Il-Fgura – Triq Valperga – tindif u rijabilitazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu għat-tindif u rijabilitazzjoni taż-żona u t-Triq Valperga, fil-Fgura?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li materjal, kif wkoll ħaxix ħażin u skart ieħor li gie mormi fil-passaġġ li jagħti min Triq Valperga għal Għajn Dwieli ġie mneħħi f'April 2019 biex dan il-passaġġ ikun aċċessibli mill-publiku. L-aċċess tal-vetturi fil-wied min naħa ta' Għajn Dwieli ngħalaq biex jonqos rimi ta skart goff fil-wied u magħtul dan il-passaġġ. Il-branch ta' Kordin tal-Protezzjoni Ċivili ġew infurmati u ingħatatilhom kopja taċ-ċwievet biex ikollhom aċċess f'każ ta' inċident.
Mil-24 ta' Mejju, sar wkoll intervent ta' tindif min materjal mormi u tneħħija ta' siġar invażivi f'Wied Blandun biswit Triq il-Kampanella u Vjal it-28 ta'April.
Fil-ġranet li ġejjin ser isir ukoll tindif u qtugħ ta’ ħaxix ħażin li hemm ma ġenb is-swar fi Triq Valpegra.
Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti ta' afforestazzjoni saru s'issa matul is-sena 2019 ġewwa Għawdex u xi proġetti oħra ta' afforestazzjoni hemm ippjanati li jsiru sal-aħħar tas-sena 2019 ġewwa l-Gżira ta' Għawdex?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena ġewwa Għawdex qiegħed isir proġett ta tħaddir mal-Kunsill Lokali tan-Nadur, fejn mistenni li jitħawwlu 197 siġra u arbuxxell ġewwa din il-lokalità.
Ġewwa Kemmuna qiegħed isir proġett ta' restawr f'żona mhux il-bogħod minn żona li ġiet restawrata s-sena li għaddiet. Din iż-żona qiegħda tiġi mnaddfa kif ukoll qiegħda tiġi nstallata sistema ta' irrigazzjoni, fejn l-art tippermetti. S'issa tħawwlu 2,360 siġar u arbuxelli ġewwa Kemmuna din is-sena u mistenni li jiġu mħawwla 4,500 siġar u arbuxelli oħra, sa l-aħħar ta' din is-sena biex b’hekk nkunu ħawwilna l’fuq minn 6,800 siġra u arbuxell ġewwa Kemmuna sal-aħħar tal-2019.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10844 u jgħid jekk il-Kumitat għall-Immaniġġjar tad-Dwejra hux kompost fil-preżent u jekk iva kemm ilu hekk kompost u min huma l-membri li jikkomponuh?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara Ġunju 2017, il-Kumitat għall-Immaniġġjar tad-Dwejra kien inħatar mill-ġdid b’effett mit-28 t’Awwissu 2017. Minħabba li t-terminu tal-Kumitat kien skada, dan reġa’ nħatar għal perjodu ta’ sena b’effett mid-29 t’Awwissu 2019. Il-kompożizzjoni kurrenti tal-Kumitat hija kif ġej:
Id-Dott. Joseph Caruana
Chairperson
Perit Michelle Piccinino
Membru f’isem l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi
Is-Sur Conrad Borg Manche
Membru f’isem il-Bord tal-Gvernaturi Ambjent Malta
Is-Sur Joseph Muscat
Membru f’isem il-
Gozo Tourism Association
Is-Sur Joseph Falzon
Membru espert
Is-Sur Vincent Attard
Membru f’isem
Nature Trust Malta
E.T. Mons Joseph Vella Gauci
Membru espert
Id-Dott. Sandro Lanfranco
Membru espert
Id-Dott. Joseph Anthony Borg
Membru espert
Is-Sa Vicky Xuereb
Membru f’isem il-Ministeru għal Għawdex
Is-Sur Noel Formosa
Membru f’isem il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz
Is-Sur Giovanni Zammit
Membru f’isem Wirt Għawdex
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — contract of service u contract for service
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il contract of service u contract for service ngħata minn kull Dipartiment u entità li jaqgħu taħtu mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena u l-valur ta’ kull wieħed u lil min ingħata?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninsab informat illi biex tingħata l-informazzjoni mitluba jeħtieġ li jsir eżerċizzju li jieħu żmien twil, għax l-informazzjoni trid tinġabar minn sorsi differenti u tinvolvi l-użu ta’ ħafna riżorsi umani tad-dipartimenti varji, liema riżorsi jistgħu jintużaw fuq xogħol ħafna aktar produttiv.
