Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — tender/direct order lill-kumpanija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18206, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx tender jew direct order lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sissa? Jekk iva, jista' jagħti l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kumpanija li d-dettalji dwarha ngħataw separatament ma ngħatat l-ebda tender jew direct order la mill-Ministeru tiegħi u lanqas mill-entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim kollettiv tal-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali li huwa bbażat fuq Direttiva 7 – Struttura ta’ Salarju skont l-IRU skada fil-31 ta’ Diċembru 2020, u bħalissa jinsabu għaddejjin diskussjonijiet ta’ negozjat. Inżid li hi l-prassi li kull fejn ikun hemm ftehim kollettiv skadut, in-negozjati għal ftehim ġdid jesiġu li dan jibda jgħodd proprju minn meta jieqaf ta’ qablu.

Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

Kemm ilha mwaqqfa l-Awtorità tal-Istandards ta' Ħarsien Soċjali sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda, jista' l-Ministru jindika kemm-il ilment tressqu dwar Ċentri ta' Matul il-Jum fil-Qasam tad-Diżabilità, f'Ċentri ta' Matul il-Jum għall-Anzjani u f'Djar tal-Anzjani?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali f’kemm ilha mwaqfa sal-ġurnata tal-llum irċeviet 370 ilment bħala total dwar iċ-ċentri msemmija.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — konsulenti maħtura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tal-Anzjani u l-Anzjanità Attiva għandu ħames konsulenti maħtura u d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandu sitt proġetti kapitali, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għandha proġett wieħed, filwaqt li San Vinċenz De Paule għandu disa’ proġetti kapitali. Id-dettalji ta’ dawn il-proġetti kapitali ta’ kull entità li jaqgħu fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza San Vinċenz de Paule – waiting list

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew fuq il-waiting list biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant li San Vinċenz de Paule addotta sistema ta’ prijorita’ bbażata fuq urġenza medika u fuq livell ta’ dipendenza u għaldaqstant hemm tliet kategoriji maqsuma skont l-urġenza, bl-ewwel kategorija klassifikata bħala l-aktar urġenti. Fl-ewwel kategorija hemm 22 persuna, fit-tieni kategorija hemm 55 persuna u fit-tielet kategorija hemm 846 persuna li qedgħin jistennew biex jidħlu f’San Vinċenz de Paule.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – restrooms għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il restroom fil-binja tal-Ministeru tiegħu hija aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm 3 restrooms fi ħdan il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva li huma aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali.

Għawdex – anzjani f’hotel – aċċess għall-familjari

Question

Jista' l-Ministru jiżgura li l-familjari tal-anzjani li qegħdin jinżammu fil-preżent fid-Downtown Hotel fir-Rabat, Għawdex ikollhom aċċess regulari għar-residenti u dan anke b'mezzi diġitali ħalli tiġi żgurata s-saħħa ta' kulħadd?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Stewart Health Care qed joffri s-servizz tal-Ward Sant’ Anna mid-Downtown Hotel b’mod temporanju u bl- liċenzja ta’ emerġenza f’ċirkostanzi eċċezzjonali skont l-A.L. 74 tal-2020. Madankollu, fid-Downtown Hotel hemm aċċess għall-wifi u għaldaqstant, dwar dawn in-nuqqasijiet imsemmija, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għamlet rakkomandazzjonijiet u qed tissorvelja l-pjan ta’ azzjoni ppreżentat.

