Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34151 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Persuni taħt arrest jew jiskontaw sentenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2025 kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn erbgħa u għoxrin xahar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ persuni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li matul is-sena 2025 kienu qed jiskontaw sentenza ta’ ħabs ta’ inqas minn erbgħa u għoxrin xahar kien ta’ 397 persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm jew għadx hemm investigazzjoni mill-pulizija dwar teħid ta’ flus għall-irmiġġ tad-dgħajjes quddiem l-American University of Malta (AUM) f’Bormla minn uffiċjali ta’ Transport Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif kelli ċans ngħid diversi drabi l-politiku mhuwiex, u m’għandux ikun, parti mill-investigazzjonijiet tal-pulizija.
Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali - Membri tal-Bord
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex maħtur iċ-chairperson tat-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali? Jekk iva, jista' jgħid min huwa ċ-Chairperson il-ġdid u min huma l-membri ta' dan il-Bord?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li wara li Dr Claudio Zammit ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Maġistrat tal-Qrati Inferjuri ta’ Malta u Għawdex, ċ-Chairperson tat-Tribunal tal-Appelli għall-Protezzjoni Internazzjonali ġie effettivament maħtur. Iċ-Chairperson huwa Dr Charlton Cacscun, filwaqt li l-membri tat-Tribunal huma Dr Benjamin Valenzia, Dr Ryan Ellul u Dr Christian Camilleri.
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin - Persuni taħt arrest jew jiskontaw sentenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu effettivament il-persuni li daħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin matul is-sena 2025 jew taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ persuni rreġistrati li ddaħħlu fl-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi taħt arrest jew biex jiskontaw sentenza matul is-sena 2025 kien ta’ 1,074.
Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li din is-sena il-Ministeru implimenta d-Direttiva (UE) 2022/ 2557 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza tal-entitajiet kritiċi. Hemm żewġ direttivi oħra li mistennija li jiġu implimentati fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2026, hekk kif ġej:
1. id-Direttiva (UE) 2024/1233 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar proċedura ta’ applikazzjoni unika għal permess uniku għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex jirrisjedu u jaħdmu fit-territorju ta’ Stat Membru u dwar ġabra komuni ta’ drittijiet għal ħaddiema ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stat Membru, li għandha tkun implimentata sat-22 ta’ Mejju 2026; u,
2. id-Direttiva (UE) 2024/1346 tal- Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Mejju 2024 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni), li għandha tkun implimentata sat-12 ta’ Ġunju 2026.
L-Imsida - Żona tal-Junior College - Police Patrols
Question
Jista’ l-Ministru jara li jsiru iktar police patrols fiż-żona madwar il-Junior College sabiex tiżdied is-sigurtà għall-istudenti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi rondi tal-Pulizija fiż-żona ta’ madwar il-Junior College jsiru u ser jibqgħu isiru kemm minn uffiċjali tad-distrett bil-vetturi tagħhom, kif ukoll minn uffiċjali tat-Taqsima tal-RIU. Dan barra diversi rondi li jagħmlu il-Pulizija tal-Komunità madwar l-iskola, ħafna drabi matul il-jum u speċjalment waqt id-dħul u l-ħruġ tal-istudenti. Fl-istess ħin dawn l-uffiċjali qed isaħħu l-impenn tagħhom ma’ l-istudenti tal-kulleġġ. Dawn l-attivitajiet se jkomplu jsiru b’mod regolari.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux spezzjonijiet minn uffiċjali tal-infurzar fit-toroq speċifikament għal persuni li m’għandhomx dokumentazzjoni valida biex ikunu fil-pajjiż mis-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid kemm-il persuna nstabet li m’għandhiex il-permessi meħtieġa biex tkun fil-pajjiż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel diversi spezzjonijiet minn uffiċjali tagħha, ħafna drabi assistita minn uffiċjali ta’ aġenziji tal-infurzar oħra, f’dawn il-gżejjer. Fost dawn saru spezzjonijiet f’toroq u lokalitajiet oħra fejn kienu nvoluti uffiċjali mit-Taqsima tal-Immigrazzjoni biex jidentifikaw persuni ta’ pajjiżi terzi li jkunu f’dawn il-gżejjer bi ksur tal-liġi, u li jinkludi persuni li m’għandhomx dokumentazzjoni valida biex ikunu fil-pajjiż u li jinkludi minn jabbuża mis-schengen. Mis-sena 2025 sal-15 ta’ Frar 2026 saru tlett mija u seba’ u erbgħin (347) spezzjoni minn din it-Taqsima, li filwaqt li l-maġġoranza assoluta ta' dawk spezzjonati kienu konformi mal-liġi, ġew identifikati seba’ mija u tmienja u għoxrin (728), persuna minn pajjiżi terzi li ttieħdu proċeduri kontrihom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tneħħew persuni ta’ ċittadinanza barranija mill-pajjiż matul is-sena 2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2025 u l-31 ta’ Diċembru 2025, tneħħew 1,674 persuna ta’ ċittadinanza barranija mill-pajjiż.
