Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korsa tal-Marsa u Malta Racing Club — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid sal-lum kemm hemm impjegati full-time jaħdmu fil-kumpless tal-Korsa tal-Marsa u mal-Malta Racing Club? Kemm minnhom huma impjegati dirett magħhom u kemm minnhom huma b’self minn dipartimenti u entitajiet governattivi? X’inhu l-irwol tagħhom? Tista’ tgħid xi pjanijiet hemm għal dawn il-ħaddiema hekk kif isseħħ il-privatizzazjoni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent il-Malta Racing Club għandha tmien (8) impjegati ‘full time’. L-ebda persuna ma’ żdiedet bħala ħaddiem ‘full time’ tal-Malta Racing Club minn Marzu tal-2013 u bħalissa m’hemm l-ebda persuna b’self minn xi dipartimenti jew entitajiet oħra governattivi. Ġaladarba jiskatta dak li hemm ftehim (Concession Agreement) approvat mill-Parlament, dawn il-ħaddiema jgħaddu mal-konsorzju privat li se jkun qiegħed jopera fil-Marsa.

Awtorità Ekwestri Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma r-resources plan għall-Awtorità l-ġdida Ekwestri Malta? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Organigram u tgħid liema huma l-karigi li diġà ġew mimlija u dawk li huma battala? X’pagi u kundizzjonijiet ser ikollhom dawn il-karigi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra organigramm li tħares lejn żvilupp fuq numru ta’ snin. Sa issa ġiet mimlija l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — direct orders lil kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru telenka kull kuntratt, inkluż direct orders jew simili, mogħtija minn kull entità fi ħdanu lill-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2019 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Tista’ għal kull każ, tagħti l-ammont, data u minn min kien approvat?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda kuntratt, inkluż direct orders jew simili ma ngħataw lill-kumpanija msemmija separatament.

Korsa tal-Marsa – tapit imqatta’ fl-entratura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta t-tapit fl-entratura tal-Korsa tal-Marsa li ilu xhur imqatta’ u li minn fuqu jgħaddi kull żiemel li jrid jidħol fil-korsa ser jiġi rranġat kif xieraq? Il-Ministru hija infurmata li dan huwa ta’ periklu kbir għax faċli li żiemel iweġġa’ ma’ dan it-tapit? Min ser jinżamm responsabbli għaż-żwiemel li qed iweġġgħu minħabba negliġenza u telqa fil-korsa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministru hija infurmata li r-rampa tad-dħul li fuqha jinsab it-tapit, ser tkun qed tinbidel biex tkun aktar aċċessibli u komda għal min jagħmel użu minnha.

Korsa tal-Marsa – żwiemel imweġġgħin minħabba r-ramel

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20129 u t-tweġiba tagħha li ma hijiex infurmata li żwiemel weġġgħu fil-Korsa tal-Marsa minħabba kwalità ħażina tar-ramel, tista’ l-Ministru tgħid għadhiex tal-istess fehma llum wara żjarat mis-Segretarju Parlamentari fil-korsa u wegħda li ser jinbidel ir-ramel? Min ser jinżamm responsabbli għaż-żwiemel li qed iweġġgħu minħabba negliġenza u telqa fil-korsa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Racing Club dejjem bidlet ir-ramel skont l-eżigenzi u mhux kull meta jmur is-Segretarju Parlamentari fuq il-post.

