Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsilli Lokali – Fondi/programmi Ewropej

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-konsumatur jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ liema kienu dawk il-Kunsilli Lokali li bejn Jannar 2020 u Diċembru 2023 applikaw u bbenefikaw minn fondi/programmi Ewropej? Minn din l-iskeda li qed tintalab, jista’ l-Ministru jindika wkoll liema kienu dawn il-programmi u kemm kienu l-fondi allokati għal kull proġett/programm (kull Kunsill b’mod individwali)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji dwar il-Kunsilli Lokali li bbenefikaw minn fondi/programmi Ewropej fid-data mitluba minnu.

MCCAA — Postijiet vakanti fil-karigi ta’ Direttur Ġenerali jew Direttur

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid jekk attwalment hemmx postijiet vakanti fil-karigi ta’ Direttur Ġenerali jew Direttur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk hemm, jista’ jgħid liema huma u kemm ilhom vakanti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) bħalissa hija vakanti. Din il-pożizzjoni ilha vakanti mill-11 ta’ Ottubru 2023.

Employment Relations Board

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid x’liġijiet/avviżi legali ġodda hemm ippjanati biex jiġu diskussi fl-Employment Relations Board fl-2024?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ser ikompli juża l-proċedura stabbilita mill-Parlament meta jressaq abbozzi ta’ liġijiet jew liġijiet sussidjarji ġodda.

Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jelenka l-prijoritajiet u l-kwistjonijiet li ser jiġu diskussi fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) fl-2024?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aġenda tal-laqgħat tal MCESD isiru miċ-chairperson tal-kunsill.

LN-270 – Studji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid xi studji saru għal Avviż Legali 270 tal-2023 - Regolamenti tal-2023 dwar Aġenziji tal-Impjieg u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn l-istudji?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-regolamenti ġew ippublikati wara taħditiet estensivi mal-imsieħba soċjali u wara li saru diversi laqgħat ma’ diversi operaturi u stakeholders oħra li huma involuti f’dan il-qasam. Ġew ikkunsidrati wkoll mudelli leġislattivi li qed jintużaw f’pajjiżi Ewropej f’dan ir-rigward.

Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali — Laqgħat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti ta’ kull laqgħa li saret fl-2023 tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’dawn l-aħħar snin l-MCESD ħa l-inizjattiva sabiex ikompli jiftaħ u jifrex id-djalogu li saħansitra jtella’ online fuq is-sit elettroniku tal-istess Kunsill il-preżentazzjonijiet li jkunu saru fil-laqgħat. Dan wara li jkun intalab il-permess tal-persuna li tkun preparat u għamlet il-preżentazzjoni u sakemm l-imsieħba soċjali ma jkollhomx oġġezzjoni għal dan. Imbagħad id-diskussjoni li ssir fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali tkun il-fora fejn l-imsieħba soċjali jesprimu l-fehma tagħhom fi hdan il-Kunsill. Meta l-imsieħba soċjali jkunu jridu jagħmlu pubbliċi l-pożizzjonijiet tagħhom dwar temi ta’ interess ġenerali huma jagħmlu dan individwalment.

Employment Relations Board — Laqgħat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Minuti ta’ kull laqgħa tal-Employment Relations Board (ERB) li saru fl-2023?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Sub – artikolu (5) tal-Artikolu 3 tal-Att Dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jistipola li l-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impiegi għandu jirregola l-proċedura tiegħu stess. F’Novembru 2003, il-Bord kien iddeċieda li l-proċeduri tal-Bord u d-diskussjonijiet li jsiru waqt il-laqgħat ikunu kunfidenzjali.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-konsumatur — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid min kienu/huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji/banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qegħdin iservu, il-kariga li kienu/qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju tagħhom? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn April 2013 sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar.

