L-Imġarr - Ġbir ta’ skart domestiku barra l-ħin normali - 2024
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta’ skart domestiku, maħruġ barra l-ħin normali tal-ġbir mill-kuntrattur, li nġabar mill-ħaddiema tal-Cleansing and Maintenance Division (CMD) matul is-sena 2024 mill-Imġarr u taqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li ma kienx hemm ħtieġa għal tali servizz fil-lokalità msemmija.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika - Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Ġunju 2025?
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34152 u 34303 u tipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 34480 u ċjoè: Peress li fis-sena 2024, minn allokazzjoni kapitali ta’ €24.7 miljun għall-aġenzija Project Green, intefqu biss €2.3 miljun, li jfisser rata ta’ implimentazzjoni ta’ 9% biss, tista’ l-Ministru tispjega r-raġunijiet għal dan in-nuqqas ta’ nfiq, kif ukoll tispeċifika liema kienu dawk il-proġetti li kienu ppjanati li jsiru b’dawn il-fondi u li minħabba dan in-nuqqas ta’ nfiq, ġew imdewma, posposti jew ikkanċellati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Bħalma kelli ċ-ċans nispjega u nuri diversi drabi, Project Green, bħal entitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, f’din il-leġiżlatura diġà wettqu b’suċċess għexieren ta’ proġetti.
Fil-fatt mill-bidu tal-leġiżlatura s’issa, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, waħedhom, wettqu 68 proġett differenti mifruxin madwar il-pajjiż. Magħhom twettqu wkoll numru sabiħ ta’ proġetti ta’ spazji miftuħa minn entitajiet oħra.
Bħalissa, mill-entitajiet li huma parti mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika għaddej ix-xogħol fuq għexieren ta’ proġetti u meta ngħid għaddej ix-xogħol inkun qed nirreferi għall-fażijiet differenti; mill-mument li proġett jibda jitfassal u jiġi pjanat, għall-fażi ta’ konsultazzjoni, għas-sejħiet għall-offerti u eventwalment l-implimentazzjoni.
Fil-każ ta’ Project Green ninsab infurmata li din qed taħdem fuq portafoll ta’ 118-il proġett differenti b’investiment maħsub ta’ madwar €350 miljun, li fit-totalità tagħhom iġibu medda art ta’ madwar 1.7 miljun metru kwadru - daqs ta’ 240 grawnd tal-futbol. Naturalment l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti kollha trid issir fuq medda ta’ snin.
Filwaqt li nagħmilha ċara wkoll li l-allokazzjonijiet finanzjarji għas-sena 2026 huma kif jirriżultaw mill-estimi, tajjeb li l-Onor. Interpellanta tibda tifhem li proġett, speċjalment dawk kbar ikollhom diversi stadji, u ladarba jgħaddu l-istadji tal-ippjanar u s-sejħiet għall-offerti, allura nkunu nistgħu ngħaddu għall-fażi ta’ implimentazzjoni.
Grazzi għax-xogħol importanti li għamlet Project Green fl-aħħar snin, kienu diversi l-proġetti li għaddew l-ewwel żewġ stadji u li issa bdejna naraw l-implimentazzjoni u t-twettiq b’suċċess tagħhom.
Bħalma fl-aħħar snin lestejna numru ta’ proġetti, l-istess se nibqgħu nagħmlu din is-sena u fis-snin li ġejjin.
Fil-fatt ninsab infurmata li Project Green qed timmaniġġja 19-il sit attiv u tinsab fil-proċess li tibda x-xogħol fuq 4 siti oħra, b’numru ferm akbar ta’ proġetti jiġu implimentati simultanjament f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż.