Ukoll in-numru ta’ wasliet ta’ immigranti irregolari lejn pajjiżna naqas b’93% meta mqabbel mal-2019, filwaqt li s-sena l-oħra ġew ritornati l-ekwivalenti ta’ 83% tal-wasliet irregolari. Dan grazzi għal strateġiji li ħaddem dan il-gvern fl-aħħar snin fosthom it-twaqqif ta’ unit ta’ ritorn li tajtha prijorità hekk kif sirt ministru.
Ta’ min jinnota li f’Diċembru 2025, ġew ritornati 48 immigrant irregolari lejn il-pajjiż tal-oriġini tagħhom wara biss 17-il ġurnata mid-dħul irregolari tagħhom f’Malta. Din l-operazzjoni tant kienet effettiva li ġiet imfaħħra mill-Kummissjoni Ewropea bħala eżempju ta’ prattika tajba li tista’ tiġi adottata minn Stati Membri oħra.
Jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni ta’ qabdiet tad-droga li saru mill-Korp tal-Pulizija fis-sena 2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2025 ġew irreġistrati mija u tmenin (180) qabda sinifikanti ta’ droga mit-Taqsima Kontra d-Droga fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Dan l-ammont jinkludi wkoll każijiet ta’ qabdiet li ġew segwiti u investigati b’mod konġunt mid-Dipartiment tad-Dwana u l-Pulizija.
Dawn il-qabdiet ma jiġux bil-kumbinazzjoni imma permezz ta’ prattiċi ta’ intelligence-led policing fejn permezz ta’ analiżi anke bl-użu tat-teknoloġija l-Korp tal-Pulizija llum qiegħed jaddotta targeted policing. Dan filwaqt li llum il-Korp tal-Pulizija ma jieqafx biss mar-reat prinċipali imma jaraw ukoll lil min stagħna minn dawn ir-reati biex ikissru ċrieki kriminali billi qegħdin jiffukkaw ukoll fuq l-assi mhux fuq it-traffikant u l-pussess biss.
Kultura li qed iġġib ir-riżultati filfatt dawn huma l-qabdiet li saru mill-Korp tal-Pulizija fl-2025:
Kokaina: 668.09 kilogramma
Crack Cocaine: 286.6 gramma
Eroina: 989.8 gramma
Reżina tal-Kannabis: 4.33 kilogramma
Ħaxixa tal-Kannabis: 314.46 kilogramma
Pjanta tal-Kannabis: 249
XTC tablets: 1825
MDMA powder: 4.07 kilogramma
Droga sintetika: 198 gramma
Psychedelic mushrooms: 22 gramma
Amphetamine: Kilogramma
KHAT: 19.4 kilogramma
GBL: 300 millimetru
Ketamina: 111-il gramma
Pilloli MDMA: 414
Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Deċiżjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex id-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni qed jiġu mqassma mir-reception tal-istess Bord u mhux waqt seduta normali? Jista’ jgħid ukoll f’każ li d-deċiżjoni tkun negattiva, għaliex ikun hemm il-pulizija tal-Immigrazzjoni fir-reception li jieħdu d-dokument tal-ivvjaġġar f'idejhom u jitolbu lill-appellant sabiex jirraporta għand il-pulizija tal-Immigrazzjoni fi żmien stipulat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fir-rigward ta’ każijiet fejn id-deċiżjoni tkun negattiva, il-preżenza tal-Pulizija tal-Immigrazzjoni fir-reception hija intiża sabiex tiżgura l-implimentazzjoni immedjata tal-konsegwenzi legali tad-deċiżjoni, inkluż il-verifika u, fejn applikabbli, it-teħid tad-dokument tal-ivvjaġġar.
