Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xlendi – Proġett ta’ Riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10132 dwar il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi, tista’ l-Ministru tgħid fiex waslu l-istudji tekniċi meħtieġa sabiex tiddisinja l-pumping station adekwata u jinbidlu wkoll il-pajpijiet li jwasslu għas-sentina', Tista’ l-Ministru tgħid kemm se tkun l-ispiża u kemm se jieħu żmien dan ix-xogħol biex jitwettaq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif spjegajt fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10132, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma mhix responsabbli mill-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ fit-totalità tiegħu, iżda mill-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ kif ukoll il-pumping station. Ninsab infurmata li l-istudji ġeoloġiċi u d-disinni kemm tal-pumping station kif ukoll tan-network tal-madwar tlestew u qed titħejja l-applikazzjoni sabiex tiġi sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar. Dawn ix-xogħlijiet huma stmati li ser jiswew madwar €2.5 miljun u mistennija jieħdu madwar sena minn meta jinbdew biex jitlestew.

Ta’ Ċenċ — Xogħlijiet mill-Water Services Corporation

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu u ser ikunu jikkonsistu x-xogħlijiet li nbdew f'dawn l-aħħar ġranet mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fit-triq li twassal għall-ġibjuni tal-WSC ġewwa Ta' Ċenċ, Għawdex? Tista’ tgħid kemm hu stmat li ser jiġu jiswew dawn ix-xogħlijiet kif ukoll tagħti timeframes ta' meta ħa jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-proġett huwa maħsub biex jintegra ż-żewġ ġibjuni prinċipali t’Għawdex. L-għan ewlieni tiegħu huwa sabiex il-konsumatur igawdi minn kwalità ta’ ilma aħjar, jiġi ffaċilitat it-taħlit tal-ilma fil-ġibjuni, kif ukoll tissaħħaħ il-pressa tal-ilma madwar Għawdex kollu. Dan il-proġett huwa ppjanat li ser jieħu madwar sena biex jitlesa u stmat li se jiswa madwar €500,000.

Għawdex — Bajja tax-Xatt l-Aħmar - Ħruġ tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x' inhuma r-raġunijiet għala f' dawn l-aħħar ġimgħat f' diversi ġranet kien hemm ħrug ta’ drenaġġ mill-impjant tal-Fessej għal ġol-bajja tax-Xatt l-Aħmar u ż-żoni tal-madwar fejn anki jgħumu n-nies? Tista’ tgħid fil-konkret x' inhu jsir biex din il-problema tissolva darba għal dejjem?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi preżentament qiegħda ssir manutenzjoni fis-sistema tad-drenaġġ li twassal l-ilma mill-Imġarr għall-impjant tat-trattament. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qiegħda wkoll tfassal pjan sabiex din is-sistema tiġi mibdula għal waħda iktar moderna.

Ġonna privati żviluppati għall-pubbliku

Question

Peress li kien ġie mwiegħed li ser jinxtraw ġonna privati biex il-Gvern jiżviluppahom għall-pubbliku, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx xi proġett ta' dan it-tip?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12813.

Demarkazzjoni ta’ żoni u passaġġi pubbliċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk bediex jew le l-proċess ta' demarkazzjoni ċara taż-żoni u passaġġi pubbliċi sabiex il-poplu jkollu aċċess għal spazji miftuħa kif kien imwiegħed? Tista’ tgħid ukoll jekk inħolqitx il-mobile app. li se tkun tista’ tindika dan kif kien imwiegħed ukoll?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta diġà bdiet b’diskussjonijiet neċessarji ma’ NGOs biex jiġu identifikati u stabbiliti żoni li joffru aċċess lill-pubbliku għal passaġġi u spazji miftuħa. Dawn id-diskussjonijet wasslu biex saru numru ta’ interventi fiż-żona tad-Dwejra (limiti ta’ Binġemma) u oħra fil-Fgura biswit il-Cottonera Lines (ħdejn l-Polverista Gate), kif ukoll tul Victoria Lines (li jwasslu minn Fomm ir-Riħ sal-Madliena). Permezz ta’ dawn l-interventi ngħataw aktar minn 8,000 metru kwadru fi spazji miftuħa lill-pubbliku u iżjed minn 10 kilometri ta’ passaġġ tul il-Victoria Lines. Sadanittant, ninsab infurmata li qed tinġabar l-informazzjoni relatata ma’ dawn iż-żoni biex tiġi formulata l-mobile app li ser tkun qed toffri informazzjoni lill-pubbliku.

Green networks għall-eżerċizzju fiżiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk inbediex xi pjan għal green networks biex in-nies ikollhom aċċess għal spazji miftuħa akbar fejn jagħmlu eżerċizzju fiżiku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12815, u nfakkar li fi tweġibiet ta’ mistoqsijiet parlamentari oħra preċedenti elenkajt diversi drabi x-xogħol kbir li qed isir biex nipprovdu spazji ħodor fid-diversi lokalitajiet ta’ pajjiżna. Hemm għaddej ukoll xogħol sabiex jissaħħu iżjed il-green networks. Hemm ukoll ippjanat studju dwar link li tieħdok mill-Mellieħa sax-Xgħajra biex wieħed jara kif ikun l-aħjar metodu li din issir bl-iżjed mod konvenjenti għaċ-ċittadin.