Huwa mmirat li matul din is-sena jitlestew numru sabiħ ta’ proġetti oħrajn mill-entitajiet tal-Ministeru għall-Ambjent li mistennija jinkludu dak tar-Riserva Naturali tas-Simar (San Pawl il-Baħar), Ġnien Dun Nicholas Cachia (Siġġiewi), Ġnien Misraħ Karmelitani (Żurrieq), estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa (Birżebbuġa), Ġnien il-Larinġ (Ħal Lija), Ġnien il-Madonna tal-Vitorja (Pembroke), Park tal-Mitħna (Mqabba), Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (Naxxar), Ġnien il-Koppin (Ħal Kirkop), Ġnien Għarram (Ħaż-Żebbuġ), Ġnien iż-Żgħożija (Imtarfa), Ġnien it-Tabib Mario Tabone (Swieqi), Għaxaq Picnic Site (Ħal Għaxaq), Rainwater Harvesting Park (Għajnsielem), parti minn Park l-Inħawi (Fgura), proġett f’Għajnsielem u ieħor f’San Ġiljan li qed isiru bħala parti mill-Iskema ta’ Tħaddir Urban għall-Kunsilli Lokali, Proġett Silva f’żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb (Mellieħa), xogħlijiet ta’ tisbiħ fiż-żona Saver Zarb f’San Ġiljan, fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Barrakka t’Isfel, Roof Garden fuq il-binja tal-Liċeo l-Ħamrun, Ċentru tal-Vizitaturi (Marfa), ġnien u spazju miftuħ fid-daħla tal-Birgu u l-proġett ta’ Green Living Hub Malta (Ħaż-Żebbuġ).
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34054 u 34478 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljat ta' kif kienet imqassma n-nefqa minn Project Green ta’ kważi €627,000 f'informazzjoni, u speċifikament kemm intefqu fuq reklamar fil-mezzi tax-xandir, kemm fuq il-midja soċjali, u kemm fuq materjal stampat? Tista' tindika wkoll min kienu l-benefiċjarji ta' dawn il-pagamenti (kumpaniji, aġenziji jew individwi) u tgħid jekk dawn intgħażlux permezz ta' tenders jew direct orders?
Response (DALLI, MIRIAM)
Għal darb’oħra ninforma lill-Onor. Interpellanta li hu obbligu li fejn tkun qed issir konsultazzjoni, jew saħansitra jkunu tlestew proġetti l-entitajiet relevanti jinfurmaw lill-pubbliku ħalli n-nies jipparteċipaw fil-konsultazzjoni, jew igawdu dawn il-postijiet skont il-każ. Fil-fatt, kritika li spiss nirċievi hi biex nesponu iktar l-ispazji l-ġodda ħalli n-nies ikunu jafu bihom iktar u jgawduhom mal-familji tagħhom. Iktar minn hekk, hemm proġetti fejn entità hi obbligata tinforma u tirreklama ladarba hemm użu ta’ fondi Ewropej.
Intant, jekk l-Onor. Interpellanta terġa’ taqra sew it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119 għandha tinduna li l-ammont li qed issemmi hi f’din il-mistoqsija ma kienx marbut ma’ informazzjoni biss, kif qed tgħid f’din il-mistoqsija parlamentari. Fil-fatt, l-ammonti marbuta ma’ informazzjoni u reklamar kienu ta’ €122,000 għall-2023, €107,176 għall-2024, u €92,238 għall-2025.
Jien infurmata li l-informazzjoni xxandret jew kienet ippubblikata fuq id-diversi mezzi tax-xandir, inkluż Televiżjoni, Radju, Mezzi Soċjali kif ukoll materjal stampat, bħalma juri d-dokument kif ġie mgħoddi lili u li qed inpoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li b’materjal stampat hemm inkluż il-‘hoarding’ tad-diversi siti li kien hemm u għad hemm għaddej ix-xogħol fuqhom madwar il-pajjiż, kif ukoll sinjali ta’ informazzjoni li jitwaħħlu fil-ġonna. Ix-xogħol inkwistjoni dejjem ingħata permezz ta’ proċedura ta’ tender jew direct order, skont kif applikabbli, u f’konformità sħiħa mal-proċeduri u r-regolamenti tal-akkwist pubbliku.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Proġetti jew inizjattivi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid xi proġetti jew inizjattivi tħabbru mill-Ministeru jew minn kwalunkwe aġenzija jew entità li jaqgħu taħtha, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, iżda li s’issa għadhom ma sarux? Tista’ tgħid ukoll kemm ħallas il-Gvern fuq reklamar, PR u kampanji ta’ informazzjoni għal kull wieħed minn dawn il-proġetti li qatt ma twettqu?
