Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Ħaddiema ġodda
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11 u tgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tagħha minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fi Ġnejnet Nikol Aquilina, fil-Qrendi, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sit li llum huwa magħruf bħala Ġnejnet Nikol Aquilina, fil-Qrendi, qabel kien fi stat ta’ abbandun. Fl-2022 bdew diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali tal-Qrendi biex din iż-żona tiġi riġenerata u trasformata fi spazju aħdar għall-benefiċċju tar-residenti.
Sussegwentement, ix-xogħlijiet inbdew fl-2023 u kienu jinkludu t-tindif tas-sit minn skart u materjal ieħor, l-invellar tal-ħamrija u t-tħejjija tagħha għat-tħawwil. Ġew installati wkoll ċnut madwar il-konfini tal-ġnien, bankijiet għall-pikniks, kontenituri għall-iskart u kontenituri apposta għall-iskart tal-klieb.
Għaldaqstant, ħloqna spazju rikreattiv f’żona oħra li qabel kienet abbandunata. Il-ġnien infetaħ għall-pubbliku f’Novembru 2023 u minn dak iż-żmien ’l hawn, Project Green kompliet b’xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwa sabiex dan il-ġnien jbqa’ fi stat tajjeb għat-tgawdija tal-komunità.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit ta’ Bengħajsa Park, f’Birżebbuġa, sa qabel ix-xogħlijiet tal-ewwel fażi tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Park ta’ Bengħajsa, f’Birżebbuġa, għadda taħt ir-responsabbiltà ta’ Project Green fl-2023 mingħand Infrastructure Malta, li kienet diġà wettqet xogħlijiet ta’ preparazzjoni tal-ħamrija u bdiet it-tħawwil tas-siġar fis-sit.
Project Green kompliet bix-xogħlijiet sabiex dan l-ispazju ġie estiż b’aktar minn 2,000 metru kwadru u trasformatu f’park sigur, aċċessibbli u adattat għat-tgawdija tal-familji u r-residenti. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ ċnut madwar il-konfini tal-park, l-invellar tal-ħamrija u t-tneħħija tal-ġebel, il-ħolqien ta’ passaġġi, it-tiswija tal-bir eżistenti, ir-restawr tal-binja li tinsab fis-sit, kif ukoll l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-logħob għat-tfal. Sar ukoll aktar tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli biex kompla jittejjeb l-ambjent naturali tal-park.
Ħal Safi – Sit tal-Picnic Area/Dog Park – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tal-Picnic Area/Dog Park ta’ Ħal Safi sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, wara talba li kien għamel il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Safi, iż-żona li tinsab f’Ta’ Ġawhar ġiet trasformata fi spazju rikreattiv għall-familji, li jinkludi żona għall-pikniks u park għall-klieb.
Ix-xogħlijiet fiż-żona tal-pikniks twettqu minn Ambjent Malta, filwaqt li dawk marbuta mal-iżvilupp tal-park għall-klieb inbdew minn Parks Malta u sussegwentement tkomplew minn Project Green fl-2023.
Ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-kostruzzjoni ta’ bir, il-preparazzjoni tal-ħamrija, ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, il-ħolqien ta’ passaġġi, l-installazzjoni ta’ għamara għall-ġnien, ċnut madwar il-park għall-klieb, tagħmir tal-logħob għall-klieb, kameras tas-CCTV u sistema ta’ irrigazzjoni, kif ukoll it-tħawwil ta’ siġar u arbuxxelli.
Minn meta ġie inawgurat il-ġnien, Project Green ħadet ir-responsabbiltà għall-manutenzjoni kontinwa tas-sit, sabiex dan l-ispazju jibqa’ jinżamm fi stat tajjeb għall-benefiċċju tar-residenti u l-familji li jżuruh.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit tas-San Klement Picnic Area, f’Ħaż-Żabbar, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2023? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1281.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fil-parti ta’ Ġnien Romeo Romano, f’Santa Venera, li nfetaħ għall-pubbliku fl-2022, sa qabel ir-riġenerazzjoni ta’ dik is-sena? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ġiet riġenerata l-parti ta’ Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera li nfetħet fl-2022, din lanqas kienet aċċessibbli għall-pubbliku. Għaldaqstant, ix-xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni f’din il-parti tal-ġnien kienu jinkludu xogħlijiet biex saru passaġġi siguri u aċċessibbli, sar restawr estensiv tas-sienja, tal-ġibjun, tal-kanali tal-ilma, tal-ħitan u l-funtani, bandli, kif ukoll tħawwlu aktar siġar taċ-ċitru.
