Legislature:
Category:
Reset
Active:

REWS – awditjar tal-operat tal-provdituri

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’poteri għandha r-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) a tenur tal-liġijiet li hi tenforza biex tagħmel awditjar tal-operat tal-provdituri tas-servizzi li hi tirregola?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li skont l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, ir-Regolatur għandu s-setgħa li jista’ jeħtieġ lil kull persuna jew provditur awtorizzat sabiex jipprovdilha kull informazzjoni, inkluż informazzjoni finanzjarja, li r-Regolatur iqis bħala neċessarja b’għan li jiżgura konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att, ta’ regolamenti magħmula taħtu, u deċiżjonijiet jew direttivi magħmulin skont dan l-Att, jew kull liġi oħra jew regolamenti magħmula taħtha li r-Regolatur ikollu jedd jinforza. Dan jista’ jsir skont l-artikolu 5(4) tal-istess Att. Din is-setgħa hija restritta biss għal ġbir ta’ informazzjoni skont il-liġijiet applikabbli. F’dan is-sens, ir-Regolatur ma għandux s-setgħa a tenur tal-liġijiet li hu jinforza biex jagħmel awditjar tal-operat tal-provdituri tas-servizzi li hu jirregola.

Kuntratti ta’ xiri u manutenzjoni ta’ apparat

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22791, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ffirmati mill-operatur li installa u li għadu qed jinstalla charging points ġodda, kif ukoll kull kuntratt ieħor li jiggverna l-operazzjoni u l-manutenzjoni tas-servizz ta’ charging, varat minnha fit-28 ta' Ottubru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt inkwistjoni hu kummerċjalment sensittiv u l-pubblikazzjoni tiegħu tippreġudika negozjati futuri. Nassigura lill-Onorevoli interpellant li Malta se tkun imħejjija tajjeb ħafna biex takkomoda lil dawk li jeħtieġu s-servizzi ta’ enerġija għall-vetturi tagħhom.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21964 u tgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha mill-2017 sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Batteriji biex iżommu l-elettriku ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm persuni jew kumpaniji li ħadu vantaġġ mill-grant għall-batteriji biex jistivaw l-elettriku ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi? Kemm hu lis-storage totali ta’ dawn l-installazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kemm in-numru ta’ benefiċċjari ta’ skemi ta’ grants residenzjali u kif ukoll il-kapaċita ta’ ħażna tinsab fit-tabella hawn taħt, l-informazzjoni tkopri sal-15 ta’ Novembru 2021. Skema Sena Numru ta’ benefiċarji Kapaċita ta’ ħażna 2021 RES 2021 363 1823 kWh

Meters addizzjonali installati għal charging points fil-garaxxijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il persuna nstallat meter addizzjonali għall-charging point fil-garaxx tagħha u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta s’issa nstallat 271 EV meter lil klijenti li applikaw għal dan is-servizz. 44 applikazzjoni oħra għadhom pendenti.

Pagament tal-kontijiet tad-dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex mal-pagament tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-Maltapost waqfet milli titimbra (tagħmel timbru) li jindika li l-kont hu mħallas, peress li nies qed ikunu inkwitati li l-irċevuta li qed tingħata, tista' tintilef u ma' żmien ma jibqax jidher il-kitba fuqha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-irċevuta uffiċjali li tindika l-pagament tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma li jitħallsu fil-fergħat tal-MaltaPost, kienu, għadhom u ser jibqaw l-irċevuta li tinħareġ mill-istess kumpanija. Ninsabu nfurmati li l-MaltaPost ser tkompli tagħmel timbru fuq l-istess kontijiet tad-dawl u l-ilma, dan bhala indikazzjoni li l-kont ġie mħallas.

Enemalta — promozzjoni ta’ Divisional Managers

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-persuni li ħadu promozzjoni ta’ Divisional Managers fl-Enemalta wara li ħarġet applikazzjoni ftit tal-ġimgħat ilu? X’ser ikun ir-rwol ta’ kull wieħed minn dawk promossi? Kemm hija r-remunerazzjoni, inklu¿ il-benefiċċji u allowances li se jkunu qed jingħataw u jekk hijiex ekwivalenti għal Divisional Managers oħra fil-kumpanija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dak li qed jitlob jikkostitwixxi għal ksur tad-dejta personali u allura mhux konformi mal-liġi tal-GDPR. Minkejja dan, jien infurmata li t-tliet persuni involuti li ħadu l-promozzjoni ta’ Divisional Managers mal-Enemalta plc, wara sejħa għall-applikazzjonijiet, huma lkoll kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet il-ġodda tagħhom. Huma se jkunu responsabbli għas-sezzjonijiet tad-Distribuzzjoni u għal Proġetti fi ħdan l-Enemalta plc. Is-salarju tagħhom, li għandu valur kummerċjali għall-kumpanija, hu bħal dak ta’ Divisional Managers oħrajn fi ħdan l-Enemalta plc.

