B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21792 fejn il-Ministru qalet li hi infurmata li hemm tmien Board of Studies fl-MCAST, tista’ l-Ministru tgħid ta’ xiex inhuma dawn il-Board of Studies? Min qiegħed fuq dawn il-Board of Studies? Min jagħżel lil dawn il-membri tal-Board of Studies u b’liema proċedura?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Board of Studies tal-MCAST jiġu appuntati skont l-Att dwar l-Edukazzjoni Kapitlu 327, artiklu 98 (1).
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21755 tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Ministeru għall-LSEs? Xi pjanijiet hemm dwar ir-rwol ta’ dan il-grad? Hemm ħsieb ta’ xi bidliet jew tisħiħ? Il-Ministeru għandu pronostiċi jekk dawn hux se jonqsu jew jiżdiedu fis-snin li ġejjin? X’qed isir u x’se jsir biex tissaħħaħ il-professjonalità ta’ dan il-grad?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Ministeru jkompli jinċentiva t-taħriġ kontinwu professjonali ta' kull edukatur inkluż dak ta' LSE, bil-possibiltà li jkun hemm opportunità ta' avvanz fil-karriera tal-LSE.
In-numru ta’ LSEs ikun irregolat skont il-ħtieġa li hija msejsa fuq in-numru ta’ klassijiet u studenti fl-iskejjel primarji u n-numru ta’ studenti bi ħtiġijiet partikolari li jvarja minn żmien għal żmien.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk wara li kien ingħata x’jifhem li l-MCAST se tibda proċess biex issir Università jekk fil-fatt qattx kien beda l-process mall-awtoritajiet kompetenti biex l-MCAST ssir Universita?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-istrateġija tal-MCAST għas-snin li ġejjin hija riflessa fid-dokument ta' konsultazzjoni li l-istess MCAST ippubblika ftit tal-ġimgħat ilu.
Ministeru għall-Edukazzjoni — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa
Question
Tista’ l-Ministru telenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tagħha u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtha, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Għall-informazzjoni ta’ qabel is-sena 2018, nirreferi lill-Onorevoli interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 2392.
Il-flus li tħallsu lil impjegati fuq konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni għas-snin ta’ wara l-2018, kienu:
2018 - €63,394
2019 - €64,134
2020 - €71,902
2021 - €20,978 (sa Ġunju 2021)
Tista’ l-Ministru tgħid jekk tistax tara li jiġu organizzati ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni, anke jekk addattati għar-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, ta’ dawk l-istudenti li gradwaw is-sena li għaddiet imma ma kellhomx l-opportunità li jkollhom ċerimonja ta’ gradwazzjoni bħal eluf ta student oħra li gradwaw qabilhom u sal-lum għad għandhom tifkira tant sabiħa tal-isforzi kollha li għamlu biex jirnexxu?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li qed tiġi esplorata l-possibiltà li ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni jsiru malli l-Awtoritajiet konċernati jirrilaxxaw aktar miżuri sabiex avvenimenti bħal ma huma l-gradwazzjoni jkunu jistgħu jsiru.
MCAST – mandatt ta’ inibizzjoni dwar trasferiment ta’ għalliem bid-dottorat
Question
Tista’ l-Ministru tgħid hux minnu li l-MCAST għandu mandatt ta’ inibizzjoni dwar trasferiment ta’ għalliem bid-dottorat mill-MCAST? X’inhi l-pożizzjoni tal-Ministru dwar dan il-każ?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux ir-rwol tal-Ministru li jkun parteċipi fil-proċess ta' allokazzjonijiet minn fejn jagħtu s-servizz tagħhom l-edukaturi. Peress li l-imsemmi mandat huwa sub judice, mhuwiex prudenti li wieħed jgħaddi kwalunkwe kumment.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-pożizzjoni dwar l-akkuża tal-MUT ‘li l-MCAST bl-appoġġ tal-Ministeru għall-Edukazzjoni nfexx f’attakk fuq l-MUT u l-membri tagħha b’theddid ta’ azzjonijiet legali għaliex huwa ċar li l-MCAST u l-Ministeru ma jridux jilħqu ftehim?’