Il-Ħamrun – Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919 – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru f’Misraħ is-Sebgħa ta’ Ġunju 1919, fil-Ħamrun, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2022? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel l-intervent ta’ riġenerazzjoni li sar fl-2022, iż-żona kienet tintuża bħala parkeġġ. WasteServ, permezz ta’ GreenServ, għamlet investiment ta’ madwar €1.5 miljun biex iż-żona ġiet trasformata fi spazju aħdar fejn minbarra li tħawwlu siġar u pjanti, kienu installati bankijiet, strutturi għad-dell b’pannelli solari, dawl u punti għall-iċċarġjar t’apparat elettroniku. Il-proġett kien jinkludi wkoll restawr ta’ ġibjun li l-ilma tiegħu qed jintuża għat-tisqija u anke faċilitajiet għall-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ charging points li hemm fil-Mellieħa, il-Manikata u f’inħawi oħra li huma fil-limiti tal-Mellieħa? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm charging points li ġew approvati u li għadhom mhux installati, minkejja li l-maġġoranza tal-infrastruttura neċessarja ilha li saret għal diversi xhur? Tista’ tgħid ukoll kemm hemm talbiet li huma pendenti u kemm hu n-numru ta’ charging points li huma maħsuba li se jkunu meħtiega għall-bżonnijiet tal-Mellieħa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fil-Mellieħa, l-Manikata u nħawi oħrajn fil-limiti tal-lokalità hemm 36 charging point. Qegħdin isiru xogħlijiet fuq 13-il sit ieħor filwaqt li għaddej proċess ta’ identifikazzjoni u prijoritizzazzjoni tal-postijiet fejn ser jiġu installati charging pillars ġodda skont il-ħtiġijiet tal-lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – Xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25339 tal-14-il Leġislatura, tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq il-mina msemmija fit-tweġiba? Tista’ tgħid ukoll kif inhu mistenni li din il-mina tgħaqqad mas-sistema eżistenti, fl-inħawi tax-Xemxija/Pwales?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet relatati mal-kostruzzjoni tal-mina qegħdin javvanzaw skont il-pjan u huwa mmirat li jitlestew is-sena d-dieħla. Din il-mina ser tkun konnessa mal-mejnijiet prinċipali tad-drenaġġ fi Triq San Pawl, fl-inħawi tal-Veċċja. Barra minn hekk, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tkun qed tibda xogħlijiet fi Triq il-Mosta, bil-għan li d-drenaġġ ikun jista’ jiġi devjat lejn il-mina.
San Pawl il-Baħar – Triq il-Mosta – Xogħlijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25339 tal-14-il Leġislatura, tista’ l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm, għal dak li jikkonċerna xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi, minħabba rapporti kontinwi ta’ rwejjaħ fi Triq il-Mosta u l-madwar, f'San Pawl il-Baħar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, kuntrarjament għal dak li qed tinsinwa l-Onor. Interpellanta, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma kellha l-ebda rapport relatat ma’ rwejjaħ fit-triq indikata. Għal dak li jirrigwarda xogħol fuq is-sistema tad-drenaġġ fl-inħawi nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4147.
Għawdex – Ħsarat fil-feeders tal-elettriku – Contingency plan tal-Enemalta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta kellhiex contingency plan speċifiku għall-eventwalità li żewġ feeders minn tlieta lejn Għawdex ikunu barra mis-servizz simultanjament? Jekk iva, tista’ tqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra u tgħid meta ġie ttestjat l-aħħar?
Għawdex – Feeders tal-elettriku – Kapaċità massima
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-kapaċità massima tal-feeder ta’ 33kV li baqa’ operattiv u x’kienet id-domanda f’Għawdex meta seħħ l-inċident ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettriku li affettwa lil Għawdex fit-28 u fid-29 ta’ Awwissu 2026? Tista’ tgħid ukoll kemm kien hemm differenza, f’MW, bejn il-provvista disponibbli u d-domanda?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk is-sistema tal-elettriku li tforni lil Għawdex hijiex iddisinjata biex tibqa’ tforni lill-gżira kollha f’każ li feeder wieħed ikun barra mis-servizz? Tista’ tgħid ukoll x’livell ta’ redundancy hija mfassla biex tipprovdi s-sistema?
Għawdex – Cables tad-dawl – Temperature ratings u operating limits
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk it-temperature ratings u l-operating limits tal-cables li jfornu lil Għawdex ġewx riveduti fid-dawl tat-temperaturi ogħla u tal-perjodi itwal ta’ domanda għolja għall-elettriku li qed jesperjenza pajjiżna?
Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet it-tagħbija, f’MW u bħala perċentwal tal-kapaċità massima, fuq kull wieħed mit-tliet feeders li jfornu lil Għawdex fis-sigħat ta’ qabel il-ħsara? Tista’ tagħti dawn iċ-ċifri fuq bażi ta’ siegħa għall-perjodu bejn nofsinhar u nofsillejl tat-28 ta’ Awwissu 2026?
Tista’ l-Ministru tgħid jekk, qabel il-ħsarat tat-28 ta’ Awwissu 2026, kienx hemm xi rapport, test, allarm, technical assessment jew rakkomandazzjoni li indikat degradazzjoni jew riskju ta’ failure fuq xi wieħed miż-żewġ cables li sussegwentement ġarrbu ħsara?
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit Il-Qortin, fix-Xagħra, Għawdex, sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2022? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li s-sit tal-Qortin, fix-Xagħra, Għawdex, kien jintuża bħala miżbla mhux ikkontrollata bejn l-1968 u l-2004, fejn tul is-snin ġew depożitati madwar nofs miljun tunnellata ta’ skart. B’investiment ta’ €3.3 miljun, WasteServ trasformat dan is-sit fi spazju miftuħ u aħdar ta’ madwar 50,000 metru kwadru u fl-2022 infetaħ għall-użu rikreattiv mill-familji.
Wara l-għeluq tal-miżbla, saru diversi fażijiet ta’ riabilitazzjoni ambjentali sabiex is-sit jiġi restawrat u eventwalment ikun jista’ jinfetaħ għall-pubbliku. Dawn ix-xogħlijiet inkludew l-installazzjoni ta’ sistema għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-gass, is-siġillar u l-landscaping tas-sit, it-tħawwil ta’ madwar 23,000 arbuxxell indiġenu u l-bini ta’ ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita għall-irrigazzjoni. Fl-aħħar fażi saru aktar xogħlijiet sabiex is-sit ikun sigur u aċċessibbli għall-pubbliku, fosthom l-installazzjoni ta’ lqugħ, xatbiet u rixtelli madwar il-manifolds tal-gass, kif ukoll il-ħolqien ta’ parkeġġ, mogħdijiet aċċessibbli u park għall-klieb.
Qabel it-tlestija tal-proġett, kienet issir ukoll manutenzjoni ġenerali tas-sit u tal-impjant tat-trattament tal-gass. Din kienet tinkludi, fost oħrajn, manutenzjoni tal-pompi u tal-bjar tal-gass, tal-veġetazzjoni u tal-ħitan tal-konfini tal-impjant, kif ukoll manutenzjoni tal-flare u monitoraġġ perjodiku tal-gass.
Ir-Rabat, Malta – Sit madwar iċ-Ċentru Għajn – Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet ta’ manutenzjoni saru fis-sit madwar iċ-Ċentru Għajn, fir-Rabat, Malta sa qabel ir-riġenerazzjoni tal-2017? Tista’ tgħid ukoll min wettaq dan ix-xogħol?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qabel ma kien inawgurat iċ-Ċentru Nazzjonali Għajn għall-Għarfien dwar il-Konservazzjoni tal-Ilma fl-2017, fir-Rabat, is-sit fejn jinsab fl-inħawi tan-Nigret kien mitluq.
Bil-proġett imwettaq mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma dan inbidel f'faċilità edukattiva għall-għarfien dwar l-enerġija u l-ilma permezz ta’ diversi installazzjonijiet, attivitajiet u mezzi interattivi ta’ tagħlim. Is-sit jinkludi wkoll żoni rikreattivi aċċessibbli għall-pubbliku, fosthom spazju għal-logħob tat-tfal, ġonna b’passaġġi pedonali, siġar u pjanti ornamentali, gazebo, kif ukoll spazju żgħir fil-forma ta’ teatru fil-beraħ li jikkontribwixxu għall-valur edukattiv u ambjentali tal-post.
Fl-2023 wettaqna proġett ieħor li permezz tiegħu l-bejt tal-binja nbidel fi green roof
,
li huwa magħmul minn 3,000 pjanta u jintuża għal skopijiet xjentifiċi sabiex jiġbor informazzjoni li tista' tintuża fi proġetti futuri. Dan il-proġett jesplora l-potenzjal ta' din l-infrastruttura ħadra għall-prevenzjoni tal-għargħar, filwaqt li jagħmel il-bini aktar sostenibbli u effiċjenti fl-enerġija.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2475, tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-investiment ta’ €400 miljun previst fil-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għall-għaxar snin li ġejjin huwa allokat speċifikament għall-manutenzjoni, it-titjib u l-espansjoni tal-infrastruttura tad-drenaġġ? Tista’ tagħti lista tal-proġetti ewlenin previsti, tindika l-lokalitajiet li se jkunu milquta, l-ispiża stmata ta’ kull proġett u ż-żmien mistenni għall-implimentazzjoni tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 4273, inżid ninfurmaha li t-tisħiħ ewlieni fl-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ huwa pjanat li jkun fis-seħħ sal-2031, waqt li x-xogħlijiet fuq in-network tal-ġbir tad-drenaġġ huwa mmirat li jitlestew sal-2034.
