Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2025?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha ma tiġi miżbugħa ż-Zebra Crossing li hemm fi Triq l-Isqajjaq, f’Ħal Tarxien u jara li jiġi installat dawl relattiv għal mal-lejl?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li ż-Żebra Crossing tinżżlet fl-iskeda tax-xogħlijiet pendenti tas-sezzjoni tal-manutenzjoni. Fir-rigward tad-dawl, il-Kunsill diġà qiegħed f’komunikazzjoni mal-Enemalta biex jitwaħħal arblu tad-dawl.
Fid-dawl li ftit tal-ġranet ilu l-Gvern ħabbar l-isem tal-persuna li ser tkun id-direttur artistiku tat-tieni edizzjoni tal-Maltabiennale.art, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm kumitat tal-għażla nominat mill-aġenzija nazzjonali biex jintgħażel id-direttur artistiku ta’ din l-edizzjoni? Jekk iva, min kienu l-persuni nominati għal dan il-kumitat u jekk dawn ġewx approvati mill-bord tad-diretturi tal-aġenzija jew le? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
a. l-ittri tal-ħatra tal-membri ta’ dan il-kumitat, inkluż dik taċ-chairperson kif ukoll ir-remunerazzjoni mogħtija, jekk dan kien il-każ;
b. il-minuti tal-laqgħa jew laqgħat li ġew imsejħa biex jintgħażel id-direttur artistiku; u
ċ. il-kuntratt inkluż il-ħlas miftiehem mad-direttur artistiku magħżul flimkien mal-approvazzjoni tal-bord tad-diretturi għal din il-ħatra, jekk dan hu l-każ?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ħatra tad-direttur artistiku tal-maltabiennale.art 2026 Rosa Martinez, li hija kurattriċi rinomata internazzjonalment intagħżlet wara sejħa internazzjonali. Hija ġiet magħżula minn fost iktar minn 30 applikant mit-team eżekuttiv tal-biennale kif approvat mill-Bord tad-Diretturi ta' Heritage Malta. It-team eżekuttiv huwa magħmul minn Mario Cutajar, Noel Zammit, Kenneth Gambin, Russell Muscat, Albert Marshall u Mary Ann Cauchi bl-involviment konsultattiv ta' Toni Attard u Sarah-Lee Zammit.
Ninsab infurmat li l-ebda membru tat-team eżekuttiv ma jitħallas għax-xogħol li jitwettaq għall-biennale.
Ninforma lill-Onor Interpellanta li mhux etiku li minuti jew kuntratti jiġu ppubblikati għar-raġunijiet li ġew spjegati f'din il-Kamra kemm-il darba qabel.
Fid-dawl li f’Awwissu tal-2019 il-Mużew Nazzjonali tal-Arti (MUŻA), kien ingħalaq għall-pubbliku minħabba l-preżenza ta’ moffa rrapurtata fuq il-kwadri tal-kollezzjoni nazzjonali u peress li minn dak in-nhar sa żminijiet reċenti wieħed seta’ jinnota dehumidifiers imferrxin mal-Mużew minbarra ħsarat oħra evidenti fil-binja fejn baqgħet tidher żebgħa mqaxxra sforz l-ilmijiet li daħlu fil-binja, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport intern imħejji minn esperti fil-konservazzjoni u d-dijanjostika ta’ Heritage Malta dwar dan il-każ? Jista’ jgħid ukoll x’azzjoni ttieħdet b’rispons għar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport intern inkluż jekk ittieħdetx azzjoni legali biex tinġarr ir-responsabbiltà għall-ħsara li setgħet saret?
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tas-CEO tad-Dar tal-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll kemm hu s-salarju tiegħu u x'inhuma l-perkaċċi u kemm jammontaw f'termini ta’ flus fis-sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob l-Onor. Interpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Nefqa fuq reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali – Chief Executive Officers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma ċ-Chief Executive Officers tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista’ jgħid ukoll:
(a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom?
(b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(ċ) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
(e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,?
(f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-Chief Executive Officers?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kif mgħoddija lili.
Sannat — Triq it-28 ta' April 1688 - Globi tad-dawl
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji u jsiru t-tiswijiet meħtieġa fuq il-globi tad-dawl li hemm fi Triq it-28 ta' April 1688 f’Sannat, biex ikunu mixgħula kollha kemm huma, peress li għal dawn l-aħħar xhur kien hemm ħafna minnhom ma jixgħelux?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Sannat li se jsir xogħol ta’ rinnovazzjoni tal-belvedere u l-fanali se jinbidlu kollha.
