Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

L-Onor. Interpellant diġà staqsa dwar dan u tajtu tweġiba f’interpellanza parlamentari nru 23545 fejn irreferejtu għall-proċedura applikabbli.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Uffiċċju addizzjonali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23623, peress li bit-tieni uffiċċju qed nirreferi għall-post/binja li fih il-Ministru jiltaqa’ mal-kostitwenti tiegħu, jista’ jgħid: (a) Kemm-il uffiċċju addizzjonali għandu barra l-binja uffiċjali tal-Ministeru tiegħu u f'liema lokalità qiegħed/qegħdin? (b) Dawn l-uffiċini huma binjiet pubbliċi jew privati? (c) X'inhu l-użu ta' dawn l-uffiċini? (d) Kemm titħallas kera għal kull uffiċċju sena b'sena u jekk din titħallasx minn fondi pubbliċi jew fondi oħrajn? (e) Min hu l-benefiċjarju ta' din il-kera? (f) Minn x'ħin sa x'ħin u f'liema ġranet ikunu miftuħin dawn l-uffiċini? (g) Min jiftaħ dawn l-uffiċini u jara lin-nies, il-Ministru personalment jew persuni oħra għan-nom tiegħu? (h) Jekk in-nies jarawhom persuni oħra għan-nom tiegħu, dawn huma impjegati tal-Ministeru jew tal-Gvern?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nittama li l-Onor. Interpellant jifhem bid-distinzjoni li hemm bejn uffiċċju Ministerjali u uffiċċju tal-kostitwenza. L-uffiċċju li fih naqdi d-dmirijiet Ministerjali tiegħi jinsab f’Palazzo Zondadari, Triq Merkanti, l-Belt. Għar-rigward tal-uffiċċju tal-kostitwenza, dan huwa mħallas minn fondi privati, u mhux pubbliċi kif qed jipprova jimplika b’mod skorrett u qarrieqi l-interpellant. Għalhekk mhux filmansjoni ta’ mistoqsija parlamentari.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Rigali u donazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23749 fejn intqal li l-informazzjoni kienet se tingħata f’seduta oħra u issa għaddew ix-xhur minn dik it-tweġiba, jista’ l-Ministru jgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubbliċi, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tah?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra fejn hemm imniżżel ir-rigali uffiċjali li ngħataw matul din is-sena u f’liema okkażjoni. L-ispiża totali kienet tlaħħaq € 823.24

Bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28387 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kemm hemm bus shelters f’Malta u Għawdex li huma magħmula biex jipprovdu kenn adegwat u liema huma dawn il-bus shelters?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Bus stages

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28388 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid kemm hemm bus stages f’Malta u Għawdex fejn persuni ma jkunux jistgħu jistkennu fihom u liema huma dawn il-bus stages?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekomonija, Investiment u Proġetti Strateġiċi – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28675 u jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istand tal-Ministeru għall-Ekonomija, Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Fil-Public Service Expo Village 2025 ġiet tiswa €66,950 (VAT eskluż). F’din l-istand kien hemm numru ta' attivitajiet differenti, inkluż live sessions tul il-ġranet kollha minn entitajiet varji fi ħdan il-Ministeru, informazzjoni provduta rigward il-Vision 2050, interazzjoni mal-pubbliku fuq is-servizzi offruti mill-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, kif ukoll kompetizzjonijiet għall-pubbliku permezz tal-logħob diġitali preżenti fuq l-istand. Din l-attività kopriet il-parteċipazzjoni wkoll ta' diversi entitajiet fi ħdan il-Ministeru inkluż id-Dipartiment tal-Kummerċ, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali, il-Malta Enterprise, il-Malta Business Registry, il-Malta Crafts Foundation, Tech.mt, MGI Ltd, Malta Strategic Partnership Projects Ltd, Kordin Grain Terminal, Malta Gaming Authority u l-Korporazzjoni tal-Malta Freeport. L-Expo Village tas-Servizz Pubbliku din is-sena żaruh 76,264 persuna.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23599 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-entitajiet kollha taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi 14-il entità jagħmlu użu minn 23-il credit jew debit card. Il-ħruġ ta’ card isir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi.

Il-Belt Valletta — Evans Building

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27449, 27775, 27976, 28274, 28404 u 28711 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u lill-Prim Ministru, lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol rispettivament u jgħid x’inhu l-pjan għall-użu tal-binja ta’ Evans Building fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll x’viżjoni għandu l-Gvern għall-użu ta’ din il-binja li tinsab f’lok prinċipali fil-belt kapitali ta’ Malta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li bħala parti mill-impenn kontinwu tal-Gvern favur ir-riġenerazzjoni tal-Belt Valletta, Malta Strategic Partnership Projects (MSPP) harġet sejħa għall-proposti għar-riabilitazzjoni tas-sit tal-Evans Building fil-parti ta’ isfel tal-belt kapitali. Is-sit tal-Evans Building huwa rregolat min-Nota dwar l-Iżvilupp ta’ Sant’ Iermu u l-Inħawi 2011, li tagħti lok għall-kunsiderazzjoni ta’ żvilupp mill-ġdid totali ta’ dan l-ispazju. Madanakollu, ittieħdet deċiżjoni biex tinżamm il-qoxra esterna tal-binja filwaqt li jsir tibdil intern. Dan wara proċess konsultattiv mal-UNESCO u s-Sovrantendenza tal-Wirt Kulturali. Il-process tas-sejha bhalissa ghadu ghaddej hekk kif hemm appell quddiem il-PCRB.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Credit/Debit cards