Kummissjoni Nazzjonali għal Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità – task force dwar il-persuni b’diżabilità u l-COVID-19

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament jekk it-TaskForce dwar il-persuni b'diżabiltà u l-COVID-19 imwaqqfa fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali għal Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità għadhiex qed tiffunzjona? Jekk iva, kemm-il darba ltaqgħet din it-Task Force minn wara s-sajf 2020 sal-jum li fih titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ħidma mwettqa minn din it-Task-Force sal-jum li fih titwieġeb din id-domanda?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-Task Force dwar il-persuni b'diżabilità u l-COVID-19 imwaqqfa fi ħdan il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD) għadha qed tiffunzjona. B’kollox saru tmintax-il laqgħa, b’sebgħa minnhom saru wara Awwissu 2020 u l-aħħar waħda saret f’Marzu 2021. Minbarra li l-membri tat-Task Force jattendu l-laqgħat, is-CPRD iżżommhom infurmati u titlobhom jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom skont il-bżonn u ċ-ċirkustanzi. Il-ħidma mwettqa minn din it-Task-Force tinkludi lista ta’ azzjonijiet meħuda b’kollaborazzjoni ma’ organizzazzjonijiet oħra skont il-ħtieġa. Din il-lista qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — ħaddiema b'diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jaħdmu fil-Ministeru, jew entità li taqa’ taħtha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilita' għandha iktar minn 60% tal-impjegati li huma persuni b'diżabilita'. L-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru ma jżommux informazzjoni tal-impjegati tagħhom skont jekk għandhomx diżabilità.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — impjegati

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19271 u tgħid kemm-il persuna hija impjegata fil-Ministeru u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha f’kull skala tas-salarju provdut fil-gradi ta’ salarji għas-servizz pubbliku u tgħid kemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba PQ 19253

Investiment fis-settur tad-diżabilità – nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-investiment fis-settur tad-diżabilità mil-2013 sal-lum f’termini finanzjarji? Tistax ukoll tindika kemm hemm benefiċċjarji mis-servizzi provduti mill-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ser titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja – aċċessibilità għall-persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha humiex fiżikament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Jekk le, liema huma dawk il-postijiet li ma humiex aċċessibbli?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dipartimenti f’dan il-Ministeru huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

Korsa tal-Marsa – Tfigħ ta’ ramel ġdid

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jintefa’ r-ramel il-ġdid fil-Korsa tal-Marsa skont kif kien imwiegħed fl-artiklu li deher fuq is-sit elettroniku ta’ Lovin Malta fis-16 ta’ Marzu 2021 intitolat ‘Marsa Race Track To Get New Gravel After Horse Suffers Horrific Injury’? Kopja tal-artiklu qed tintbagħat separatament.

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-ramel il-ġdid fil-Korsa tal-Marsa se jintefa’ matul din il-ġimgħa.

Korsa tal-Marsa – ramel – nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie jiswa r-ramel li ntefa’ fil-Korsa tal-Marsa f’Jannar li għadda? Tista’ tgħid jekk ħarġitx sejħa pubblika? Min kien responsabbli mix-xogħlijiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ħa tingħata f'seduta oħra

Kors tal-Marsa – żwiemel imweġġgħin minħabba r-ramel

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li fil-Korsa tal-Marsa weġġgħu żwiemel minħabba l-kwalità ħażina tarramel?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa fatt magħruf li r-ramel tal-korsa taż-żwiemel qed jinbidel b’mod regolari kif sar diversi drabi fil-passat. Il-Ministeru mhux f’pożizzjoni li jikkonferma li weġġgħu żwiemel minħabba l-kwalità tar-ramel.

Mtarfa FC – grawnd tal-futbol

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min ta permess lill-kuntrattur li jkisser il-grawnd tal-futbol tal-Imtarfa Youth Nursery meta dawn għandhom kuntratt ta’ użu mill-gvern stess għal 48 sena? Taf il-Ministru li dan it-tkissir mill-kuntrattur kien twaqqaf mill-istess membru tal-klabb f’Novembru li għadda, wara li ħadd ma kien avżahom u marru jiġru fuq il-post? Tista’ tgħid għaliex il-kuntrattur reġa ntbagħat inkiss inkiss biex ikisser, meta l-Kumitat tal-Mtarfa FC ma kienx jaf dwar dan it-tkissir? Tista’ tgħid mill-2018 lil hawn, jiġifieri minn meta l-Gvern iddeċieda li jbiegħ l-Iskola tal-Imtarfa, kemm-il darba ltaqa’ mal-kumitat tal-Imtarfa biex jiddiskuti u joffri post alternattiv lin-nursery tal-Mtarfa? Tista’ tikkonferma li wara żewġ attentanti biex jitkisser il-grawnd mingħajr permess mill-Mtarfa FC, il-gvern kienu għadu m’offriex post alternattiv biex jintuża immedjatament għat-training? Tista’ tgħid liema se jkun il-post alternattiv ipprovdut mill-gvern għat-training tat-tfal tal-Imtarfa? Tista’ tgħid meta se jitkisser il-grawnd l-ieħor tal-Mtarfa FC u jekk il-klabb hux se jingħata grawnd mill-ewwel biex jittrenjaw fih?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ħa tingħata f'seduta oħra

