Legislature:
Category:
Reset
Active:

Università ta' Malta — residenzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha residenzi l-Università ta' Malta (University Residence) u fejn qegħdin? Kemm akkomodat studenti fl-aħħar ħames snin sena b'sena l-Università ta' Malta fid-diversi residenzi? Minn liema pajjiż? Kemm iħallsu dawn l-istudenti għal din l-akkomodazzjoni? Ikun hemm residenti Għawdxin f'dawn ir-residenzi? Jekk iva, kemm sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Jekk le, meta l-aħħar kien hemm Għawdxin jirrisjedu f'dawn ir-residenzi? Huwa veru li oriġinarjament dawn ir-residenzi kienu twaqqfu għall-istudenti Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università għandha residenza waħda u tinstab Ħal Lija. In-numru ta’ studenti li akkomodat il-University Residence kull sena, f’dawn l-aħħar 5 snin akkademiċi, huma dawn li ġejjin: 2005 ma teżistix informazzjoni 2006 87 2007 207 2008 211 2009 225 Dawn ġew minn dawn il-pajjiżi: Ingilterra Franza Italja Amerika Turkija Bulgarija Polonja Repubblika Ċeka Danimarka Svezja Irlanda Belġju Ġermanja Olanda Indja Ġappun Ċina Il-ħlas mill-istudenti għal din l-akkomodazzjoni huwa hekk: Sena akkademika 2009-10 l Simestru 2 Simestru Akkomodazzjoni Standard Sharing €1,302.50 €1,273.00 Single €1,858.00 €1,816.00 Post Grad Sharing €1,541.00 €1,506.50 Single €2,315.50 €2,264.00 F’dawn l-aħħar ħames snin ma allogjawx studenti Għawdxin; ma teżistix informazzjoni għas-snin ta’ qabel. M'għandna ebda informazzjoni li tindika li r-residenza kienet twaqqfet għall-istudenti Għawdxin.

Università ta' Malta — studenti barranin

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kellha studenti barranin l-Università ta' Malta sena b'sena fl-aħħar ħames snin? Minn liema pajjiżi ġew? Kemm ħallsu flus b'kollox dawn l-istudenti sena b'sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tisħiħ tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi f`Għawdex

Question

Jidhirlha l-Ministru li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f`Għawdex għandu jissaħħaħ u li l-Università ta' Għawdex għandha tibda toffri ċertifikati, diplomi u degrees fit-turiżmu anke fuq bażi full-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-Universita` ta` Malta ma toffrix ċertifikati, diplomi u degrees fit-turiżmu fuq bażi full-time fil-campus tagħha f`Għawdex. Ta` min jgħid li bħalissa hemm kors, Diploma in Commerce offrut fuq bażi part-time f`Għawdex li fih xi study-units fuq it-turiżmu. Meta jkollna talbiet għal dawn il-korsijiet l-ITS, flimkien ma` l-Università ta` Malta, tiddiskuti din il-possibilità li jsiru l-korsijiet ġo Għawdex.

Ministeru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport — Persuni li siefru fuq xogħol uffiċjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni li siefru fuq xogħol uffiċjali matul is-sena 2009 mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Fejn kienet u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pembroke — bini ta' skola primarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’użu qed isir jew hemm il-ħsieb li jsir mill-bini tal-iskola primarja ta’ Pembroke li tbattlet għax infetħet skola ġdida f’Pembroke?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-bini antik tal-iSkola Primarja ta’ Pembroke mhux battal u se jiġi żviluppat f'Ċentru tax-Xjenza u Saħħa u Sigurtà fil-qasam edukattiv.

Speech therapist

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm speech therapists jaħdmu ma' xi qasam li jaqa' taħt il-Ministeru? F'liema qasam jaħdmu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi hemm żewġ Speech Therapists li jaħdmu mad-Dipartiment Servizzi għall-Istudenti. L-Universita’ ta’ Malta bħalissa tħaddem senior lecturer u assistant lecturer fuq bażi full-time , li huma speech therapists . Dawn iż-żewg persuni jipprovdu servizz ta’ speech therapy minn ġo t- Teaching & Research Clinic tal-Universita’ fil-ħin ta’ superviżjoni ta’ studenti tal- Communication Therapy . L-Università għandha ukoll ħames membri mill-istaff akkademiku fuq bażi part-time li huma speech therapists . Dawn jipprovdu servizz ta’ speech therapy fil-ħin tax-xogħol tagħhom mad-Diviżjoni tas-Saħħa.