Fost il-proġetti li diġà jinsabu għaddejjin, hemm dak li minn Erba’ Mwieżeb iwassal sal-Veċċja f'San Pawl il-Baħar, ix-xogħlijiet fuq in-network bejn is-Santwarju u l-Għadira fil-Mellieħa, kif ukoll interventi oħrajn ta’ tiġdid u titjib fin-network fi Vjal il-Labour, iż-Żejtun. Qed jitmexxew ukoll il-proċessi meħtieġa sabiex jinbdew b’mod imminenti t-tkabbir tal-impjant t’Għawdex, flimkien ma’ interventi ppjanati f’Sant’ Antnin u Ta’ Barkat. Ix-xogħol tat-tkabbir tal-impjant taċ-Ċumnija fit-Tramuntana ta' Malta tnieda fil-bidu ta' din is-sena u għaddej skont il-pjan.
Proġetti oħrajn ewlenin li se jsiru jinkludu mejnijiet ġodda mill-Pwales sa Għajn Żnuber; xogħlijiet fuq in-network tad-drenaġġ fl-inħawi tar-Rabat u Ħad-Dingli; tibdil tal-mejn f'Tal-Ħlas, Ħal Qormi b’mina ġdida; tkabbir tal-mejn fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi; mejn ġdid fi Triq Diċembru Tlettax sal-pumping station tal-Marsa; mejnijiet ġodda f'Tas-Sliema, Buġibba u l-Qawra, fin-Nofsinhar ta' Malta, u nħawi oħra fit-Tramuntana ta' Malta li se jkunu qed jiġu maqsuma f'diversi fażijiet ta' implimentazzjoni; tisħiħ ta' pumping stations prinċipali fin-Nofsinhar ta' Malta; u mina ġdida mir-Rabat (Għawdex) sal-impjant tat-trattament tad-drenaġġ eżistenti.
Il-programmar tax-xogħlijiet fuq in-network huwa suġġett għal kordinazzjoni ma’ xogħlijiet li jkunu qegħdin isiru minn entitajiet oħrajn, sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-pubbliku. Meta l-proġetti jkunu waslu biex jinbdew, il-Korporazzjoni Għas-Servizzi tal-Ilma tippubblika l-informazzjoni rilevanti permezz ta’ stqarrijiet għall-istampa u fuq il-websajt uffiċjali tagħha.
Prezzijiet tal-fjuwil – Miżuri ta’ protezzjoni għall-familji u n-negozji
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2473, tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern f’sussidji fuq il-prezzijiet tal-fjuwil matul l-2024, l-2025 u sal-aħħar xahar li għalih hemm data disponibbli fl-2026, separatament għal kull sena? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern għandux pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ żieda sostanzjali fil-prezzijiet internazzjonali tal-fjuwil, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sussidju u l-protezzjoni tal-familji u n-negozji, u jekk iva, x’inhuma l-parametri ewlenin ta’ dan il-pjan?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà spjegajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2473, dan il-Gvern jibqa’ kommess li jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet tal-fjuwil għall-familji u n-negozji. Bħalma smajna fit-tħabbir tal-Baġit, din is-sena s-sussidji sabiex ma jiżdidux il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils mistennija jiswew lill-Gvern madwar €392 miljun. Matul l-aħħar snin, bejn l-2022 u l-2026, l-ispiża ta’ dawn is-sussidji ammontat għal €1.35 biljun. Dan ifisser li €1.35 biljun baqgħu fil-bwiet tan-nies u n-negozji tagħna.
Intenni li kif urejna tul dawn l-aħħar snin, permezz ta’ ppjanar sod u ekonomija b’saħħitha, il-pajjiż għandu l-kapaċità li jwieġeb għal ċirkostanzi internazzjonali diffiċli u jipproteġi lill-familji u n-negozji mill-impatt tagħhom. F’ambjent internazzjonali tal-enerġija li jibqa’ imprevedibbli, din hija l-aqwa garanzija li pajjiżna jkun f’pożizzjoni li jilqa’ għal xokkijiet futuri u jirreaġixxi skont iċ-ċirkostanzi.
.