Response (CARUANA, JUSTYNE)
B’referenza għal din il-mistoqsija, irid jingħad li d-dover ta’ kull persuna fis-settur edukattiv, indipendentement mir-rwol li jokkupa, hu li jiddefendi l-interessi tal-istudenti. Sadanittant, kif ġie rappurtat fil-media lokali, intlaħaq ftehim bejn l-MCAST u l-MUT fit-22 ta’ Ġunju, 2021.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-pożizzjoni wara li nstabet ħatja mill-Ombudsman, flimkien maż-żewġ Ministri għall-Edukazzjoni ta’ qabilha bi ksur tad-drittijiet fundamentali tal-Union tal-Edukaturi Professjonali (UPE), li lura f’Ġunju tal-2020 kienet resqet ilment kontra l-Ministru għall-Edukazzjoni dwar diskriminazzjoni li saret fil-konfront tagħha u l-membri li tirrappreżenta fejn talbet li jkollha aċċess fl-iskejjel, liema aċċess li kien injorat minn tliet Ministri għall-Edukazzjoni differenti?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Irrid nikkjarifika mal-Onor. Interpellant li filwaqt li jien ma nstabtx ħatja b’xi ksur tad-drittijiet fundamentali, jiena konxja minn rakkomandazzjoni li għadda l-Kummissarju għall-Edukazzjoni fuq il-każ imsemmi.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-karta tal-eżami tal-benchmark tal-Malti ħarġu mistoqsijiet dwar topics tal-grammatika li mhux fis-sillabu u jekk hu minnu x’deċiżjonijiet ittieħdu min-naħa tal-Ministeru?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li din kienet mistoqsija waħda dwar topik wieħed tal-grammatika ta' marka waħda biss. F'każijiet bħal dawn, id-Direttorat responsabbli jieħu dawk il-passi neċessarji sabiex l-istudenti ma jiġux ippenalizzati minħabba żball li huma ma jaħtux.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru totali ta’ Supply Teachers? Kemm minnhom huma fis-suġġetti vokazzjonali? Kemm minn dawn is-supply teachers għandhom degree fis-suġġett li qegħdin jgħallmu u kemm minnhom qed jagħmlu Masters in teaching? Kemm minn dawn is-supply teachers għandhom sa livell avvanzat (A Level) fis-suġġett jew anqas? Kemm minn dawn is-supply teachers għandhom temporary warrant?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li n-numru totali ta’ Supply Teachers huwa ta’ 321, li minnhom 30 jgħallmu suġġett vokazzjonali. Is-Supply Teachers kollha għandhom tal-anqas livell avvanzat fis-suġġett li qegħdin jgħallmu u kollha għandhom temporary warrant.
Il-Ministeru ma jkunx infurmat liema minn dawn l-għalliema qed isegwu l-Masters in Teaching and Learning minħabba li din l-informazzjoni hija protetta skont il-GDPR.
Tista’ l-Ministru tgħid xi programmi jew inizjattivi konkreti jeżistu fil-qasam edukattiv biex jiġu megħjuna l-istudenti li jinsabu f’riskju tal-faqar jew qegħdin jgħixu fil-faqar? Mill-aħħar figuri li għandha l-Ministru f’idejha, kemm huwa stmat li hawn tfal f’riskju tal-faqar jew qegħdin jgħixu fil-faqar?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Edukazzjoni jopera Skema 9 li hija miżura nazzjonali tal-baġit intenzjonata li ttejjeb il-ħajja tal-istudenti fl-iskejjel primarji, medji u sekondarji (etajiet minn 3 sa 16) li jgħixu f’ambjenti familjari u kulturali żvantaġġjati sabiex dawn ikollhom esperjenzi u żvilupp edukattiv aħjar fl-iskola.
