Legislature:
Category:
Reset
Active:

Blue Badges foloz

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9281, tista’ l-Ministru tgħid kemm irriżulta li kien hemm Blue Badges foloz u x’passi ttieħdu kontra min abbuża mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità għandha viżibilità biss tal-Blue Badge foloz illi jiġu rrappurtati lilha jew li tiġbor hi. L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant ilha tinżamm mill-Kummissjoni minn kemm ilha tiffunzjona t-Taqsima tal-Infurzar fi ħdanha, jiġifieri mill-2022. Għaldaqstant in-numru ta' blue badges foloz li b'xi mod waslu għand il-Kummissjoni huwa ta' 190, 108 fl-2022 u 82 matul l-2023 sad-data li fiha qegħda tiġi mwieġba din il-domanda. Preżentement, l-ikkuppjar u l-falsifikar ta' Blue Badge huwa reat punibbli, iżda mhux l-użu tagħhom. Għaldaqstant, ġie mħejji abbozz illi qiegħed fl-istadji finali tiegħu sabiex fost l-oħrajn jindirizza dan in-nuqqas.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Direct Orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw direct orders u kemm kien l-ammont totali tal-valur tagħhom, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul l-2022, xahar b'xahar?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

ACTU – tfal u żgħażagħ li qed jistennew biex jiġu assessjati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5943, tista' l-Ministru tgħid għaliex hemm persuni li ilhom snin fuq il-lista ta' stennija tat-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU), pereżempju persuna waħda mill-2018, 31 persuna mill-2019 u 19-il persuna mill-2020, u dan skont l-informazzjoni mogħtija fl-istess tweġiba?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru aġġornat ta’ applikanti fuq il-lista ta’ stennija għas-servizz tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) għas-snin li qed issir referenza għalihom huma skont kif elenkat hawn taħt: Sena Malta Għawdex 2018 - - 2019 5 1 2020 15 1 Ir-raġuni li hemm applikanti sa mis-sena 2019 fuq il-lista ta’ stennija għas-servizz hija li numru minn dawn kienu ġew allokati lil terapista li kien beda jaħdem mas-servizz f’Jannar 2023 u li sussegwentement irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu f’Ġunju 2023, qabel ma laħaq sar l-assessjar ta’ dawn il-klijenti. In-numru ta’ terapisti f’dan is-servizz huwa limitat u għalhekk mhux possibbli li jiġu allokati aktar applikanti sakemm it-tim ma jikbirx aktar u b’hekk ikollu kapaċità akbar sabiex jiġi provdut s-servizz lil numru akbar ta’ klijenti. Kienu nħarġu diversi sejħiet għal terapisti li mhux dejjem kienu ta’ suċċess, kif ukoll applikanti li irriżenjaw wara perjodu qasir. Il-proċess tal-assessjar huwa wieħed kumpless li jinvolvi tul ta’ ħin sabiex ikun jista’ jiġi komplut, u kull każ ikun differenti mill-oħrajn.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — rata ta’ pagi lill-ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet ir-rata tal-paga fis-siegħa u l-kundizzjonijiet tax-xogħol imħallsa lill-ħaddiema kollha (elenkati skont ix-xogħol jew kif ġew ippubblikati l-offerti) li huma impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u jipprovdu servizz għall-Ministeru u l-awtoritajiet kollha, entitajiet tal-Gvern u kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10188.

Bajjiet li jistgħu jintużaw mill-annimali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn bajjiet li b'mod uffiċjali jistgħu jiġu użati mill-annimali għal skop ta' għawm kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Kemm minnhom jistgħu jiġu aċċessati b'mod komdu u dinjituż mill-individwi li jwasslu lil dan l-annimal fil-post li jista’ jkollhom bżonnijiet speċjali ta' mobilità huma stess?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — persuni li għandhom car allowance

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fil-Ministeru mmexxi minnha, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom car allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9592, ninformah li hemm 11-il persuna li huma intitolati għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tagħhom, għax huma parti jew jaħdmu mas-Segretarjat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — rwol ta' individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, huwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari? Jekk iva, liema hu l-bord, x’inhu r-rwol ta’ dan l-individwu, x’inhuma l-kwalifiki li għandu biex ikun fuq il-bord imsemmi u kemm qed jitħallas fis-sena biex ikun fuq dan il-bord?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu, li d-dettalji dwaru ingħataw separatament, mhuwiex membru fuq bord li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministru/Segretarju Parlamentari.

Allokazzjoni ta’ social workers ma’ Kunsilli Lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan li jkunu allokati social workers/administrators full-time jew part-time fi ħdan il-Kunsilli Lokali biex ikunu qrib ir-residenti ħalli jiġu indirizzati bl-aktar mod effiċjenti u effettiv il-problemi soċjali tal-familji Maltin u Għawdxin u liema Kunsilli Lokali bbenefikaw minn dan is-servizz?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport toffri s-servizzi fuq livell nazzjonali u għalhekk taħdem fuq livell ċentrali b’uffiċini f’Malta u Għawdex waqt li tikkollabora ma’ diversi entitajiet oħra fil-qalba tal-komunitajiet kemm għall-qsim ta’ riżorsi kif ukoll għal riferti ta’ persuni b’diżabilità u familjari li jistgħu jibbenefikaw mis-servizzi tal-Aġenzija.