Għawdex – Ix-Xagħra — Ex Miżbla tal-Qortin – water reservoir
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10500 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 8509, jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li fadal fuq is-sistema tal-pumping tal-ilma ġewwa l-ġibjun fl-ex miżbla tax-Xagħra (il-Qortin) sarx sabiex is-siġar u l-arbuxelli jkunu msoqqija permezz tal-ilma miġbur fil-ġibjun, peress li s-sajf issa beda u jekk iva min meta bdew jissaqqew is-sigar u l-arbuxelli?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa, t-tender biex isiru xogħlijiet ta’ titjib fil-Qortin u li jinkludi fih installazzjoni ta’ pompi u xogħol relatat ġie ppreparat u mibgħut għand id-Dipartiment tal-Kuntratti għall-vetting. Bħalissa dan id-dokument qiegħed jiġi vvettjat. Huwa mistenni li l-vetting jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin u b’hekk it-tender ikun jista’ jiġi ppubblikat. Kif intqal fir-risposta preċedenti, malli tħawwlu s-siġar fil-proġett tar-rijabilitazzjoni tal-Miżbla tal-Qortin, is-siġar kienu qed jissaqqew bil-bowsers sakemm qabdu. Issa dawn qed jgħixu b’mod naturali. Ix-xogħol li fadal fuq is-sistema tal-pumping tal-ilma xorta ħa jsir sabiex fil-futur, is-siġar ikunu megħjunin permezz tal-ilma miġbur fil-ġibjun.
Jekk kollox jimxi skont il-pjan u jkun hemm kuntratturi li jitfgħu offerti biex isir ix-xogħol, dan ikun jista jibda fl-aħħar kwart ta’ din is-sena u jiġi konkluż għal nofs l-2020.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk il-Kumitat għall-Immaniġġjar tad-Dwejra hux kompost fil-preżent u jekk iva kemm ilu hekk kompost u min huma l-membri li jikkomponuh?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
Xagħra Għawdex – ex-sit tal-miżbla tal-Qortin – xogħlijiet
Question
Jista' l- Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-istadju preżenti tax-xogħlijiet fl-ex-sit tal-miżbla tal-Qortin ġewwa x-Xagħra Għawdex u meta hu maħsub li dan is-sit jinfetaħ bħala park għall-familji kif imwiegħed mill-Gvern?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa t-tender biex isiru xogħlijiet ta’ titjib fil-Qortin biex dan is-sit ikun addattat sabiex jinfetaħ għall-pubbliku ġie preparat u bħalissa qiegħed jiġi vvettjat mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Huwa mistenni li l-vetting jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin u b’hekk it-tender ikun jista’ jiġi ppubblikat.
Min-naħa l-oħra, l-applikazzjoni tal- Awtorità tal-Ippjanar għax-xogħlijiet neċessarji tinsab fi stadju avvanzat (PA 1519/18). Id-drawings ta’ din l-applikazzjoni ġew emendati riċentement sabiex dan il-proġett ikun aċċessibbli minn kulħadd. Is-CRPD qablu ma’ dawn l-emendi u bħalissa, il-Wasteserv qiegħda tistenna lill-Awtorità tal-Ippjanar tikkonkludi l-applikazzjoni u toħroġ il-permess.