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23581 fejn intqal li l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il credit/debit card pubblika għandu maħruġa għall-użu tiegħu u tal-Ministeru tiegħu u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox hemm żewġ cards taħt id-dekasteru tal-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi li jinkludi s-Segretarju Permamenti. Il-ħruġ ta’ card jsir biss wara li jkun hemm l-approvazzjoni tal-Ministeru għall-Finanzi u l-approvazzjoni tas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru tiegħi, skont il-proċedura stabbilita. Inżid ngħid illi kull nefqa ssir skont u fil-parametri stabbiliti ta’ kif għandhom jintużaw il-fondi pubbliċi. Il-ħlas isir mil-line item rispettiv kif approvati fl-estimi finanzjarji tal-baġit u li kopja tagħhom diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Ekomonija, Investiment u Proġetti Strateġiċi – Public Expo Village 2025 – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Mejju 2025?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 26290.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Vjaġġar

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23563 fejn intqal li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid: (a) kemm-il vjaġġ għamel barra mill-pajjiż minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u fejn kienet id-destinazjoni? (b) X’kienet ir-raġuni għal kull vjaġġ u kemm sewa kull vjaġġ f’termini ta’ fondi pubbliċi għall-biljetti tal-ajru, lodging, trasport, ikel, xorb, allowances per diem għal kull persuna li kienet tifforma parti mill-kontinġent u spejjeż oħra, separatament? (c) Min għand liema aġent tal-ivjaġġar inxtraw il-biljetti tal-ajru u jekk hux b’direct order jew tender, x’tip ta’ biljetti tal-ajru inqatgħu (jekk hux economy, business club jew class club) u ma’ liema kumpanija tal-ajru? (d) Kemm kien it-tul ta’ żmien għal kull vjaġġ? (e) Minn min kien iffurmat il-kontinġent tal-Ministru għal kull vjaġġ?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taħt. Ninfurmah illi l-iskop għal safar uffiċjali jkun marbut ma’ laqgħat ma’ Ministri ta’ Gvernijiet oħrajn, laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u laqgħat oħra li għalihom ikun hemm stediniet uffiċjali bħala Ministru tal-Gvern. L-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, per diem allowances huma rregolati skont il- “Manual on Transport and Travel Policies”. Għar-rigward tat-tul ta' żmien għal kull vjaġġ, naħseb li l-Onor Interpellant jifhem li dan ikun jiddependi mill-aġenda taż-żjara barra l-pajjiż. 2022 - 11 2023 - 9 2024 – 9 2025 – 1

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Nefqa fuq fjuri

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23477, fejn ġejt riferut għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21826, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni limitatament għall-2024, u ċjoè kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-sena 2024 u jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra, u fil-każ kemm kienet l-ispiża?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa għal fjuri hija koperta mill-kategorija Operational and Maintenance Expenses fl-Estimi Finazjarji tal-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ix-Xewkija — Żona Industrijali - Fondi fuq tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali, u bini ta’ toroq mill-ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu fondi fuq tisbiħ, xogħlijiet infrastrutturali, u bini ta’ toroq mill-ġdid fiż-Żona Industrijali tax-Xewkija, Għawdex, matul is-snin 2023 u 2024?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirefferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 17269.

Marsa — Church Wharf - Użu tal-art

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ser ikun l-użu ta’ Church Wharf (is-sit fejn kien hemm l-ex-power station) ġewwa l-Marsa? Jista’ jgħid x’inhu l-ħsieb għall-użu ta’ din l-art, pereżempju: użu marittimu, użu kummerċjali jew oħrajn? Jekk dan ser isir, jista’ jgħid meta?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26746 u jgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nirefferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 27935.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24385 u 24771 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li fil-perjodu msemmi nxtraw 12-il karozza ġodda mill-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi. 6 minnhom inxtraw għall-użu ġenerali u dipartimenti speċifiċi, u l-kumplament inxtraw lill-uffiċjali fi gradi maniġerjali u li skont il-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures huma intitolati għall-vettura. Kopja ta’ dan il-manwal, diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Finalment irrid nirrimarka li x-xiri ta’ dawn il-vetturi jsir skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procument Regulations.

Bormla – Parkeġġ quddiem l-iskola primarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jittieħdu u x’tip ta’ żvilupp ser isir fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ sit ta’ parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi – Rigali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qala rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulu?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.