COVID-19 – miżuri – taħriġ tal-atleti għall-kompetizzjonijiet internazzjonali — konsultazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-Malta Football Association, il-Kumitat Olimpiku u l-Kumitat Paralimpiku qabel ittieħdu l-miżuri tal-partial lock-down li affettwa mhux biss il-kompetizzjonijiet, iżda t-taħriġ tal-atleti għall-kompetizzjonijiet internazzjonali? Tista’ tgħid meta saru dawn il-laqgħat? X’kien l-eżitu tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżuri li qed jagħmel referenza għalihom huma relatati ma’ deċiżjonijiet li jittieħdu mill-awtoritajiet tas-saħħa abbażi ta’ evidenza medika u xjentifika li dawn l-awtoritajiet ikollhom fil-pussess tagħhom. Fir-rigward ta’ konsultazzjoni mal-MFA, il-Kumitat Olimpiku Malti u l-Kumitat Paralimpiku Malti, ninforma lill-Onorevoli interpellant li permezz ta’ SportMalta u s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Isport, il-konsultazzjoni ma ssirx biss ma’ dawn l-entitajiet u ma ssirx biss f’dawn iż-żminiijiet, iżda jsiru b’mod kontinwu kif saru dejjem fl-aħħar snin.

Investiment fis-settur tad-diżabilità – nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-investiment fis-settur tad-diżabilità mil-2013 sal-lum f’termini finanzjarji? Tistax ukoll tindika kemm hemm benefiċċjarji mis-servizzi provduti mill-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ħa tingħata f'seduta oħra

Politika Nazzjonali dwar iċ-Ċikliżmu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se tiġi ppubblikata l-Politika Nazzjonali dwar iċ-Ċikliżmu wara li kienet saret konsultazzjoni fl-2018?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li din l-mistoqsija trid tiġi rreferuta lil-Ministeru kkonċernat.

Proġett “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of Vulnerable Groups.”

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tar-riċerka għall-proġett bl-isem “Knowledge, Training, Communications and Support Measures in Support of isem Vulnerable Groups.” dwar persuni b’diżabilita u l-impjieg li ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew?. Tista’ l-Ministru tgħid jekk dan il-proġett għadux għaddej jew jekk intemmx?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-proġett illi rrefera għalih għadu mħux konkluż u għaldaqstant ma nistax inqiegħed kopja tar-riċerka fuq il-Mejda tal-Kamra għalissa.

Persuni li użaw is-servizz ta’ Sonia Tanti Independent Living Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna użat is-servizz ta’ Sonia Tanti Independent Living Centre mill-2017 sal-lum?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kien hemm 193 persuna li bbenefikat mis-servizzi mogħtija minn Sonia Tanti Independent Living Centre minn Novembru 2019 (meta s-servizz għadda għand Aġenzija Sapport) sad-data tat-tweġiba.

Persuni li użaw is-servizz tal-ACTU

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna użat is-servizz tal-ACTU mill-2017 sal-lum?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kien hemm 417 persuna li bbenefikat mis-servizzi mogħtija mill-ACTU minn Novembru 2019 (meta s-servizz għadda għand Aġenzija Sapport) sad-data tat-tweġiba.