Il-Floriana – Proġett ta’ Triq Sant’Anna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proġett ta' Triq Sant’ Anna, ġewwa l-Floriana, fejn kien ġie mwiegħed li t-traffiku se jgħaddi kollu minn taħt l-art u tinħoloq żona pedonali sal-Pjazza ta’ Kastilja?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li din is-sena tlestiet l-evalwazzjoni tar-rapporti tekniċi mibgħutin mill-entità li wettqet l-istudju għall-proġett ta’ Triq Sant’ Anna, fil-Floriana. Sadanittant, qed isir it-tfassil biex jinħarġu is-sejħiet għall-offerti biex isiru studji oħra neċessarji dwar dan il-proġett.

Direttorat għas-Saħħa Ambjentali – ilment minn residenti

Question

B’referenza għal ilment li sar erba’ xhur ilu minn numru ta’ residenti lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali (Sanità) bit-tracking number 2351/2023, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-ilment u t-tweġiba għalih?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Konsulenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat magħha f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u tgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-lista ta’ policy consultants ingaġġati fuq bażi ta’ person of trust jew position of trust tas-Segretarjat tal-Ministru hi skont il-Manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Infurmata li fil-preżent hemm 7 policy conultants scale 3 u 2 policy consultants scale 5.

Enemalta – Xiri ta’ elettriku — Awditjar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk isirx xi forma ta' awditjar indipendenti fuq id-deċiżjonijiet ta' xiri ta' elettriku li tkun qed tagħmel l-Enemalta? Jekk iva, kif isir dan l-awditjar u minn min?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xiri tal-elettriku huwa inkluż fil-pjan ta’ tliet snin ta’ verifika interna tal-kumpanija, li huwa ppjanat li jinbeda lejn l-aħħar ta’ din is-sena u li jiġi konkluż sal-bidu tal-2024. Ix-xiri tal-elettriku li tagħmel Enemalta jaqa’ taħt il-cost of sales tal-kumpanija, li jagħmel parti mid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati tagħha u li huma verifikati mill-awdituri esterni tal-kumpanija.

Sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku — Pjan ta' investiment

Question

Tista' l-Ministru tippubblika l-pjan ta' investiment ta' €30 miljun f'sena waħda li l-Gvern ħabbar li ser jagħmel fis-sistema ta' distribuzzjoni tal-elettriku, u tagħti break down dettaljat ta' x'ser isir u x'ser jintefaq tal-inqas sa Ġunju li ġej, inkluż Distribution Centres ġodda u/jew upgrades, substations, cables ġodda u/jew reinforcements?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Enemalta tinsab fi stadju avvanzat għall-ippjanar ta’ Ċentru tad-Distribuzzjoni ġdid fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi, filwaqt li għaddejja bi pjanijiet għall-bini ta’ żewġ ċentri oħrajn ġodda li se jsiru fir-Rabat u fil-Kottonera. Għaddejjin ukoll pjanijiet sabiex tirdoppja l-kapaċità fiċ-Ċentri tad-Distribuzzjoni tal-Imsida u St Andrews. L-Enemalta għaddejja wkoll bi pjan aċċellerat fis-sistema ta’ distribuzzjoni tagħha, fejn kull sena qed jiġu kkummissjonati medja ta’ bejn 40 u 50 substation ġdida, u jsiru għadd t’upgrades f’substations differenti. Qegħdin jitpoġġew ukoll għadd ta’ feeders li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumaturi, u kilometri ta’ cables oħrajn fuq livell ta’ 11kV u 33kV. Barra minn hekk, l-Enemalta għaddejja wkoll bi proġett t’automation, li huwa mmirat biex is-substations tagħha jkunu jistgħu jiġu kkontrollati miċ-ċenrtu ta’ kontroll fil-Marsa, u f’każ ta’ ħsara, fejn ikun possibbli jonqos il-ħin t’interruzzjoni.