Enemalta — Rwol ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji tar-rwol tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li qed ikun spiss fil-bini tal-Enemalta? Jekk qed jingħata xi forma ta’ remunerazzjoni, kemm tammonta din għal kull sena u dan ingħata wara sejħa għal offerti jew b’direct order?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn żmien għal żmien, il-Bord tad-Diretturi tal-Enemalta jaħtar konsulenti fuq materji speċifiċi li jħoss li jeħtieġ kompetenzi partikolari fuqhom. Fil-każ riferut, l-individwu jagħti servizz ta’ konsulenza teknika lill-Enemalta fl-oqsma ta’ Project Management, Project Development u Estate Management. Hu nħatar direttament mill-Bord tad-Diretturi fl-2018 għal perjodu ta’ tliet snin u riċentament il-kuntratt ġie mġedded għal sena oħra, bl-istess remunerazzjoni. Peress li r-remunerazzjoni għandha valur kummerċjali għal Enemalta plc, l-ammont ma jistax jingħata.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma — Bord tad-Diretturi

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22505 u t-tweġiba mogħtija, tenut kont li l-avviż numru 1344 tal-Gazetta tal-Gvern jelenka biss l-ismijiet kollha tal-membri tal-Bord tar-REWS u li skont it-tweġiba mogħtija ż-żmien tal-ħatra tal-membri kollha hi ta’ ħames snin, tista’ l-Ministru tispjega kif ser titħaddem is-sistema ta’ rotazzjoni tal-membri ġaladarba dawn ilkoll għandhom l-istess żmien ta’ ħatra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotazzjoni xierqa li qed tiġi applikata a tenur tal-artikolu 3(7) tal-Kap. 545, għar-rigward tal-ħatra tal-membri tal-Bord tar-Regolatur tikkonsisti li l-membri tal-Bord ma jiġux appuntati kollha simultanjament u li d-data tat-tmiem tal-mandat tal-membri tal-Bord m’hijiex l-istess għall-membri kollha. Iż-żmien tal-ħatra xorta huwa ta’ ħames snin.

Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma — Bord tad-Diretturi

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 22505 u t-tweġiba mogħtija, tista’ l-Ministru tgħid x’kienet preċiżament il-proċedura indipendenti u imparzjali mitluba skont l-artikolu 3(6) tal-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma Kap. 545 li allura ġiet segwieta fil-ħatra tal-membri tal-Bord tar-REWS kif imħabbra tramite l-avviż numru 1344 tal-Gazetta tal-Gvern?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għajnsielem – Triq Malta — substation

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22471, tista’ l-Ministru tgħid x'għad fadal x’isir biex is-substation fi Triq Malta f'Għajnsielem tibda tiffunzjona? Tista’ tgħid jekk l-apparat ta' ġewwa din is-substation huwiex f'postu u jekk iva kemm ilu hemm? Tista’ tgħid ukoll jekk sarux il-cables tad-dawl ta' taħt l-art biex din is-substation tibda tiffunzjona u jekk iva meta saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-apparat kollu jinsab fis-substation il-ġdida fit-triq imsemmija. Il-kuntratt biex issir it-trinka għal cables ġie ffirmat. B’hekk malli jitlesta dax-xogħol mill-kuntrattur u jitpoġġew il-cables, is-substation tkun tista’ tiġi kummissjonata u tibda’ topera.

Pannelli Fotovoltajiċi – stallazzjonijiet f’postijiet residenzjali u postijiet ta’ negozji

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm installazzjonijiet ta’ pannelli fotovoltajiċi f’postijiet residenzjali u postijiet ta’ negozji f’Malta u Għawdex? Kemm kien is-sussidju/grants totali għal dawn il-pannelli sena b’sena minn mindu bdew jingħataw sal-lum?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Pannelli Fotovoltajiċi – dawl iġġenerat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġie ġġenerat dawl mill-pannelli fotovoltajiċi (kwh) mill-ewwel installazzjoni sas-sena kurrenti? X’persentaġġ mid-dawl ġenerat kollu mill-pajjiż hu minn dawn il-pannelli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ enerġija ġġenerat mill-pannelli fotovoltajiċi mill-2010 sa l-aħħar ta’ Ottubru tal-2021 kien ta’ 1,364,681.8 MWh. Il-persentaġġ mill-elettriku kollu iġġenerat lokalment mill-pannelli fotovoltajiċi għal din is-sena s’issa hu ta’ 11.88%.