Antiquities Act — żieda ġdida

Question

Tista' l-Ministru tindika meta l-aħħar li saret żieda jew entry ġdida fil-lista (inventarju) taħt l-Antiquities Act?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skond l-Att dwar l-Antikatijet (Att tal-1925) kellu jsir inventarju jew lista ta’ siti u bini ta’ valur kulturali li kellhom jiġu protetti skond il-provedimenti tal-istess liġi. Dan l-inventarju ġie ippublikat fl-1932, u ġie emendat darbtejn fl-1935 u fl-1939. Minn dak iż-żmien ma saret l-ebda reviżjoni u l-anqas saru żidiet fil-Lista tal-Antikitajiet. Fl-2002 il-kunċett ta’ inventarju nazzjonali kien rivedut bil-Liġi dwar il-Patrimonju Kulturali (KAP 445). Skond dan l-Att is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għandha tagħmel inventarju ġdid tal-propjetajiet kulturali li jinsabu f’Malta kemm dawk mobbli (bħal kwadri u għamara storika) kif wkoll dawk immobbli (siti, monumenti u binjiet). Fl-aħħar snin is-Sovrintendenza għamlet xogħol estensiv biex toħloq sistema ta’ IT biex tiġbor fiha l-informazzjoni kollha neċessarja għal dan l-iskop. Ix-xogħol fuq l-inventarju għadu għaddej, u huwa maħsub li l-ewwel parti ta’ dan l-inventarju ser ikun aċċessibbli għall-pubbliku kmieni fl-2010. Fir-rigward ta’ Heritage Malta kull oġġett li jiġi akkwistat, jiġi individwalment elenkat fir-Rapport Annwali ta’ Heritage Malta liema Rapport jiġi sottomess lill-Kamra kull sena . Barra minn hekk Heritage Malta ssottomettiet applikazzjoni għal fondi mill-Unjoni Ewropea għall- Collection Management System li biha l-Aġenzija sejra jkollha Data Base ta’ kull oġġett li jinsab fil-Kollezzjoni Nazzjonali.

Heritage Malta — Dipartiment tat-Taxxi Interni - Repayment programme

Question

Tista' l-Ministru tindika d-dettalji fuq ir-repayment programme li Heritage Malta daħlet fih mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni dwar bolol u kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema li ma tħallsux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 13110.

Planning regulations fil-konfront tal Belt Valletta

Question

Tista' l-Ministru tirriproduċi l-planning regulations li kien ippromulga l-Gran Mastru La Vallette fil-konfront tal-Belt Valletta? Kemm minnhom ġew riprodotti fil-planning regulations kontemporanji u f'liema source of law?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Rigward l-ewwel mistoqsija dwar planning regulations ippromulgati mill-Kavallieri fiż-żmien tat-twaqqif tal-Belt Valletta, qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bit-traskrizzjoni tar-regolamenti oriġinali għall-Belt Valletta li nħarġu taħt il-Gran Mastru Del Monte fl-1569. Rigward it-tieni mistoqsija dwar planning regulations kontemporanji, din għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.

Arrangamenti għall-eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi korrelazzjoni bejn l-arrangamenti għall-eżamijiet ta' l- SpLD fil-livell ta' MATSEC mill-University Access Team ma' dawk mogħtija mill-istess bord lill-istess studenti meta jidħlu l-Università?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Bord ta’ l-ACCESS – Disability Support Committee isegwi l-linji gwida li għaddew mis-Senat tal-Università ta’ Malta. Dawn jinstabu fid-dokument University of Malta Disability Support Services and Access Arrangements 2009 li jinstab ukoll fuq il-website tal-Università kif ukoll tal-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’. Ir-risposta tinstab f’1.4 fuq paġna 13. L-arranġamenti għas-SEC huma differenti minn dawk għall-MATSEC u dawn differenti minn dawk tal-Università. Ir-raġuni hija spjegata fid-dokument University of Malta Disability Support Services and Access Arrangements 2009 li jinstab ukoll fuq il- website tal-Università kif ukoll tal-KNPD f’1.4 paġna 13 li tgħid: “The ADSC recognizes that SEC examinations are intended as certification for secondary education. Matriculation examinations, on the other hand, constitute the qualifications for further education and degree or diploma or certificate examinations may be the key to a variety of professions which assume certain knowledge and ability to enable the professional’s safe conduct. Thus, the same access arrangements may not be possible at all examination levels. It should be recognized that whereas some arrangements may be acceptable at SEC level they may need to be modified at Matriculation level and for University l evel.”