Din l-inizjattiva tkopri għoti ta’ kolazzjon, xiri ta’ uniformijiet, għoti ta’ stationery u photocopies u attivitajiet ekstrakurrikulari.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti, ċittadini ta' Malta, li jattendu l-Iskejjel Ewropej, skola b'skola u skont iċ-ċiklu (nursery, primarja jew sekondarja)?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li n-numru ta’ studenti, ċittadini ta’ Malta, li jattendu fl-iskejjel Ewropej huwa 163. It-tagħrif l-ieħor mitlub huwa kif se nsemmi:
Nursery/Kinder - 21 student li jattendu skejjel fi Bruxelles u l-Lussemburgu;
Primarja - 79 student li jattendu skejjel fi Bruxelles, Frankfurt, Lussemburgu u Munich;
Sekondarja - 63 student li jattendu skejjel fi Bruxelles, Lussemburgu u Varese.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21756, tista’ l-Ministru tgħid kif se jintefqu l- €50,000 lill-Iskola Primarja ta’ Bormla mħollija fil-wirt ta’ persuna privata? Tista’ tgħid meta dawn il-fondi għaddew għand l-Iskola ta’ Bormla? Tista’ tgħid kif ġie deċiż li jintefqu l-flus li skont ix-xewqa tal-individwu dawn iridu jintefqu għall-ġid tal-akbar numru ta’ studenti ta’ din l-iskola?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-flus ser jintefqu b’diversi modi skont il-ħtiġijiet tal-istudenti u skont kif approvat minn bord imwaqqaf apposta u li jinkludi lill-amministratur ta’ dan il-wirt kif maħtur mit-testatur. Il-fondi għaddew għand l-iskola fit-8 ta’ Mejju 2020.
Ministeru għall-Edukazzjoni — żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm xi żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtha fl-2020 u 2021? Jekk iva ta’ kemm kienet din iż-żieda?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19901.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa maħsub li jingħataw professorati fl-MCAST fil-ħames snin li ġejjin?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. interpellant li fil-proċess biex jiġi assenjat professorat, l-MCAST telenka l-kwalitajiet li wieħed għandu jkollu sabiex jikkwalifika u jingħata dan il-professorat. Il-Bord tal-Gvernaturi diġà għandu fis-seħħ ir-rekwiżiti tal-kwalitajiet li lettur għandu jkollu sabiex jikkwalifika għal professorat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman ġew adottati jew rifjutati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni? Liema huma dawn ir-rakkomandazzjonijiet? X’inhi r-raġuni?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant jikkjarifika l-mistoqsija tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk għadx hemm pjan biex l-MCAST issir Università skont il-liġi Maltija?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma l-Onor. interpellant li l-MCAST huwa Kulleġġ Vokazzjonali u Professjonali li joffri edukazzjoni u taħriġ f’kull livell tal-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Fl-istrateġija għas-snin 2022-2027, il-Kulleġġ qed jimmira biex ikun aktar qrib tal-komunità Maltija kemm bħala post kif ukoll fl-operat tiegħu.
Tista’ l-Ministru tgħid x’se jinvolvi l-proġett ta’ Research Hub fl-MCAST? Kemm se jiswa? Sa meta se jkun lest kollu? X’tip ta’ riċerka se jkun qed isir bis-saħħa tar-Research Hub?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li n-nefqa totali għall-Binja fejn ser ikun hemm ir-Research Hub tammonta għal €9,794,678.90. F’din il-binja, barra r-Research Hub ser ikun hemm faċilitajiet oħra anċillari. Huwa ppjanat li l-Binja tkun lesta fl-aħħar kwart ta’ din is-sena. Fir-Research Hub sejra ssir riċerka applikata, bħal l-qasam tal-ilma, informatika, intelliġenza artifiċjali, pedagoġija, loġistika, saħħa innovattiva, u inġinerija fost l-oħrajn.