Magħtab — Waste-to-energy plant

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12606 u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tender documents kollha, ta' kull stadju tal-proġett tal-Waste-to-Energy facility imħabbar għall-Magħtab?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Baġit 2023 – Miżura dwar proġetti ħodor minn SMEs

Question

B’referenza għal miżura tal-Baġit 2023 li permezz tagħha twessgħet l-eliġibbiltà tal-SME Tailored Facility tal-Bank Malti għall-Iżvilupp (MDB) biex ikunu jistgħu jsiru aktar proġetti ħodor, anke mis-settur privat, tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm kumpaniji li għamlu użu minn din il-miżura? Jekk fl-affermattiv, kemm kienu dawn u minn liema settur kienu ġejjin? Kemm ġew allokati riżorsi finanzjarji u x'kienu l-proġetti magħmula?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Baġit 2023 – Tax credits għall-ħolqien ta’ green jobs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm kumpaniji li applikaw għal tax credits għaliex ħolqu xi tip ta' green jobs kif kien ġie mwiegħed fil-Baġit 2023? Jekk fl-affermattiv, x’kienu dawn il-green jobs ġodda maħluqa u f’liema settur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li kien hemm diversi kumpaniji illi applikaw għal skemi tal-Malta Enterprise u nħolqu diversi mpjiegi magħrufa bħala green jobs. Barra minn hekk, Malta Enterprise żiedet ukoll taħriġ għal green jobs bħala kriterju li wieħed jista’ japplika għalih fl-iskema Skills Development li ġiet imnedija f’Awwissu li għadda. Tnediet ukoll skema sabiex jiġu inċentivati kumpaniji li japplikaw għal konsulenza biex jintlaħqu il-kriterji tal-ESG.

Baġit 2023 — Green bonds

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk inħarġux xi tip ta' green bonds għal kumpaniji li wettqu proġetti ambjentali kif kien imwiegħed fil-Baġit 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, permezz tal-kumpanija sussidjarja tagħha Clearflowplus, nediet b’suċċess l-ewwel Green Bonds f’Malta b’valur ta’ €25 miljun, tant li dawn inħatfu mill-investituri fi ftit sigħat wara li nħarġu għall-pubbliku. Id-dħul mill-green bonds se jintuża għall-finanzjament ta’ firxa ta’ inizjattivi eko-konxji u proġetti ambjentali. Dawn jinkludu l-impjant tar-reverse osmosis f'Ħondoq ir-Rummien, impjanti ta' pannelli solari, titjib fis-sistemi tat-trattament tad-drenaġġ, inqas telf ta' ilma, tisħiħ fl-effiċjenza tas-sistemi tal-kontijiet u tisħiħ tal-infrastruttura tad-distribuzzjoni tal-ilma. Nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellanta għal dak li ntqal fid-Diskors tal-Baġit 2024.

Spazji miftuħa ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il spazju miftuħ ġdid inħoloq ġewwa pajjiżna f’din l-aħħar sena? Tista’ tgħid liema kienu u kemm ġew jiswew? Tista' tgħid ukoll kemm ġew investiti mis-€700 miljun allokati għal dan il-għan?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minn meta twaqqfet fil-bidu ta’ din is-sena, Project Green diġà ħabbret aktar minn €50 miljun investiment f’diversi proġetti madwar Malta u Għawdex. Dawn jinkludu proġetti li se jsiru fil-lokalitajiet ta’ San Ġwann, Mosta, fil-Kottonera, Tal-Pietà, Żurrieq, Raħal Ġdid, Marsaxlokk, San Pawl il-Baħar, Msida, Ħal Għargħur, Għajnsielem, Għaxaq, Mellieħa, Mtarfa, Santa Venera, kif ukoll l-ewwel ġnien carbon-neutral fil-gżira Għawdxija li se jsir fix-Xewkija. Fl-istess waqt, din is-sena diġà tlestew aktar minn 45,000 metru kwadru f’ġonna u spazji miftuħa ġodda jew riġenerati madwar il-pajjiż, fosthom il-Park tal-Familja ta’ Bengħajsa, u proġetti f’Ħal Safi, Ħaż-Żabbar, Ta’ Qali, il-Qrendi, Marsaskala u l-Gudja.

Baġit 2023 – Żoni pedonali u parkeġġi taħt l-art

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk inħolqux xi żoni pedonali jew xi parkeġġi taħt l-art f’xi belt jew raħal kif kien ġie mwiegħed fil-Baġit 2023?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Project Green diġà ħabbret u ssottomettiet l-applikazzjonijiet għand l-Awtorità tal-Ippjanar għall-implimentazzjoni ta’ proġett fi Triq San Pawl, Bormla, għal parkeġġ taħt l-art li fuqu jippermetti spazju miftuħ, kif ukoll proġett ieħor ta’ parkeġġ taħt l-art li fuqu mbagħad se jkun hemm ġnien pubbliku li jagħmel parti integrali mill-proġett ta’ San Ġwann kif spjegajt fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 11867.

Urban green reclamation

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-konċett ta' urban green reclamation, u ċjoè li binjiet pubbliċi jew anke privati jiġu kkonvertiti fi spazji miftuħa pubbliċi, ġiex imwettaq matul din is-sena kif kien imwiegħed? Hemm xi postijiet li ġew użati għal dan l-iskop?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-politika ta’ kif ser jaħdem il-mekkaniżmu ta’ urban green reclamation qed tiġi żvillupata. Sadanittant, permezz tal-Community Greening Grant, Project Green qiegħda tmexxi żewġ proġetti flimkien ma’ applikanti privati, li jinsabu fuq art privata u eventwalment dawn se jsiru aċċessibbli għall-pubbliku.