Is-Settur Pubbliku u s-Settur Ċivili – Ftehim Kollettiv

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jippreżenta lista b’kull ftehim kollettiv pendenti fis-settur pubbliku u ċivili u meta dawn skadew? Jista’ jgħid ukoll ma’ liema union qed isiru jew se jsiru d-diskussjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill Ministru konċernat.

Public Sector Collective Bargaining Unit – Negozjar

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm hemm persuni allokati biex jagħmlu negozjar fil-Public Sector Collective Bargaining Unit?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jidentifika għal liema Public Sector Collective Bargaining Unit qiegħed jirreferi.

Public Sector Collective Bargaining Unit — Ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fil-Public Sector Bargaining Unit?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jidentifika għal liema Public Sector Collective Bargaining Unit qiegħed jirreferi.

DIER — Ħaddiema

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm hemm persuni jaħdmu fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER)?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 58 persuna li jaħdmu fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg.

DIER — Enforcement officers

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm hemm enforcement officers allokati fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) li jagħmlu l-ispezzjonijiet?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 9 enforcement officers allokati fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) li jagħmlu l-ispezzjonijiet.

Is-Settur Pubbliku u s-Settur Ċivili – Ftehim Kollettiv

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jippreżenta lista li turi: a. iż-żieda perċentwali fil-pagi għal kull ftehim kollettiv iffirmat matul l-2022 u l-2023 fis-Settur Pubbliku u Ċivili u s-Section/Sector/Authority li ġie ffirmat il-ftehim kollettiv? b. l-isem tal-Unjoni li magħha saru n-negozjati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill Ministru konċernat.

Is-Settur Pubbliku u s-Settur Ċivili – Ftehim Kollettiv

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jippreżenta lista tal-collective agreements kollha li hemm pendenti fis-settur pubbliku u fis-settur ċivili?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lil Ministeru konċernat.

Fondi Ewropej — Proġetti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 10267 u 11478 u ċjoè: Peress li t-terminu tal-programm ta’ fondi Ewropej wasal biex jiġi fi tmiemu, u nbeda jew ħa jinbeda wieħed ġdid, jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti spiċċaw u dawk li għadhom għaddejjin jew ħa jinbdew f’kull Ministeru minn dawn il-fondi? Kemm intefqu flus għal dawn il-proġetti?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba minnu.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — direct orders

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm ingħataw direct orders matul is-sena 2023, xahar b'xahar, mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Fondi Ewropej 2014-2021 – Proġetti li tlestew sal-2021

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm proġetti rnexxilhom jingħalqu kompletament sal-2021 li ġew iffinanzjati mill-pakkett ta’ Fondi Ewropej għall-perjodu 2014-2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-perjodu ta’ programmar li għadu kif għalaq nirreferu għalih bħala perjodu ta’ programmar 2014-2020. Il-fondi allokati għal dan il-programm jaqgħu taħt qafas hekk imsejjaħ N+3. Dan ifisser li fondi kommessi fis-sena ta’ referenza ‘N’ iridu jiġu minfuqa sa tlett snin wara i.e. N+3.

Fondi Ewropej 2014-2021 – Proġetti li tlestew sal-2023

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm proġetti rnexxilhom jingħalqu kompletament saż-żmien estiż sa Diċembru 2023 li ħa jiġu ffinanzjati mill-pakkett ta’ Fondi Ewropej għall-perjodu 2014-2021?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14578.

Fondi Ewropej 2014-2021 – Proġetti li ma tlestewx sal-2023

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur jgħid kemm proġetti ma laħqux tlestew saż-żmien stipulat jew anke sal-estensjoni ta’ Diċembru 2023? Jista’ jgħid ukoll liema huma dawn il-proġetti u kemm kellu Fondi Ewropej marbuta miegħu kull proġett?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li ġew approvati taħt il-perjodu ta’ programmar 2014-2020, setgħu jibqgħu jiġu implimentati sal-31 ta’ Diċembru 2023. Matul dan il-perjodu, Malta se tkun qiegħda tuża l-allokazzjoni ta’ fondi sħiħa li ngħatat.