Skola Primarja ta' Ħal-Luqa — Għalliema tad-drama

Question

Il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għamlet interview għal peripatetic teacher of drama f’Mejju li għadda u minkejja li għaddiet mill-interview u għandha bosta kwalifiki fl-istess drama, din intbagħtet tgħallem fl-iskola primarja ta’ Ħal-Luqa u dan minkejja li jidher li hemm il-bżonn ta’ aktar għalliema tad-drama. Huwa ovvju li għalkemm din l-għalliema qed tagħmel l-almu tagħha fejn qiegħda, tista' tkun aktar effettiva bħala peripatetic drama teacher kif tixtieq hi. Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi ħsieb li d-dipartiment ikabbar it-team ta’ għalliema tad-drama? F’każ li iva, se jkunu eliġibbli dawk li diġà għamlu l-interview u għaddew?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ għalliema peripatetiċi fidi-Drama Unit is-sena skolastika li għaddiet kien ta’ 14. In-numru ta’ għalliema li ntbagħtu fid-Drama Unit fil-bidu tas-sena skolastika kurrenti kien ta’ 17. Tlieta mill-għalliema għaddew mill-interview għal Assistenti Kapijiet u ntbagħtu fl-iskejjel iservu f’din il-kariga. Ghalħekk in-numru preżenti li qegħdin iservu fid-Drama Unit huwa dan: Education Officer 1 Subject Co-ordinator 1 Għalliema 14 Fil-preżent ma jistgħux jintbagħtu aktar għalliema id-Drama Unit għax il-persuna msemmija mill-Onor. Interpellant qegħda tgħallem fi skola Primarja u m’hemmx għalliem regolari biex jissostitwiha.

Modules differenti tal-ECDL

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema sena sekondarja jsiru l-modules differenti tal-ECDL? F'liema skejjel baqa' ma sarx kif ippjanat matul l-ewwel term skolastiku ta' din is-sena skolastika? Kif se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Scholarships STEPS

Question

Tista' l-Ministru tgħid sad-data ta' din il-mistoqsija kemm ġew imħallsa mill-ischolarships STEPS li ngħataw għas-sena akkademika 2009-2010 għal studji dottorali fl-Ewropa? Liema kienu l-iSTEPS li tħallsu u għal liema korsijiet? Liema kienu l-ischolarships li għadhom ma tħallsux? Għal liema raġuni għadhom ma nħarġux? Meta se jitħallsu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, peress li l-ħlas tal-boroż ta’ studju għal-livell Dottorali taħt l-iskema Strategic Educational Pathways, (STEPS) ma jsirx mill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport, imma mill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

Università ta' Malta u St. George's University of London — proġett

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn waslu t-taħdidiet bejn l-Università ta’ Malta u St. George's University of London (SGUL) dwar il-proġett flimkien li joffru “graduate entry medical programme” minn Jannar li ġej? Fil-fatt dan il-programm, għaliex għadu ma bediex meta fi Frar 2008 kien tħabbar li se jibda minn Jannar 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Universita’ ta’ Malta qed tistenna r-riżultat għal sejħa ta’ call of interest li kienet saret f’Ottubru 2008.

Skejjel li ġew mikrija minn kumpanija privata

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar żewġt isjuf liema skejjel f’Malta u f’Għawdex ġew mikrija lil xi kumpanija privata biex fihom isir tagħlim tal-Ingliż lil studenti barranin? Kemm tħallsu fil-każ, kif isir il-ħlas u minn min isir l-arranġament għal dan il-kiri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bini ta' skejjel vojta

Question

Tista' l-Ministru tgħid f’Malta u f’Għawdex kemm għandna bini ta’ skejjel vojt jew parżjalment vojt li jista’ jinkera lil xi skola privata biex ikollha fejn tgħallem lil studenti tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-bini tal-iskejjel m’hemm l-ebda spazju vojt li m’hemmx pjani edukattivi oħra għall-użu tiegħu.