Ħal Qormi — Outdoor Sports and Fitness Park - Xogħol ta' manutenzjoni u tiswijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta sar xogħol ta' manutenzjoni u tiswijiet fl-Outdoor Sports and Fitness Park f’Ħal Qormi matul is-sena 2024 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar, u x’tip ta’ xogħol sar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi li f’Settembru 2024 sar tindif u tneħħa t-tagħmir kollu, kif ukoll il-madum, fl-imsemmi Fitness Park bħala preparazzjoni għall-proġett ta’ pavimentar ġdid li jibda minnufih malli jkunu finalizzati l-pjanti mill-Perit tal-Proġett.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn hu mistenni li jitwaħħlu bus shelters ġodda madwar Malta u Għawdex, matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li tali bus shelters jiġu mqiegħda f’posthom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għan-nom tal-Kunsilli Lokali rispettivi li diġà identifikat l-ewwel ħamsin post fejn ser ikunu installati bus shelters ġodda.
Infurmat ukoll li bbażati fuq statistika ta’ kemm jintużaw, l-Assoċjazzjoni qed taħdem flimkien mal-Kunsilli Lokali rispettivi biex jissottomettu l-applikazzjonijiet meħtieġa.
Infurmat ukoll li hu mistenni li jiġu installati l-bus shelters fil-postijiet kollha li jirċievu permess sal-aħħar ta’din is-sena. L-istess proċess se jkompli għall-ħamsin sit li jmiss fejn ukoll trid tiġi sottomessa l-applikazzjoni għalihom matul din is-sena.
Ġaladarba l-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) qiegħda tiġġenera fondi minn attivitajiet li ttella’ minn żmien għal żmien li wħud minnhom huma speċifikament maħsuba biex jiġġeneraw il-fondi (fund raising events), jista’ l-Ministru jipprovdi l-audited accounts tal-MICAS ta’ dawn l-aħħar ħames snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-audited accounts tal-MICAS għas-snin 2021, 2022 u 2023. Nixtieq niġbed l-attenzjoni li sas-sena 2020 il-finanzi tal-MICAS kienu jieħdu ħsiebhom l-Arts Council Malta u qatt ma kien hemm separate audited accounts. Kif jiġu konklużi l-audited accounts tas-sena 2024 ikun hemm l-informazzjoni finanzjarja marbuta ma' dik is-sena wkoll.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS) għandhiex kontijiet bankarji miftuħin ma’ banek lokali jew banek oħra u f’isem min qegħdin dawn il-kontijiet? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-iskop ta’ dawn il-kontijiet bankarji u jekk id-dħul minn attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi (fund raising events) jiġix iddepożitat fihom jew jekk jgħaddix fil-fond ċentrali tal-gvern?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-MICAS għanda żewġ (2) kontijiet bankarji miftuħin ġol-Bank of Valletta u qegħdin f’isem il-Malta International Contemporary Art Space. L-iskop ta’ dawn il-kontijiet huwa biex jiġu depożitati l-government tranches, dħul iehor mil-ħanut, dħul mit-ticket sales u kiri tal-MICAS u biex jitħallsu l-pagi tal-impjegati u spejjeż oħrajn tal-operat tal-MICAS. Id-dħul min attivitajiet ta’ fund raising jiġu depożitati f’dawn il-kontijiet imsemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex infurmat bir-rapporti ta’ theddid li diversi parteċipanti fil-Karnival tax-xahar li għadda rċevew minn uffiċjal għoli fl-entità Festivals Malta? Jekk iva, x’azzjoni ser tittieħed fil-konfront ta’dan l-uffiċjal pubbliku?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26439, jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandhiex dokument ta’ strateġija (li qiegħda jew li kienet qiegħda topera bih, fil-verżjoni approvata mill-bord tad-diretturi)? Jekk iva, jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26440 dwar id-dokumenti ta’ strateġija tal-Malta International Contemporary Arts Space (MICAS), fejn mat-tweġiba ngħataw il-Policy Guidelines u mhux l-istrateġija nnifisha, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument tal-istrateġija ta’ din l-istituzzjoni kif approvata mill-bord tat-tmexxija u li jipprovdi sintesi tad-direzzjoni futura ta’ din l-istituzzjoni u ta’ kif din ser tintlaħaq?
Żewġ eżempji ta’ dokument ta’ strateġija qed jingħataw separatament.
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lil Onor Interpellanta li diġa ġew ppreżentati l-linji gwida dwar il-programm artistiku u l-akkwisti, li flimkien jiffurmaw l-istrateġija preżenti tal-MICAS għal dawn l-ewwel sentejn ta' ħidma fil-mistoqsija parlamentari 26440. Kif kien diġa spjegat, MICAS diġa fasslet programm artistiku li jifforma strateġija mirquma dwar l-għażla tal-artisti li se jintwerew sal-2026.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm viżitaturi fil-Palazz tal-Inkwiżitur il-Birgu matul l-2024? X’kien id-dħul miż-żjarat fil-Palazz u kemm kien id-dħul mill-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2024 żaru l-Palazz tal-Inkwiżitur 52,816 viżitatur. Id-dħul miż-żjarat ammonta għal €198,458.11, filwaqt li d-dħul mill-bejgħ ta’ pubblikazzjonijiet kien ta’ €6,178.67.