Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat/Ħad-Dingli - Triq il-Mielħa - Tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser tittieħed azzjoni biex jitnaddfu l-inħawi ta’ Triq il-Mielħa l/o Rabat/Dingli, minn makkinarju, karozzi mitluqa u oġġetti oħra?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li wara spezzjoni li saret fuq il-post, ma kkonfermatx il-preżenza ta’ vetturi mitluqa f’din it-triq.

Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè - Dipartiment tal-Artijiet - Encroachments maħruġa

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista dettaljata tal-encroachments kollha maħruġa mid-Dipartiment tal-Artijiet f’Tas-Sliema, il-Gżira, San Ġiljan u Tignè, u tgħid jekk hux qed tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li jkun hemm identifikazzjoni ċara u trasparenza akbar dwar l-art mogħtija bħala encroachment, inkluż li, fejn applikabbli, din tkun indikata fuq il-post?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru konċernat.

Il-Fgura – Triq Baldassare Lanci – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 895 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u tgħid meta ser titwaħħal l-istop sign fi Triq Baldassare Lanċi, il-Fgura, peress li kienet maqlugħa?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Infurmata li t-tabella twaħlet.

Is-Swieqi – Diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Kunsill Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il laqgħa saret bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn sabiex jiġu diskussi l-problemi relatati mal-indafa, l-infurzar u l-kwalità tal-ħajja fil-lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li matul l-aħħar sentejn saru diversi laqgħat bejn l-awtoritajiet konċernati u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi biex niddiskutu l-kwistjonijiet tal-Kunsill. Dawn il-laqgħat isiru b'mod regolari ma' kull Kunsill Lokali.

L-Imtarfa – Ġnien is-Sinjura – Problemi strutturali

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tas-sitwazzjoni fi Ġnien is-Sinjura fl-Imtarfa, kemm mill-aspett ta’ problemi strutturali fil-pedamenti kif ukoll fir-rigward ta’ kwalunkwe moviment naturali tal-art? Tista’ tassigura li m’hemm l-ebda periklu għall-pubbliku u għar-residenti tal-madwar?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ir-Rabat, Malta – Wied il-Qlejgħa – Lampi fuq il-pont

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser isiru lampi fuq il-pont li jgħaddi minn fuq Wied il-Qlejgħa, fl-inħawi ta' Koronja, ir-Rabat, Malta?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Wied il-Qlejgħa fl-inħawi ta' Koronja, ir-Rabat, Malta, ma jaqax taħt ir-responsbilità tal-Ministeru tagħna.

Il-Gudja – Triq Bir Miftuħ – Miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanijiet għal miżuri ta' mmaniġġjar tat-traffiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet ta' over-speeding u sewqan perikoluż fi Triq Bir Miftuħ, il-Gudja?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Infurmata mill-Kunsill Lokali li l-Kunsill kiseb il-permessi kollha meħtieġa minn TM sabiex jimplimenta s-sinjali tal-veloċità massima u għaldaqstant jiffaċilita l-infurzar mill-Pulizija.

Is-Swieqi u San Ġwann – Triq il-Pellikan – Qtugħ ta’ ħaxix u siġar

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1191 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol u tara li jinqatgħu l-ħaxix u s-siġar li hemm ħiereġ fi Triq il-Pellikan, bejn is-Swieqi u San Ġwann, li qed jostakola l-passaġġ u jkun ta' ħsara għal vetturi li jgħaddu minn din it-triq?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta' San Ġwann li x-xogħol relatat ma qtugħ ta’ ħaxix u żbir ta’ siġar fi Triq il-Pellikan, tlesta.

Kunsilli lokali – Żieda fis-setgħat u r-riżorsi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra li jagħti aktar setgħat u riżorsi lill-kunsilli lokali sabiex ikunu jistgħu jinfurzaw regolamenti relatati mal-indafa pubblika, l-imġiba antisoċjali u kwistjonijiet li jolqtu l-kwalità tal-ħajja?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Dan il-Gvern huwa impenjat li jkompli jsaħħaħ l-infurzar lokali permezz ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib mal-Kunsilli Lokali u mal-entitajiet kollha responsabbli mill-infurzar. Fil-fatt, dan huwa rifless ukoll fil-wegħdiet elettorali ta’ dan il-Gvern li jagħrfu l-ħtieġa ta’ infurzar aktar effettiv u koordinat sabiex jitnaqqsu l-inkonvenjenzi li jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Gwardamanġa – Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima – Roof Garden – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fir-Roof Garden tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima, f’Gwardamanġa, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2022?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ħaż-Żabbar – Il-Park ta’ San Klement – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-Park ta’ San Klement, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni fl-2020?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista' l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tagħha, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul Lulju 2026?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi t’Akkwist skont il-valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ta’ Qali – Park Nazzjonali – Kunċerti/attivitajiet

