Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex il-kamra tan-nar li kienet qabel magħrufa bl-isem ta' St Helena fil-limiti tal-Iklin (biswit il-kamra tan-nar San Gabriel) u li kienet proprjetà tal-Kolleġġjata ta' Sant' Elena ta' Birkirkara ngħatat lill-Iklin Scout Group meta din qiegħda madwar ħamsin metru biss 'il bogħod mill-kamra tan-nar ta' San Gabriel ta' Ħal Balzan?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi s-sit u strutturi li kienu magħrufa bħala Porzjon 1 “Tal-Qasbi” fil-limiti tal-Iklin u li jinkludu struttura li qabel kienet tintuża bħala kamra tan-nar ingħataw lill-Grupp tal-Iscouts tal-Iklin b’kirja għal ħmistax-il sena b’effett mit-23 ta’ Lulju 2012. Il-Ftehim tal-Kirja sar wara li fis-seduta tal-Parlament tad-9 ta’ Lulju 2012 kienet approvata unanimament ir-riżoluzzjoni dwar trasferiment ta’ proprjetà lil tlettax-il klabb u assoċjazzjoni li wieħed minnhom kien il-Grupp tal-Iscouts tal-Iklin.
Jista' l-Ministru jara fejn wasal l-ilment tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li għamel mal-perit tad-Direttorat tal-Artijiet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li dwar l-ilment ta’ ħsarat li għamel l-individwu li d-dettalji tiegħu intbagħtu separatament, il-perit tad-Dipartiment spezzjona l-fond in kwistjoni u kopja tar-rapport ta’ ħsarat intbagħat lill-Awtorità tad-Djar fis-6 ta’ Settembru 2012, għal kull azzjoni li teħtieġ tittieħed dwar il-ħsarat f’dan il-post residenzjali.
Jista' l-Ministru jara li jitmexxa l-każ li jinsab f'idejn id-Dipartiment tal-Artijiet fejn il-perit bagħat ir-rapport?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m’ għandu l-ebda rapport mibgħut min xi perit għan-nom tal-persuni li d-dettalji tagħhom intbagħtu separatament, u anqas ma jirriżulta li dawn il-persuni għandhom xi każ pendenti mad-Dipartiment. Għaldaqstant, ikun iktar għaqli jekk il-persuni in kwistjoni jagħmlu kuntatt dirett mal-uffiċċju tal-Customer Care tad-Dipartiment u jagħtu dettalji dwar il-każ tagħhom.
Proprjetajiet taħt il-Joint Office u Lands Department b'ċens temporanju
Question
Jista' l-Ministru jgħid:
a) fil-perjodu bejn 2007-2011 kemm kien l-ammont ta' proprjetajiet li jaqgħu taħt il-Joint Office u taħt il-Lands Department, rispettivament, li la huma residenzi privati u lanqas villeġjaturi, li kellhom ċens temporanju li kien se jiskadi fil-futur, u li ġie mifdi mis-sidien sena b'sena mill-Joint Office u mill-Lands Department separatament; u
b) x'kienu l-ammonti globali li nġabru mill-Joint Office u mil-Lands Department f'dan ir-rigward, separatament, fuq bażi annwali?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu bejn 2007-2011, id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern daħħal is-somma globali ta’ €6,837,751.33 minn fidi ta’ ċnus temporanji ta’ 60 proprjetà li la huma residenzi ordinarji u lanqas villeġjatura.
Din is-somma globali kienet magħmula minn dħul ta’
€4,436,666
minn fidi ta’ ċnus temporanji ta’ 46
proprjetà amministrati mill-Uffiċċju Konġunt u dħul ta’
€2,401,085.33
minn fidi ta’ ċnus temporanji ta’ 14-il
proprjetà amministrati mid-Dipartiment tal-Artijiet.
Id-dħul sena b’sena huwa kif elenkat fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma self-employed u li qed jaħdmu fil-Ministeru jew fid-dipartiment jew f'xi entità oħra li taqa' taħt ir-responsabilità politika tiegħu? X’inhu x-xogħol li dawn il-persuni qed jagħmlu?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32818.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — allowances mħallsa lill-Impjegati
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32872 u jgħid kemm tħallsu subsistence allowances, overseas service allowance, multiple allowances, allowance for wear and tear of clothing, qualification allowances u shift allowances f'din l-aħħar sena lill-impjegati fil-Ministeru jew dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-dekasteru tiegħu?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32872.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 33657, apparti dawk id-deċiżjonijiet li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra li jikkonċernaw biss deċiżjonijiet meħuda taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta' Konċentrazzjonijiet, jista' l-Ministru jpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra kopja, anke mhux kunfidenzjali, tad-deċiżjonijiet meħuda u rapporti mressqa quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust wara li jkunu ġew mressqa ilmenti dwar xi allegat ksur ta' Artikolu 5 jew Artikolu 9, jew it-tnejn, tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, li milli nifhem skont it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari riferuta aktar kmieni fil-każ ta' dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni kienu sitt deċiżjonijiet u kien hemm żewġ rapporti li ġew eżebiti quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust filwaqt fil-każ tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur kien hemm ħames deċiżjonijiet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-mistoqsija Parlamentari 33657 kienet dwar kemm ħa deċiżjonijiet l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kemm meta kien jifforma parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u kemm wara li sar jifforma parti mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur. Għaldaqstant fl-istatistika għar-risposta li ingħatat ġew inklużi d-deċiżjonijiet li ttieħdu taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta’ Konċentrazzjonijiet billi dawn ukoll huma deċiżjonijiet tal-Uffiċċju. B’referenza għall-mistoqsija Parlamentari nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellant illi meta l-Uffiċċju kien parti mid-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni hu kien ħa tliet deċiżjonijiet taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni li kopja tagħhom qiegħda tiġi mqiegħda fuq il-mejda tal-kamra. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapporti preżentati quddiem il-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust, li l-proċeduri tagħha kienu in camera, ma jikkostitwux deċiżjoni finali tal-Uffiċċju u għaldaqstant mhumiex soġġetti għall-pubblikazzjoni taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni qabel ġie emendat bl-Att VI tal-2011.
Fil-każ tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, id-deċiżjonijiet li ittieħdu s’issa kienu taħt ir-Regolamenti dwar il-Kontroll ta` Konċentrazzjonijiet. Taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni inħareġ rapport preliminarju dwar is-suq tal-uniformijiet li minn dakinhar li ingħatat ir-risposta għall-mistoqsija Parlamentari 33657 issa ġie segwit b’rapport finali dettaljat li qiegħed ukoll jiħi mqiegħed fuq il-mejda.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-investigazzjoni li kellha ssir minn dak li kien l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta, illum Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, mitluba mill-gvern f'Jannar tas-sena l-oħra wara li kien żdied il-prezz tal-ħalib, ġietx konkluża? Jista' jgħid x'kienet il-konklużjoni tal-Uffiċċju dwar jekk iż-żieda fil-prezzijiet kenitx ġustifikata jew le? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja mhux kunfidenzjali ta' din id-deċiżjoni?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34262.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-kundizzjoni li l-ex tabbrika Lowenbrau tintuża biss bħala birrerija ġiet imneħħija gratis permess ta' kuntratt ta' 3 ta' Diċembru 2009, mhux l-istess qiegħed issir rigward is-sit ta' ex lukanda Les Lapins f'Ta' Xbiex, kif jidher mis-sejħa għall-offerti li qegħda issir taħt avviz numru 82?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi l-Kundizzjoni li l-ex fabbrika Lowenbrau għadha tintuża biss bħala birrerija ma ġietx imneħħija gratis. Iċ-ċens tal-art fejn kien hemm il-fabbrika tal-Lowenbrau kien ċens perpetwu mhux riveddibli u skont is-Sezzjoni 1501 tal-Kodiċi Ċivili tal-Liġijiet ta’ Malta, ċens perpetwu mhux riveddibli jista’ jinfeda meta ikun irid iċ-ċenswalista kif fil-fatt ġara fi 3 ta’ Diċembru 2009.
Peress li ċ-ċens ingħata biss bħala fabbrika għall-produzzjoni ta’ xorb u minkejja li l-kumpanija kellha d-dritt kollu li tifdi ċ-ċens kif għamlet, id-Dipartiment tal-Artijiet ħass li ma kienx ġust li l-kundizzjonijiet taċ-ċens kellhom jaqgħu mal-fidi taċ-ċens. Għalhekk permezz ta’ kuntratt tal-5 ta’ Ġunju 2012 ġie emendat il-kuntratt tat-3 ta’ Diċembru 2009 billi kif jipprovdi l-Att dwar it-Trasferiment ta’ Art tal-Gvern (Kapitolu 268) tal-Liġijiet ta’ Malta, il-prezz tal-bejgħ tal-kundizzjonijiet ġie impartat ma’ kumpens dovut lis-sidien, għal art li kienet qiegħda tiġi akkwistata taħt l-Ordinanza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kapitolu 88) tal-Liġijiet ta’ Malta. Kopja ta’ dan il-kuntratt qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward iċ-ċens ta’ l-ex lukanda Les Lapins f’Ta’ Xbiex, iċ-ċens huwa wieħed temporanju għal perjodu ta’ 99 sena u għaldaqstant, qatt ma jista’ jinfeda.
Peress li l-kuntratt għandu klawsola speċifika li parti mill-art trid tiġi żviluppata bħala lukanda, u peress li skont il-Kapitolu 268 li jirregola t-trasferiment ta’ art tal-Gvern kwalunkwe modifika f’kuntratt tfisser trasferiment ta’ art daqs li kieku d-Dipartiment tal-Artijiet qiegħed jiddisponi minn art mill-ġdid, il-modifika ta’ din il-kundizzjoni setgħet issir jew b’permezz ta’ sejħa għall-offerti jew permezz ta’ Riżoluzzjoni tal-Parlament. Din il-modifika saret permezz ta’ sejħa għall-offerti fejn l-istess ċenswalista kien l-uniku offerent.
Jista' l-Ministru jgħid kif u għaliex il-kamra tan-nar li kienet qabel magħrufa bl-isem ta' St Helena fil-limiti tal-Iklin (biswit il-kamra tan-nar San Gabriel) u li kienet proprjetàtal-Kolleġġjata ta' Sant' Elena ta' Birkirkara ngħatat lill-Iklin Scout Group meta din qiegħda madwar ħamsin metru biss 'il bogħod mill-kamra tan-nar ta' San Gabriel ta' Ħal Balzan?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal il-Gvern mill-camping site ta' Baħar iċ-Ċagħaq sena b'sena għal dawn l-aħħar erba' snin?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar erba’ snin id-dħul tal-Gvern mill-camping site ta’ Baħar iċ-Ċagħaq huwa kif ġej:-
2009 € 40,000
2010 € 50,000
2011 € 48,950
2012 € 49,800 (sas-26 ta’ Settembru)
Total
€ 188,750
Jista' l-Ministru jgħid x'prijorità tingħata lil kollezzjonisti li jkunu jixtiequ post loġistiku żgħir fejn ikunu jistgħu jesponu dawn il-ħwejjeġ b'mod permanenti f'forma ta' mużew? Kemm ġiet mikrija proprjetà pubblika għal dan il-għan matul din is-sena?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi talbiet minn kollezzjonisti li jkunu jixtiequ post fejn ikunu jistgħu jesponu l-kollezzjoni tagħhom b'mod permanenti jingħataw l-attenzjoni meħtieġa bħal kull talba oħra li jirċievi d-Dipartiment.
Bħalma jsir f’każijiet oħra sabiex id-Dipartiment tal-Artijiet ikun jista’ jipproċessa talbiet bħal dawn, l-Għaqda jew l-Għaqdiet kollezzjonisti huma mitluba li jippruvaw jindikaw lid-Dipartiment, proprjeta’ li hija adekwata għalihom.
L-unika għaqda tal-Kollezzjonisti li ġiet mikrija proprjeta’ tal-Gvern kienet l-AMACS. Din ġiet mogħtija alternattiva għall-proprjeta’ li kellhom qabel ġo Tigne u li kienet ġiet imwaqqa’ minħabba l-proġett tal-MIDI.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, hijiex tal-gvern jew le? Jekk hija proprjetà tal-gvern, hemm xi opportunità li l-art tingħata għall-kiri jew għall-bejgħ?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proprjetà li d-dettalji tagħha ngħataw separatament hija proprjetà tal-gvern li hija diġà mikrija u ix-shareholders l-ġodda li xtraw il-kumpanija, qegħdin jistennew il-permessi tal-MEPA sabiex jibdew ix-xogħlijiet neċessarji.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35221, 34979, 34225, 33489 u 32492 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jeżistix xi body-regulator li jirregola kemm importatur irid u għandu d-dritt li jagħmel profitt fuq il-prodotti li jimporta? Jista' jgħid jekk humiex l-istess regolamenti li jirregolaw lil dan il-body irrelevanti minn xi jkun qed jiġi impurtati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35582 u jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull segretarjat tal-Ministeru tiegħu li mhumiex civil servants? Xi grad għandhom? X'inhu xogħolhom?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitħallsu s-sidien tal-art li ġiet esproprijata biex twessgħet Triq 8 ta' Settembru magħrufa bħala Tan-Nigret fix-Xagħra Għawdex u l-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li mhux possibbli li tiġi identifikata l-art fi Triq it-8 ta’ Settembru magħrufa bhala tan-Nigret fix-Xagħra, Għawdex, li d-dettalji tas-sidien tagħha ngħataw separatament. Għalhekk nitlob lis-sidien sabiex jew jagħmlu kuntatt mas-sezzjoni tal-Kuntratti tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern jew inkella jibgħatu site plan ta’ l-estent ta’ l-art tagħhom lid-Dipartiment, sabiex tiġi identifikata l-art u jkunu jistgħu jingħataw l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'prijorità tingħata lil kollezzjonisti li jkunu jixtiequ post loġistiku żgħir fejn ikunu jistgħu jesponu dawn il-ħwejjeġ b'mod permanenti f'forma ta' mużew? Kemm ġiet mikrija proprjetà pubblika għal dan il-għan matul din is-sena?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.