Djar Residenzjali għall-Anzjani — lista

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi lill-Kamra lista, bl-isem tad-Djar Residenzjali għall-Anzjani kemm dawk tal-Gvern kif ukoll dwar tal-privat, li jinsabu kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ residenti li jistgħu jkunu akkomodati f’kull Residenza separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn 39 Dar Residenzjali għall-Anzjani, hemm żewġt idjar li għandhom is-servizz sospiż minħabba li għadejjin bix-xogħlijiet ta’ rinovar u manutenzjoni. Madankollu, il-lista sħiha tad-Djar Residenzjali tal-Anzjani li jinsabu kemm f’Malta u f’Għawdex kif ukoll in-numru ta’ residenti li jistgħu jkunu akkomodati f’kull residenza tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – tender/direct orders lil kumpanija/individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu taw xi tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2013 sa issa? Jekk iva, jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva, kif ukoll l-entitajiet fi ħdan dan il-Ministeru ma taw l-ebda tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom ingħataw separatament mill-2013 sa issa.

Ministeru għall-Anzjani u Anzjanità Attiva – komunikazzjonijiet bil-miktub aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħtu sabiex jara li komunikazzjonijiet bil-miktub ta' kull tip li jintbagħtu bil-posta jew mezzi oħra, ikunu f'format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

L-Onor. Interpellant għandu jkun mgħarraf li, waqt li l-ebda ministeru jew entità fi ħdan il-Gvern m’għandu aċċess għal informazzjoni dwar persuni b’diżabilità u x’tip ta’ diżabilità jsofru minnhom, hu prattikament impossibbli li kull korrispondenza li tintbagħat bil-posta tradizzjonali tkun ukoll f’format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl.Minkejja dan, fil-każ ta’ korrispondenza diġitali, nixtieq intenni li l-entità governattiva Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġika tal-Informatika (FITA) toffri dan is-servizz lil kull individwu jew entitaijet li jitolbu din l-għajnuna biex jaqdu l-klijentela tagħhom bi spiża mħallsa mill-individwu jew l-entità. Fil-fatt dawk li, minn jeddhom jitolbu l-assistenza tal-istess Fondazzjoni, jiġu ggwidati fl-installazzjoni ta’ programm apposta (software) biex il-kompjuter personali tagħhom ikun jista’ jaqralhom kull imejl li jirċievu, inkluż bl-ilsien Malti. It-taħriġ hu bi ħlas, filwaqt li l-programm hu b’xejn.Nenfasizza li kull każ jiġi kkunsidrat fuq il-bażi individwali, inkluż biex tintuża l-aħjar teknoloġija assistiva, li tvarja minn Optical Character Recognition (OCR), Screen Reader, Braille jew anke tipa mkabbra. L-istess assistenza tvarja wkoll skont l-apparat li jkun se jintuża għal dan il-għan, bħal PC/laptop, mobile u/jew tablet, u anke skont il-platform użat, jiġifieri Windows jew MAC, Android jew Apple, eċċ.

Carers – ingaġġ ta’ barranin

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-kumpanija li tipprovdi l-carers fir-Residenza San Vinċenz de Paule Health Care qed timpjega l-barranin minflok il-Maltin? Jista’ jgħid għalfejn il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament marret għall-interview ma’ kandidati barranin u ġew impjegati l-barranin minflokha? Fil-fatt l-istess persuni barranin li għamlu l-kors magħha, ġew mibgħuta jagħmlu interview mill-Health Care u hi anqas biss issejħet għall-interview u dan meta l-JobsPlus qed tirreklama li hemm vakanzi ta’ carers u fil-fatt din il-persuna ġiet riferuta għand il-Health Care mill-JobsPlus stess u dan meta din il-persuna għamlet kors ta’ erba’ xhur għal carer u għaddiet mill-eżami finali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-reġistrazzjoni tal-carers mal-Kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-carers huwa kompletament f’idejn il-Kumpanija.

Servizz tas-Social Workers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 18260 u jgħid kemm hemm social workers li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani? X’inhija l-lista ta’ stennija biex anzjani jirċievu dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent hemm tmien social workers li jaħdmu fil-qasam tal-anzjani. Fil-preżent m’hemmx lista ta’ stennija biex anzjani jirċievu dan is-servizz.

Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk is-servizzi fejn l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali tagħmel moniteraġġ biex tara li dawn is-servizzi qed jingħataw b’mod professjonali?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali fir-rigward ta’ servizzi li jikkonċerna s-settur tal-anzjani u l-anzjanita’ attiva twettaq moniteraġġ f’servizzi ta’ Ħarsien Soċjali fuq bażi residenzjali, kura għall-anzjani b’kundizzjonijiet kroniċi u dipendenza għolja, ċentri ta’ matul il-jum, ‘respite’, ‘shelters’ u akkomodazzjoni temporanja, kif ukoll iservizzi speċjalizzati għall-anzjani bid-dimensja.

Ilmenti fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ lmenti għal kull Dar Residenzjali tal-Gvern f’din il-Leġiżlatura? Fuqiex kienu jikkonsistu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx indirizzati?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali rċeviet 27 ilment u d-Direttorat għal Anzjanita’ Attiva u Kura fil-Komunita’ rċieva 189 ilment u dawn ġew indirizzati. Tabella li turi l-ammont ta’ lmenti għal kull residenza kif ukoll dwar x’hiex kienu jikkonsistu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Karma.

Dar l-Annunzjata — xiri ta' sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif wasal għal ftehim mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għax-xiri ta’ 190 sodda fid-Dar tal-Anzjani Dar l-Annunzjata u jindika jekk dan il-ftehim sarx wara li nħarġet sejħa pubblika u jekk le jagħti spjegazzjoni tal-proċedura li ntużat biex jiġi konkluż dan il-ftehim?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-negotiated procedure mal-kumpanija msemmija saret fuq 109 sodda. Il-Gvern qatt ma joħroġ sejħa pubblika sabiex jixtri sodod fil-privat iżda juża metodu ta’ negotiated procedure without prior publication mal-privat skont il-bżonn ta’ sodod. Dan il-bżonn joħroġ mill-lista ta’ stennija, bl-approvazzjoni neċessarji tad-Dipartment tal- Kuntratti, kif dejjem sar s’issa.

Dar l-Annunzjata — xiri ta' sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-ftehim għax-xiri ta’ 190 sodda fid-Dar l-Annunzjata mal-kumpanija li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament hux diġà ġie ffirmat, u jekk iva jgħid id-data ta’ meta ġie ffirmat u jippreżenta kopja tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ftehim għax-xiri ta’ 109 sodod mal-kumpanija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament qiegħed fl-aħħar stadji biex ikun konkluż.

Dar l-Annunzjata — akkwist ta' sodod

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta seħħet l-ewwel laqgħa mal-kumpanija li d-dettajli dwarha qed jingħataw separatament fir-rigward tal-akkwist mill-gvern tal-maġġor parti tas-sodod li se jkunu preparati fir-residenza li se tissemma Dar l-Annunzjata u jgħid min kien preżenti għal dawn il-laqgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel laqgħa mal-Kumpanija msemmija saret fl-24 ta’ Lulju 2020 u kien hemm preżenti l-maniġment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva – tender jew direct order lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema perjodu qed jirreferi.