It-teħid tad-dokument tal-ivvjaġġar kif ukoll it-talba lill-appellant sabiex jirrapporta għand il-Pulizija tal-Immigrazzjoni fi żmien stipulat jifformaw parti mill-proċess ta’ monitoraġġ in segwitu tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-eżami tal-pożizzjoni legali tal-persuna, l-obbligi tagħha skont il-liġi tal-immigrazzjoni, u kwalunkwe passi ulterjuri li jistgħu jkunu meħtieġa, inkluż l-organizzazzjoni tad-deportazzjoni jew tar-ritorn volontarju skont il-każ, jew miżuri oħra kif meħtieġ.
Ninsab infurmat li d-deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni qed jiġu nnotifikati lill-appellanti permezz tar-reception tal-Bord bħala parti minn proċedura amministrattiva stabbilita, maħsuba biex tiżgura notifika aktar rapida, strutturata u effiċjenti tad-deċiżjonijiet, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn ma tkunx meħtieġa seduta formali jew fejn il-każ ikun diġà ġie ttrattat u deċiż fuq il-bażi tal-atti ppreżentati.
Ninsab infurmat li din il-modalità ta’ notifika ma taffettwax id-drittijiet proċedurali tal-appellanti u lanqas il-validità tad-deċiżjoni, peress li d-deċiżjoni tibqa’ tittieħed mill-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni skont il-liġi applikabbli u tkun debitament iffirmata mill-membri tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm inżammu seduti fis-sena 2025 u fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li s-seduti tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni jissejħu u jinżammu b’mod regolari, skont il-ħtiġijiet operattivi u n-natura tal-każijiet pendenti quddiem kull Diviżjoni.
Ninsab ukoll infurmat li numru ta’ deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta’ sottomissjonijiet bil-miktub li jkunu tressqu mill-appellant u mill-entità kkonċernata.
Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli deċiżi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm ġew deċiżi appelli fis-sena 2025 u fis-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari minn kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li mill-bidu tas-sena 2025 sat-18 ta’ Frar 2026, il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni ħareġ total ta’ 3,889 deċiżjoni ta’ appell.
Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Appelli pendenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra statistika ta’ kemm hemm appelli pendenti quddiem kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li is-sena li għaddiet, il-Gvern daħħal emendi legali biex itejjeb l-effiċjenza tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni. Ġiet istitwita diviżjoni ġdida, immexxija minn Chairperson impenjat fuq bażi full-time, u l-liġi issa tipprovdi proċedura aktar ċara u effiċjenti għas-sottomissjonijiet bil-miktub.
Mill-ħruġ ta’ dawn l-emendi f-Awwissu 2025, diġà rajna tnaqqis sostanzjali fin-numru ta’ appelli pendenti, u fejn aktar minn nofs l-appelli pendenti ġew sottomessi fl-2025 u fl-2026. Dan l-impatt inizjali juri li r-riformi qed iġibu riżultati tanġibbli u jikkonferma l-effettività tal-bidliet strutturali u proċedurali introdotti.Dan hekk ninsab infurmat li, sat-18 ta’ Frar 2026, hemm total ta’ 4,446 appell pendenti quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni, li dan jirrizulta tnaqqis fuq l-ammont ta’ 5,027 ta’ Lulju tas-sena 2025.
Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Remunerazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-remunerazzjoni finanzjarja ta’ kull persuna li tpoġġi fuq kull Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè: Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li ċ-Chairpersons u Membri tal-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni jirċievu remunerazzjoni skont kif deċiż mill-Amministrazzjoni Pubblika.
Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni - Kompożizzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif inhuma komposti l-erba’ bordijiet tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni u ċjoè, Division 1, Division 2, Division 3 u Division 4? Jista' jgħid ukoll min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta' kull Bord?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-kompożizzjoni ta’ dawn id-diviżjonijiet huma kif ippubblikati fil-gazzetta tal-Gvern, li qed npoġġi wkoll fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30196 u 31061 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni u jgħid kemm inkisru ‘protection orders’ li ħarġu favur il-vittmi tal-vjolenza domestika mill-allegati aggressuri fis-sena 2024 u minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi minn Jannar tas-sena 2024 sal-aħħar ta’ Jannar ta’ din is-sena kien hemm mija u tnejn (102) ordni ta’ protezzjoni maħruġa favur vittmi ta’ vjolenza domestika f’dawn il-gżejjer li ġew miksura u ttieħdu proċeduri fil-Qrati.