persuni b’dizabilita’.

Siġar li ma jistgħux jidħlu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema siġar (speċi partkulari) ġew dikjarati li ma jistgħux jidħlu f'Malta, matul l-ewwel disa xhur ta' din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-siġar li ġew iddikjarati li ma jistgħux jidħlu f'Malta matul l-ewwel disa’ xhur ta' din is-sena huma l-istess siġar li ġew iddikjarati li ma jistgħux jidħlu fl- Unjoni Ewropea liema lista kienet ippublikata fl-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004, Skeda III, Parti A. Ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri din il-lista kif publikata fl-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004.

Rapporti ta' importazzjoni ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waslulux rapporti ta' importazzjoni ta' siġar minn pajjiżi fejn setgħa kien hemm riskju ta' mard partikulari, u li kien għadu ma ġiex rekordjat f'Malta? Jekk iva x'passi ttieħdu dwar dawn is-siġar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġa kien indikat fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 37494, l-importazzjoni tas-siġar f’pajjizna ssir skont l-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004 u l-emendi. Dan l-Avviż ma jikkonċernax biss siġar imma jkopri wkoll planti u partijiet u/jew derivattivi tagħhom bħal injam u fjuri. Kull importazzjoni ta’ siġar minn pajjiżi terzi jridu jkunu notifikati minn qabel u għalhekk huwa diffiċli li jidħlu konsenji mingħajr ma dawn ikunu spezzjonati. Hemm pajjizi li fihom hemm riskju ta' mard partikulari, u għaldaqstant biex tkun tista’ issir l-importazzjoni minn dawn il-pajjizi jkun hemm bżonn ta’ dokumentazzjoni u nfomazzjoni addizzjonali skont l-Avviż Legali 97 ta’ l- 2004, Skeda IV, Parti A qabel ma dawn jidħallew jidħlu fil-pajjiż/Unjoni Ewropea.. Tajjeb li jingħad li f’dawn l-aħħar disa’ xhur kien ta’ 225 każ ta’ importazzjoni li fuqhom kollha saret ispezzjoni iżda fl-ebda każ ma rriżulta li kien hemm mard. Inżid billi ngħid li fil-każ li jinstab mard, il-konsenja jew terġa’ tintbgħat lura jew inkella tiġi distrutta fl-inċineratur.

Siġar tal-Palm — Bumunqar l-Aħmar

Question

Jista l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-problema tal-Bumunqar l-Aħmar għadhiex qed teffetwa s-siġar tal-palm li għandna f'Malta u f'Għawdex? Kemm siġar hu rrapurtati li ġew infettati matul l-aħħar disa' xhur? Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' rapporti li kien hemm fis-snin ta' qabel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-problema tal-Bumunqar l-Aħmar għadha taffettwa lis-siġar tal-palm f'Malta u f'Għawdex però x-xejra matul is-snin tindika li din naqset. Ninfurmah ukoll li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri din il-lista in- numru ta’ siġar tal-palm meqruda fl-ewwel disa’ xhur tas-sena f’dawn l-aħħar erba’ snin

distributuri tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati mad-distributuri tal-gass fejn issa daħlu kumpaniji oħrajn peress li d-29 distributor se jieħdu kumpens tal-liċenzja li ħadulhom u issa lil dawn tilfu l-monopolju u kellhom kuntratt indefinit li kien sar 1992? Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħataw kumpens jekk se jingħataw u jekk se jingħataw kemm huwa l-ħlas? X'inhuwa l-futur tad-29 distributur meta issa daħlu kumpaniji ġodda? L-Unjoni Ewropea se tagħti kumpens lill min bata minħabba s-suq ħieles? Hemm kumpaniji oħra li talbu lill-gvern li jqassum u jbiegħu ċilindi? Jekk iva, kemm kienu u x' inhi l-policy tal-gvern għal-liċenzji ġodda?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għalkemm il-Gvern iltaqa’ diversi drabi mad-distributuri tal-gass, ir-risposti għal dawn il-mistoqsijiet jiddependu fuq opinjoni li għadha trid toħrog l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur wara li kien sar ilment dwar is-sistema tal-liċenzjar tad-distribuzzjoni. L-awtorità ma taqax taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru.

Ħaddiema mħarrġa fil-ħiliet u sengħa ta' riabilitazzjoni tal-widien

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' ħaddiema li tħarrġu fil-ħiliet/sengħa ta' kif iwettqu x-xogħol ta' riabilitazzjoni tal-widien fil-gżejjer tagħna? Min kienu l-persuni responsabbli minn dan l-ippjannar mill-2004 'il quddiem? X'kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-livelli tal-ħaddiema involuti fit-twettieq ta’ xogħol ta' riabilitazzjoni tal-widien jinfirex minn dak professjonali għal dak manwali/arteġjanali, it-taħriġ ta’ fil-ħiliet/sengħa bl-istess mod jinvolvi min livelli terzjarji għal dak fuq il-post tax-xogħol. Hemm diversi organizazzjonijiet u entitajiet li fuq inizjattivi indipendenti mill-gvern offrew taħriġ relevanti u għaldaqstant dan il-Ministeru m’għandux l-informazzjoni sħiħa mitluba fuq livell nazzjonali. Minħaba l-oħra ninformah li s-sezzjoni fi ħdan dan il-Ministeru li twettaq xogħol ta’ riabilitazzjoni tal-widien tinkludi żewġ periti, ħames uffiċjali tekniċi u tmintax-il ħaddiem industrijali , u li dawn il-ħaddiema ilhom għal numru ta’ snin jaħdmu fuq xogħlijiet relatati mal-widien u li matul is-snin kisbu t-taħriġ u l-esperjenza meħtieġa (on the job trainig) biex ikunu jistgħu jwettqu dan ix-xogħol. Niġbidlu l-attenzjoni li x-xogħol kollu jsir minn din is-sezzjoni jsir kollu skont method statement li jkun maqbul mal-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar.