Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — ħaddiema reġistrati b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tiegħu u x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24614.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tad-direct orders kollha li huwa awtorizza matul is-snin 2022, 2023 u 2024? Jista’ għal kull direct order jagħti l-ammont involut, lil min ingħata u għal liema skop? Jista’ jgħid ukoll għalfejn kellha tingħata direct order minflok sejħa pubblika għal kull wieħed?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-proċeduri ta’ akkwisti spjegati fir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku għaliex l-awtorizzazzjoni tad-direct orders mhux fir-responsabbilità tiegħi. Għaldaqstant il-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull xiri li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Awtorità tal-Artijiet — Kuntratti mal-Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24648 u jgħid kemm saru kuntratti bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar u jipprovdi l-lokalità tal-artijiet jew proprjetajiet li għaddew?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-2017 sal-2024 saru 266 kuntratt bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tad-Djar. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri l-lokalitàjiet varji li fihom saru dawn il-kuntratti.

Ir-Rabat Għawdex — Esproprjazzjoni ta’ art

Question

B’referenza għall-esproprjazzjoni ta’ art fi Triq Għajn Qatet, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-estratt mill-Gazzetta tal-Gvern dwar dan l-esproprju?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument mitlub.

Ir-Rabat, Għawdex — Binja fuq l-Għolja tal-Gelmus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-binja fuq l-Għolja tal-Gelmus fir-Rabat, Għawdex, magħrufa wkoll bħala d-Dar tal-Arċipriet Cassar, hijiex proprjetà tal-Gvern?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor .Interpellanta li ninsab infurmat li l-binja msemmija m’hijiex proprietà tal-Gvern.

Il-Mosta – proċess ta’ akkwist ta’ art fl-inħawi tad-Dib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proċess ta' akkwist ta' art fil-Mosta marbut ma’ plots li kienu ngħataw mill-Awtorità tad-Djar fil-Mosta fl-inħawi tad-Dib fejn illum hemm triq il-Mitħna?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet tinsab fil-proċess li tgħaddi l-art akkwistata fl-inħawi tad-Dib lill-Awtorità tad-Djar. ( Informazzjoni Addizzjoni: Ara Dokument PL 4934 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 307 tat-Tlieta, 4 ta' Frar 2025.)

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni (traffic fine) weħel il-Ministeru tiegħu minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x'pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Manual on Transport and Travel Policies and Procedures, li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra. Dan il- manwal jagħti linji gwida dwar kif għandhom jiġu trattati iċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku relatati ma' karozzi tal-Gvern, inkluż il-ħlas taċ-ċitazzjoni.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Kiri ta’ karozzi — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f’seduta oħra

Is-Salini f’Delimara – Għeluq tal-aċċess għall-pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk inħariġx permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jingħalaq l-aċċess għall-pubbliku għas-Salini ta’ bejn il-Kalanka t-Tawwalija u Għar Bella f'Delimara, minn triq li minn Triq Delimara n-naħa tal-Kalanka t-Tawwalija kienet tagħti għal din il-parti tas-Salini?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (a) jekk għandux it-tieni karozza jew car allowance apparti l-karozza uffiċjali għal użu tiegħu; (b) x’tip ta' karozzi huma (ditta) u jekk hux electric vehicles jew jaħdimx bi fuel konvenzjonali u jekk f'każ ta' fuel konvenzjonali, kemm intuża fuel kull xahar minn kull karozza minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (c) Jekk jintuża fuel konvenzjonali għal dawn il-karozzi, minn fejn jinxtara l-fuel għalihom? (d) Jekk għandu t-tieni karozza jew car allowance, min jagħmel użu minn din il-karozza meta l-Ministru jkun qed juża l-karozza uffiċjali tiegħu? (e) Jekk kull karozza hiex tal-kiri jew inxtratx mill-Gvern u jekk f'każ li hi mikrija kemm titħallas kera kull xahar għal kull karozza u jekk mixtrija mill-Gvern kemm kienet l-ispiża biex inxtrat kull karozza? (f) Jekk kull karozza tinżammx f’garaxx meta ma tkunx użata, u jekk tinżamm f’garaxx titħallasx kera għal tali garage? Jekk fl-affermattiv, kemm titħallas kera fix-xahar għal tali garage u min hu l-benefiċjarju ta' tali kera?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi m’għandix it-tieni karozza u qed titħaddem il-proċedura stabbilita.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Dikjarazzjoni tal-Assi għas-sena 2023

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dikjarazzjoni tal-assi tiegħu għas-sena 2023?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nr 24591.

PA /07295/24 u PA 07490/24 — Ftehim

Question

Jista’ l-Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23326 u ċjoè: In vista tal-applikazzjonijiet ta’ żvilupp, PA/07295/24 u PA/07490/24, ta’ Istitut - f'Ta’ Ġiorni, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-kuntratt ta’ trasferiment mill-Gvern Malti lill-Gvern Libjan fl-1976 u kwalunkwe emenda li saret lill-istess kuntratt tul iż-żmien? Jista’ wkoll jipprovdi kopja ta’ kwalunkwe ftehim dwar is-sit, inklużi dawk tal-2013 fejn il-Gvern Libjan intrabat li jinvesti 22.4 miljun Ewro fi żvilupp tas-sit għal studenti internazzjonali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti tal-1976 u tal-1979. Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-Ministeru kkonċernat għall-kumplament tal-mistoqsija.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali — Konsulenti Maltin u barranin

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' konsulenti Maltin u barranin (individwi jew kumpaniji) li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamel użu minnhom minn 2020 sal-aħħar ta' Ottubru 2023? Jista' jgħid ukoll jekk kull servizz mogħti ġiex magħżul wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw? Għal kemm perjodu ta' żmien kienu ingaġġati? Jekk iżjed minn sena jew term wieħed, għal kemm-il term jew sena mill-ewwel darba li ġew appuntati biex jagħtu dan is-servizz ilhom jagħmlu dan? Kemm kienu l-fees u spejjeż oħra relatati li tħallsu? Jekk il-każ fuq it-terminu ta' żmien li matulu kienu qed jipprovdu dan is-servizz, kemm tħalsu globalment fuq medda ta' żmien min mindu ġew appuntati l-ewwel darba? Kemm kienet ir-rata kull siegħa tal-fees li tħallsu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20927.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista’ jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Direct Orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 sat-8 ta’ Jannar 2025?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Awtorità tal-Artijiet – Ċens temporanju u ċens perpetwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet fl-2022, 2023 u 2024 lill-Awtorità tal-Artijiet dwar kuntratti ta’ ċens temporanju kif ukoll ta’ ċens perpetwu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Awtorità tal-Artijiet – kuntratti ma’ SportMalta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru kuntratti bejn l-Awtorità tal-Artijiet u SportMalta u liema artijiet jew proprjetajiet ġew trasferiti permezz ta’ dawn il-kuntratti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba

Ministeru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 12048 u 18991 u jgħid kemm nefaq flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid jekk bagħatx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Jista’ jgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21840.