Servizz tal-Home Help

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ttieħdu sabiex jitjieb is-servizz tal-Home Help f’dawn l-aħħar sentejn u sad-data li tiġi imwieġba din il-mistoqsija? Kemm jiswa dan is-servizz kull sena u kemm hemm persuni li qed jirċievu dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar sentejn saret riforma sħiħa fis-servizz tal-Għajuna fid-Dar, bl-għan li s-servizz jingħata lill-klijenti fl-iqsar żmien possibbli u skont il-bżonnijiet individwali tal-klijenti anzjani. Ir-riforma kienet tinkludi: · Tibdil fl-immaniġjar tas-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar. · Ingaġġar ta’ Manager 1 biex tgħin fix-xogħol tal-amministrazzjoni. · Saru laqgħat regolari, kemm mal-maniġment tal-AACC kif ukoll mal-impjegati kollha tas-sessjoni tal-Għajnuna fid-Dar, bil-għan li jiġu esplorati toroq ġodda ta’ kif jista’ jittejjeb is-servizz. · Ġiet imsaħħa r-relazzjoni u l-kollaborazzjoni bejn is-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar u l-kuntrattur li jipprovdi l-Helpers biex jagħtu servizz lill-klijenti. · Ingaġġar ta’ Supervisors biex ikunu jistgħu jiġi segwiti l-klijenti fil-lokalitajiet kollha ta’ Malta. · Is-supervisors intbagħtu jsegwu diversi korsijiet, konferenzi u seminars sabiex ikunu jistgħu jipprovdu servizz aħjar u aktar effettiv għall-klijenti anzjani. · Is-supervisors ingħataw aktar flessibiltà sabiex ikunu jistgħu jwettqu żjarat għand il-klijenti skont l-urġenza u l-bżonnijiet tal-klijenti, kif ukoll skont l-esiġenzi tas-servizz. · Ġie mmexxi seminar minn żewġ membri tal-Bord tal-Għajnuna fid-Dar lill-professjonisti kollha li jassessjaw lill-klijenti anzjani, biex kull assessjar li jsir ikun jista’ jiġi użat mill-Bord tal-Għajnuna fid-Dar. · Saru laqgħat mas-sezzjoni tas-Social Work sabiex il-proċess tal-assessjar tal-klijenti jsir skont il-prijoritajiet u l-bżonnijiet individwali tal-klijenti. · L-assessjar tal-klijenti infirex fuq diversi professjonisti biex b’hekk jitħaffef il-proċess tal-assessjar tal-klijenti ġodda. · Il-parti tal-applikazzjoni li tikkonċerna l-Għajnuna fid-Dar ġiet riveduta biex tinkludi rapport mediku ta’ kull persuna ʼl fuq minn 65 sena li tkun tgħix fir-residenza. B’hekk tnaqqset l-istennija għall-evidenza medika meta din tkun rikjesta mill-Bord tal-Għajnuna fid-Dar. · Ġew introdotti prijoritajiet skont il-bżonnijiet individwali tal-klijenti biex tingħata prijorità lill-klijenti li huma l-aktar fil-bżonn. Fosthom ġiet introdotta t-Temporary Home Assistance (THA) fejn tingħata għajnuna immedjata ta’ sagħtejn fil-ġimgħa lill-klijenti sakemm jiġi approvat is-servizz mill-Bord tal-Għajnuna fid-Dar. · Ġie implimentat il-protokol tal-75+ fejn l-applikanti kollha li għandhom ʼil fuq minn 75 sena u li jgħixu waħedhom, awtomatikament jingħataw sagħtejn servizz fil-ġimgħa. · Ġew implimentati proċeduri regolarizzati biex jingħata servizz aktar effiċjenti u tiġi ffaċilitata l-amministrazzjoni tas-servizz. · Ġiet maħtura persuna mis-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar fuq il-Bord tal-Għajnuna fid-Dar biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu kklarifikati xi diffikultajiet li jista’ jiltaqa’ magħhom il-Bord b’mod immedjat. · Saru laqgħat regolari bejn membri tal-amministrazzjoni min-naħa tal-kuntrattur u s-sezzjoni tal-Għajnuna fid-Dar sabiex jiġu solvuti każijiet fejn ikun hemm problemi ma’ klijenti jew ċirkustanzi diffiċli. · Ġiet imnedija l-iskema tas-sussidju fejn il-klijenti jkunu jistgħu jimpjegaw Helper tal-għażla tagħhom skont is-sigħat approvati mill-Bord tal-Għajuna fid-Dar, u jirċievu sussidju ta’ €5.50 għal kull siegħa ta’ servizz. Dan is-servizz ġie jiswa €2,052,857 fis-sena 2019 u €2,317,404 fis-sena 2020 u kien hemm 4301 persuni li qed jirċievu dan is-servizz sal-31 ta’ Diċembru 2020.