Ħal Qormi – Triq De La Cruz – Ħsarat ikkawżati minn siġra li waqgħet
Question
Tista’ l-Ministru tara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward ħsarat fi proprjetà ta’ terzi fit-13 ta’ Frar 2026 ikkawżata minn siġra?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika - Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika - Direct orders ta’ inqas minn €5,000
Question
Tista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Lulju 2025?
Segretarjat għall-Indafa Pubblika – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Tista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika twieġeb il-mistoqsija parlamentari 34164 u tipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
In-Naxxar - CMD - Skart miġbur mill-bajjiet - Sena 2025
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta’ skart li nġabar mill-ħaddiema tal-Cleansing & Maintenance Division (CMD) mill-bajjiet tan-Naxxar matul is-sena 2025 u taqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 34457.
CfT: (OPEN ACCELERATED) WSC/T/084/2025 - WORKS – SUPPLY, LAY AND COMMISSION OF NEW PIPELINES IN THE PEMBROKE-TA’ QALI TUNNEL FOR THE WATER SERVICES CORPORATION – Offerenti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33751, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-iskedi tekniċi tal-materjali, fittings u apparat li l-offerenti (Bidders) issottomettew li ser jużaw fit-tender submissions tagħhom?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li diġà ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 33751, ninsab infurmata li l-iskedi tekniċi tal-materjali, fittings u apparat li l-offerenti (bidders) issottomettew kienu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet u r-rekwiżiti tekniċi hekk kif ippubblikati fis-sejħa għall-offerti.
Tista' l-Ministru tgħid, jekk qabel jitwaħħal servizz ta' drenaġġ, jiġix verifikat li r-run-off tal-ilma tax-xita ma jkunx imqabbad mad-drenaġġ? Jekk iva, tista' tgħid min jagħmel din il-verifika?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li s-sistema tal-ilma tax-xita tiġi verifikata waqt il-proċess tal-compliance fuq il-permess tal-iżvilupp tal-Awtorità tal-Ippjanar. Jekk ma jingħatax il-green light mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, dan il-compliance ma joħroġx.
Tista' l-Ministru tgħid min hu responsabbli biex jivverifika li jinħareġ compliance certificate qabel jingħata servizz tad-dawl jew tal-ilma? Tista’ tgħid jekk hijiex l-ARMS, jew l-entità konċernata, jiġifieri l-Enemalta jew il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mal-applikazzjoni għas-servizz tad-dawl u l-ilma, ARMS titlob kopja tal-compliance certificate li jkun applika għalih l-applikant mill-Awtorità tal-Ippjanar.
Tista’ l-Ministru tispjega r-raġunijiet għalfejn matul l-aħħar ftit ġimgħat il-provvista tal-elettriku ġiet interrotta b’mod frekwenti fil-lokalità ta’ Ħad-Dingli, jew partijiet minnha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-aħħar ġimgħat kien hemm ħsara waħda fuq is-sistema ta’ ‘low voltage’ li affettwat parti żgħira ħafna minn Ħad Dingli. Kien hemm tliet istanzi fejn kellu jsir xogħol ta’ manutenzjoni pjanat u l-konsumaturi ġew infurmati minn qabel.