Heritage Malta — Diparitment tat-Taxxi Interni - Repayment programme

Question

Tista' l-Ministru tgħid sena b'sena kemm huma l-flus li Heritage Malta għandha tagħti lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'bolol u kontribuzzjonijiet oħra tal-ħaddiema li, minkejja li diġà tħallsu mill-ħaddiema lil Heritage Malta, Heritage Malta m'għaddiethomx lid-dipartiment tat-taxxi interni minħabba l-kriżi finanzjarja akuta li hija għandha? Taħseb li dan il-fatt hu inaċċettabbli meta l-Gvern għandu jkun hu l-model employer? Ħadet parir legali l-Ministru dwar il-fatt li b'dan l-aġir Heritage Malta kisret diversi dispożizzjonijiet penali tal-liġijiet tagħna, partikolarment dawk naxxenti mill-att li jirregola l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tagħna? Peress li l-Ministru qalet li sar repayment programme, tista' tindika d-dettallji ta' dan ir-repayment programme? Jekk il-Heritage Malta m'għandhiex flus biex tħares id-drittijiet tal-ħaddiema tagħha stess, kif qed tippretendi l-Ministru li Heritage Malta jkollha biżżejjed fondi biex tħares il-patrimonju kulturali tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-flus li Heritage Malta baqalha tagħti lid-Dipartiment tat-Taxxi Interni f’bolol u kontribuzzjonijiet huma biss għal tliet pagamenti ta’ Novembru u Diċembru 2008. Dawn jammontaw għal €238,370 u ser ikunu qed jitħallsu gradatament kull xahar tul l-2010. Ammonti li kienu dovuti għax-xhur Ġunju sa Ottubru tas-sena 2008 ġew koperti bi ħlas dirett mill-Ministeru tal-Finanzi. Heritage Malta m'għandha ebda kriżi finanzjarja akuta, tant hu hekk li l-ħlasijiet kollha dovuti għal bolol u kontribuzzjonijiet, kif ukoll spejjeż rikorrenti dovuti lil suppliers għas-sena 2009 dejjem tħallsu b’mod sħiħ, regolarment u f’waqthom. Nassigura lill-Onor. Interpellant illi d-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħna u dawk tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema huma xorta waħda salvagwardjati permezz ta’ garanziji li l-Gvern stess dejjem jassumi fuq il-ħlasijet dovuti. Filwaqt illi nirrikonoxxi li t-tħaris tal-patrimonju kulturali tagħna dejjem jibqa’ jirrikjedi ammonti kbar ta’ fondi, ninforma lill-Onor. Interpellant illi minbarra l-ammont ta’ €500,000 kapitali li reġgħu ġew ivvotati għas-sena 2010, ġew ukoll ivvotati €1,500,000 għall-Forti Sant Anġlu. Dan minbarra fondi oħra li ġew allokati permezz ta’ progammi tal-Unjoni Ewropea, illi globalment jammontaw għal €10,577,911.

Fondazzjoni Patrimonju Malti — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ma ntnefaq lanqas ċenteżmu wieħed mis-somma allokata għal din is-sena ta' €116,000 fil-line item imsejħa Fondazzjoni Patrimonju Malti meta hawn tant bżonn ta' użu ta' fondi fil-qasam tal-protezzjoni tal-wirt storiku tagħna? X'xogħol għamlet il-Fondazzjoni Patrimonju Malti matul din is-sena u x'inhi l-ħidma (action plan) li din il-Fondazzjoni se tagħmel matul is-sena li ġejja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni Patrimonju Malti m’hijiex entità governattiva.

Orkestra Filarmonika Nazzjonali — investiment

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex se tintuża ż-żieda ta' €400,000 fl-allokazzjoni għall-Orkestra Filarmonika Nazzjonali? Din se tintnefaq f'investiment kapitali, f'investiment fuq strumenti, jew f'pagi tal-mużiċisti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Iż-żieda ta' Euros 400,000 li ngħatat lill-Orkestra Filarmonika Nazzjonali ser jintużaw sabiex l-orkestra tkun tista’ ttejjeb l-operat tagħha. Dawn ser jinqasmu fuq is-segwenti: Investiment Kapitali - Titjieb tal-akwistika fil-post il-ġdid li ngħatat l-Orkestra. Investiment fl-Istrumenti - xiri ta' numru ta' instrumenti neċessarji. Impjiegi Ġodda - Żieda ta’ numru ta’ mużiċisti u żieda ta' numru ta’ impjegati oħra sabiex tissaħħaħ l-ammistrazzjoni u l-istruttura maniġerjali. Investiment fi Programmi Edukattivi - Żieda fi programmi edukattivi għall-istudenti u l-kumplament tal-poplu in ġenerali sabiex jiżdied l-apprezzament lejn l-orkestra, il-mużika klassika u lejn il-kultura mużikali.

Aġenzija taż-Żgħażagħ — ħaddiema assenjati

Question

Tista' l-Ministru tispjega x'se jkunu l-għanijiet tal-Aġenzija taż-Żgħażagħ? Min se jkun qed imexxi din l-Aġenzija? Kemm se jkun hemm ħaddiema assenjati ma' din l-Aġenzija? Din l-Aġenzija se tkun imwaqqfa b'liġi? Jekk iva, b'liema strument (Avviż Legali jew Att formali fil-Parlament)? Se jkun hemm rappreżentant ta' l-Oppożizzjoni fuq din l-Aġenzija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għan ewlieni ta’ din l-aġenzija ser ikun il-mainstreaming tal-interess u l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ fil-politika tal-gvern, hekk kif rifless fil-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ. L-aġenzija ser tkun qed tieħu ħsieb ukoll Ċentru ta’ Informazjzoni għaż-Żgħażagħ, kif ukoll tmexxi programmi ta’ Youth Empowerment filwaqt li tipprovdi servizzi oħra. Għadu prematur biex wieħed jirrispondi l-mistoqsijiet relatati ma’ strutturi legali u r-riżorsi umani.