Bejgħ ta’ units iġġenerati minn sistemi fotovoltajiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fl-2021, xahar b’xahar, kemm-il unit ta’ dawl ġie ġġenerat bis-sistemi fotovoltajiċi u ma ġiex użat mill-klijent li hu s-sid ta’ dawn il-pannelli jiġifieri kemm-il unit ġie mibjugħ lill-grid? Kemm kien il-prezz totali li l-Enemalta ħallset għal dawn il-units?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ skemi eżistenti li minnhom jibbenefikaw is-sidien ta’ sistemi fotovoltajiċi. Fl-ewwel skema, li tissejjaħ Full FIT, is-sid ibiegħ l-enerġija kollha ġġenerata mis-sistema tiegħu, filwaqt li fit-tieni skema, li tissejjaħ Partial FIT, is-sid ibiegħ biss l-enerġija ġġenerata mis-sistema u mhux ikkunsmata minnu. Il-units li ġew mibjugħa lill-grid permezz ta’ dawn iż-żewġ skemi minn Jannar sa Lulju tal-2021 kien kif jidher fit-tabella. XharUnits Mibjugħa Full FIT (kWh) Units Mibjugħa Partial FIT (kWh) Jannar 20217,503,8465,407,880 Frar 20218,547,7566,739,559 Marzu 202110,773,5289,300,711 April 202111,423,3699,540,826 Mejju 202112,876,20711,479,494 Ġunju 202113,116,21211,248,728 Lulju 202112,270,64710,935,494 Il-prezz totali li l-Enemalta ħalset fuq dawn il-units lis-sidien tas-sistemi foltovoltajċi minn Jannar sa Lulju tal-2021 huwa ta’ €20,012,874

Micro Wind Turbines

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm micro wind turbines installati madwar il-pajjiż u x’inhi l-policy tal-Gvern dwar dawn il-micro wind turbines ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 13-il microwind turbines awtorizzati mir-Regolatur. Bħala policy, il-Gvern jappoġja kull sors ta’ enerġija rinnovabli nkluż il-micro wind turbines, sakemm dawn jinbnew skont ir-regolamenti u l-linji gwida neċessarji

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriza u l-Iżvilupp Sostenibbli — Contracts of service

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien in-numru ta’ sejħiet għal contract of service li kull entità fi ħdanha ħarget kull sena mill-2017 sal-lum? Tista’ tgħid kemm u għalxiex ingħataw contracts of service għall-istess perjodu minn kull entità fi ħdanha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab informata li biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tal-entitajiet varji.

Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — state aid

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 21268 u tgħid kemm kien hemm entitajiet fid-dekasteru tagħha li rċievew state aid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entita mid-dekasteru tiegħi ma rċivew state aid.

Malta Enterprise — applikazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew approvati applikazzjonijiet taħt l-iskema tal-Malta Enterprise għall-produzzjoni ta' prodotti relatati mal-COVID-19? Kemm ħarġet flus Malta Enterprise taħt din l-iskema u kemm hu proġettat li se jiġu impjegati ħaddiema mill-applikazzjonijiet approvati ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Malta Enteprise approvat 5 proġetti taħt l-iskema Investment Aid for the Production of COVID-19 relevant products ser jiġġeneraw 90 mpjieg ġdid. L-ammont ta’ assistenza approvata jammonta għall-4.737 miljun ewro.

Malta Enterprise – proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew approvati proġetti f'Għawdex minn Malta Enterprise fl-2020 u fl-ewwel disa' xhur tal-2021 u kemm hi l-ispiża kapitali proġettata ta' dawn il-proġetti u n-numru ta' impjiegi proġettati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Malta Enterprise – assistenza finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħarġet assistenza finanzjarja Malta Enterprise fl-2015, l-2016, l-2017, l-2018, l-2019, l-2020 u fl-ewwel disa' xhur tal-2021 lill-impriżi bbażati f'Għawdex u kemm tali assistenza hi perċentwal tal-assistenza finanzjarja mogħtija globalment minn Malta Enterprise?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.