Tista’ l-Ministru tgħid kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tiżgura li l-batteriji tal-vetturi elettriċi qegħdin jinħażnu u eventwalment jintremew jew jiġu riċiklati skont ir-regolamenti tas-sigurtà u dawk ambjentali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ir-rwol regolatorju tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) huwa inkwantu ta’ skart u faċilitajiet li jimmaniġġjaw l-iskart, fejn ġiet adottata l-prassi li fil-faċilitajiet ta’ vetturi fi tmiem żmienhom li jinkludu vetturi elettriċi, jkun hemm risk assessment u fire plan minn professjonist fil-qasam tan-nirien u sigurtà, fejn anke riċentement, l-ERA qed titlob lil applikanti clearance mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fuq dawn id-dokumenti peress li dan id-Dipartiment huwa first responder f’każ ta’ inċident. Hemm ukoll ir-rwol tal-ERA inkwantu tal-Extended Producer Responsability fejn produtturi ta’ batteriji għandhom obbligu li jirreġistraw ma’ skema u f’konformitá mal-EU Batteries Regulation (Regulation (EU) 2023/1542) inħoloq l-obbligu ta’ take back system minn dawn il-produtturi. L-ERA qed tassigura li jkun hemm konformità ma’ dan ir-regolament. Fejn jidħlu regolamenti ta’ sigurtà dawn huma regolati minn entitajiet oħrajn u mhux mill-ERA.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm tammonta l-ispiża totali għall-eżerċizzju ta’ tindif fiż-żona tal-White Rocks? Tista’ tgħid ukoll:
i. minn liema line item fl-estimi finanzjarji tal-Baġit qegħdin jintefqu dawn il-fondi;
ii. liema entità hija responsabbli;
iii. min qed jagħmel ix-xogħol; u
iv. kif saret l-għażla?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fil-White Rocks ħadna d-deċiżjoni li minflok bini, kif kien maħsub għal bosta snin, ikun hemm park nazzjonali. Din hi deċiżjoni li se jgawdu minnha ċ-ċittadini llum, u l-ġenerazzjonijiet futuri.
Filwaqt li għaddejja konsultazzjoni li tiġbor l-ideat tan-nies dwar x’għandu jkun fih dan il-park, b’mod immedjat tlaqna bix-xogħol li jista’ jsir mingħajr dewmien fosthom tindif taż-żona u anke żbir ta’ ċertu siġar fiż-żona.
Ix-xogħol ta’ tindif qed ikun ikkordinat mid-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni li tuża kemm inġenji tagħha, kif ukoll inġenji ta’ kuntratturi privati skont il-ħtieġa u skont proċeduri stabbiliti. Wara li nkiseb il-permess tal-ERA, beda wkoll xogħol mill-ħaddiema ta’ Project Green ta’ żbir tas-siġar, tindif tal-main ring road u qtugħ tal-ħaxix biex it-triq tkun aktar sigura għal min jużaha. B’kollox sar xogħol fuq madwar 20,000 metru kwadru ta’ ħaxix u siġar eżistenti.
Bħal dejjem aħna kommessi li nibqgħu ninfurmaw lill-pubbliku kemm bil-konsultazzjoni pubblika biex jipaprteċipa, kif ukoll b’dak li jkun għaddej u se jgawdi minnu.
Fid-dawl li fl-2024 ġie mwiegħed li l-ispazju fi Triq l-Isqof A. Buttigieg f’Ħaż-Żebbuġ kellu l-ewwel jinbidel f’parkeġġ temporanju u eventwalment f’parkeġġ taħt l-art b’park fuqu, tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar dan il-proġett ġaladarba minn dak iż-żmien ’l hawn jidher li ma sar ebda avvanz? Tista’ wkoll tipprovdi timeline dettaljata u aġġornata li tindika meta huwa mistenni li jitlesta dan il-proġett?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li ħadd mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ma kellu talba għal tali proġett.
In-Naxxar - CMD - Skart miġbur mill-bajjiet - Sena 2024
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta’ skart li nġabar mill-ħaddiema tal-Cleansing & Maintenance Division (CMD) mill-bajjiet tan-Naxxar matul is-sena 2024 u taqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 34457.
San Pawl il-Baħar - CMD - Skart miġbur mill-bajjiet - Sena 2025
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta’ skart li nġabar mill-ħaddiema tal-Cleansing & Maintenance Division (CMD) mill-bajjiet ta’ San Pawl il-Baħar matul is-sena 2025 u taqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 34457.
San Pawl il-Baħar - CMD - Skart miġbur mill-bajjiet - Sena 2024
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont totali ta’ skart li nġabar mill-ħaddiema tal-Cleansing & Maintenance Division (CMD) mill-bajjiet ta’ San Pawl il-Baħar matul is-sena 2024 u taqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 34457.