Għar Lapsi — pavimentar

Question

Tista’ l-Ministru tagħti istruzzjoni lil Infrastructure Malta biex tneħħi t-tarmak li tpoġġa fin-niżla ta’ Għar Lapsi u minflok tagħmel pavimentar addattat għall-ambjent bħalma wieħed jistenna?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Guardianship Board – applikazzjonijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti quddiem il-Guardianship Board? Tista’ tgħid kemm ilhom pendenti dawn l-applikazzjonijiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Guardianship Board – Guardianship Orders

Question

Tista’ l-Ministru tghid kemm hu n-numru ta’ Guardianship Orders li nħarġu mill-Guardianship Board matul is-snin 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-lum?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – karozzi leased/mikrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm vetturi ġew leased/mikrija mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Meta ġew leased/mikrija, mingħand min, kemm jiswew kull sena u min jużahom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6218 u għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6199, tlabt biex jinġabar il-kumplament tal-informazzjoni.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — impjegati minn ħaddiema ta’ aġenziji tax-xogħol

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar in-numru ta' impjegati jew sigħat maħduma, ta' ħaddiema impjegati minn aġenzija tax-xogħol tal-kumpanija li ngħatat tender tal-gvern u titħallas mill-Ministeru jew entitajiet governattivi/Awtoritajiet/Kumpaniji tal-Gvern li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħha, għas-snin 2018, 2019, 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-lum?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10169.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — persuni li għandhom disturbance allowance

Question

Tista' l-Ministru tgħid fil-Ministeru mmexxi minnha, kemm hemm persuni li bħalissa għandhom disturbance allowance, xi grad huma, kemm hemm f’kull grad, kemm hi din l-allowance għal kull xahar u għal kull sena, għal kull wieħed minnhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba numru 9573, ninformah li mhemm l-ebda ħaddiem li hu intitolat għall-benefiċċju msemmi, bħala parti mill-kuntratt tiegħu, għax hu parti jew jaħdem mas-Segretarjat.

Naxxar – disability hub u distribution centre – pjanti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’se jsir fis-sit ta’ fejn kellu jsir id-disability hub fin-Naxxar? Issa li fiż-żona se jsir ukoll distribution centre tal-Enemalta, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti l-ġodda li juru ż-żona kollha, inkluż dak li kien id-disability hub u d-distribution centre tal-Enemalta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-kunċett tal-proġett qed jiġi rivedut biex jirrispetta l-prinċipji tal-konvenzjoni għad-drittijiet tal-persuni b’diżabilita’. Minħabba l-bżonn li ssir din id-distribution centre u n-neċessità li jinbidel il-kunċett tal-proġett, il-pjanti tal-proġett Reach ser Ikollhom jinbidlu.

Blue Badge holders – użu minn parkeġġ tar-residenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk persuni bil-Blue Badge għandhomx dritt jużaw il-parking tar-residenti meta jkunu l-Belt Valletta jew irħula oħra?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lii r-Regolamenti dwar Skemi ta’ Ipparkjar Kontrollat (Residenzjali u Kummerċjali), L.S. 363.80 u r-Regolamenti dwar Restrizzjoni ta’ Dħul u Passaġġ ta’ Vetturi fl-Imdina, L.S. 65.27 jagħtu d-dritt lid-detenturi tal-Blue Badge sabiex jużaw il-parkeġġi solitament riservati għar-residenti biss, taħt diversi kundizzjonijiet. Ir-Regolamenti dwar Aċċess Kontrollat ta’ Vetturi f’Ċerti Żoni, L.S. 65.31 teżenta lil min għandu Blue Badge u jaħdem fiz-zona kkontrollata mill-ħlas applikabbli.

Disabled bays personalizzati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk isirux spezzjonijiet spissi biex jaraw li disabled bays personalizzati jintużaw u jekk dawk li ma jkunux qed jintużaw aktar jiġux revokati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi isiru spezzjonijiet minn entitjajiet diversi, fosthom mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, il-LESA u l-Pulizija, u meta jinstab illi il-parkeġġ ma jintużax għal raġunijiet diversi fosthom illi l-persuna li nħarġitilha ġiet nieqsa jew m'għadhiex toqgħod f'dak l-indirizz, l-imsemmija Kummissjoni tinforma lill-Awtorità tat-Trasport f'Malta sabiex tieħu l-azzjoni li ttiha l-liġi.

Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji – passi kontra Fondazzjoni li ma ppreżentatx audited accounts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ħa jew qed jieħu l-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji kontra l-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qatt ma ppreżentat audited accounts fl-aħħar ħames snin? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn ma ttiħdux passi?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għandu informazzjoni ħażina għax l-organizzazzjoni inkwistjoni ssottomettiet l-audited accounts tagħha mal-istess uffiċċju kif mistenni. Għaldaqstant ma kienx hemm lok għal xi azzjoni mill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.