Question

Tista’ l-Ministru: i.    tgħid kemm saru kunċerti jew attivitajiet simili f’xi parti mill-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali; ii.   tgħid kemm minn dawn l-attivitajiet saru fiż-żona tal-kunċerti fl-istess Park Nazzjonali; iii.   tipprovdi lista ta’ dawn l-attivitajiet; u iv.   tindika ż-żona tal-Park Nazzjonali li fiha saret kull attività minn Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ta’ Qali – Park Nazzjonali – Żona tal-Kunċerti – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 1157 u tgħid kemm saru xogħlijiet fiż-Żona tal-Kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali minn meta ġiet inawgurata f’Mejju 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ tgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, kemm kienet l-ispiża tagħhom u għaliex kien meħtieġ li jsiru?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ġiet inawgurata f’Mejju 2024 sal-llum ix-xogħlijiet fil-madwar taż-żona tal-Kunċerti fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali kienu skont il-kuntratti eżistenti fosthom ‘steel staircases’, il-binja ewlenija tal-lifts u parkeġġ għall-artisti fuq in-naħa ta’ wara.  Dan ix-xogħol li sar kien jagħmel parti mill-pjanijiet oriġinali taż-żona tal-kunċerti.

Direttorat tat-Tindif - Pedestrian Sweepers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kriterji jintużaw biex jintgħażlu l-irħula fejn jintużaw il-Pedestrian Sweepers tad-Direttorat tat-Tindif, u jekk dawn jintużawx fl-irħula kollha jew inkella ċerti rħula jingħataw prijorità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata li l-Pedestrian Sweepers tad-Diviżjoni huma disponibbli għal-lokalitajiet kollha u m’hemmx lokalitajiet li jingħataw prijorità fuq oħrajn bħala prinċipju ġenerali. Il-proċedura normali hi li l-Kunsill Lokali jagħmel talba lid-Diviżjoni sabiex jiġi allokat Pedestrian Sweeper fil-lokalità. Qabel ma ssir l-allokazzjoni, il-Kunsill irid jiżgura li għandu spazju u post adegwat fejn il-magna tkun tista’ tinżamm b’mod sigur u xieraq u post fejn tkun iċċarġjata. Barra minn hekk, il-persuni li jkunu se joperaw il-magna jridu jingħataw it-taħriġ meħtieġ sabiex jiġi żgurat li l-Pedestrian Sweeper jintuża b’mod korrett, sigur u effettiv. Għaldaqstant, l-allokazzjoni ssir fuq talba tal-Kunsill Lokali u wara li jiġu vverifikati dawn il-kundizzjonijiet operattivi u ta’ sigurtà.

San Pawl il-Baħar - Bajja ta’ ħdejn il-Veċċja - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu mistenni li jitwettaq ix-xogħol meħtieġ u approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar għat-tisħiħ tal-blat u protezzjoni tal-bajja ta’ ħdejn il-Veċċja f’San Pawl il-Baħar? Tista’ tgħid ukoll jekk inħarġux u ġewx allokati t-tenders għal dan ix-xogħol? Jekk it-tender ingħata, tista’ tgħid min ser iwettaq ix-xogħol?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f'dan l-istadju, t-tender għal dawn ix-xogħlijiet għadu ma ġiex allokat.

San Pawl il-Baħar - Bajja tax-Xama’ - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi preparamenti saru mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għax-xogħlijiet meħtieġa fil-bajja ż-żgħira tax-Xama’, ħdejn l-Iskola Primarja ta’ San Pawl il-Baħar? Tista’ wkoll tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tax-xogħlijiet?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ssottometta applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jittejjeb l-aċċess għal din il-bajja. Kopja tal-pjanti relatati ma' din l-applikazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.