Jekk kollox jimxi skont il-pjan u jkun hemm kuntratturi li jitfgħu offerti biex isir ix-xogħol, dan ikun jista’ jibda fl-aħħar kwart ta’ din is-sena u jiġi konkluż għal nofs l-2020.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — għarfien fuq traffikar ta' persuni
Question
B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019, jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix jew hemmx pjan li tinħoloq, kollaborazzjoni interministerjali bejn il-Ministeru tiegħu u Ministeri oħra? Jista' jindika liema huma dawn il-Ministeri?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-funzjoni tinqeda permezz tal-Human Trafficking Stakeholders’ Taskforce fi ħdan il-Ministeru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali.
Birkirkara – Triq l-Imdina – bankina matul il-Ġnien il-Ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-bankina li hemm tul Ġnien il-Ħaddiem, fi Triq l-Imdina Birkirkara (quddiem Farsons), li ġie ffinanzjat mis-Central Business District flimkien mal-kumpanija Farsons, tissewwa biex ma tibqax ta' periklu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-manutenzjoni tal-bankina li hemm mal-ġenb ta’ Triq l-Imdina, Birkirkara ma taqax taħt r-responsabilità ta dan il-Ministeru. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din l-Mistoqsija lil Ministeru kkonċernat.
Birkirkara – Triq l-Imdina – crash barriers fuq il-bankina
Question
Jista’ l-Ministru jara li ssir crash barrier tul il-bankina ta’ Ġnien il-Ħaddiem, fi Triq l-Imdina, Birkirkara (quddiem Farsons), peress li vetturi li jkunu għaddejjin minn Triq Notabile jistgħu jitilfu l-kontroll u ssir traġedja minn dawk il-persuni li jinzertaw fi Ġnien il-Ħaddiem?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li crash barriers fit-toroq isiru minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Birkirkara – Triq l-Imdina – tneħħija ta’ konka mal-istage tal-linja
Question
Jista’ l-Ministru jara li ħdejn Ġnien il-Ħaddiem, fi Triq l-Imdina Birkirkara (quddiem Farsons) il-konka mal-istage tal-linja u li kienet tospita Palma (illum maqlugħa), tiġi mneħħija peress li n-nies li jkunu mixjin iridu jinżlu l-bankina b’periklu kbir għalihom?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant, li x-xogħlijiet fuq l-bankina fi Triq l-Imdina, Birkirkara ma jaqgħux taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Birkirkara – Triq l-Imdina – slabs ħdejn Ġnien il-Ħaddiem
Question
Jista’ l-Ministru jara li s-slabs, li huma parti mill-akwedott li huwa skedat fi Triq il-Kan. Indri Galea, u li ġew maqlugħa meta kien qiegħed isir ix-xogħol fuq Ġnien il-Ħaddiem, fi Triq l-Imdina (quddiem Farsons) Birkirkara u tpoġġew ħdejh, jerġgħu jitpoġġew f'posthom b'mod permanenti? Jista’ l-Ministru jara wkoll li x-xatba fin-naħa ta' isfel ta’ Ġnien il-Ħaddiem in-naħa tal-istage ta' Triq il-Knisja l-Qadima, terġa’ tinfetaħ, peress li ngħalqet permanentement u b'hekk in-nies iridu jerġgħu jduru lura biex joħorġu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ma kienx involut fix-xogħlijiet li saru ġewwa Ġnien il-Ħaddiem, fi Triq l-Imdina, Birkirkara. Ix-xogħlijiet saru min naħa tal-Kunsill Lokali u l-istess Kunsill qed jamministra dan il-ġnien. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sajjieda qed jintalbu jixtru fuel issussidjat għad-dgħajjes tas-sajd tagħhom mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, biex dawn bħala sajjieda jkunu jistgħu japplikaw għas-sussidju? Jista’ jgħid għaliex is-sajjieda mhux qed jitħallew jixtru l-fuel tagħhom b’mod ħieles mingħand operaturi f’suq fejn huma jkunu jistgħu jixtru l-fuel b’prezz irħas minn din l-istess kumpanija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-sajjieda membri tal-koperattivi huma marbuta mill-koperattivi stess sabiex jixtru d-diesel mingħand din il-kumpanija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li kienet l-amministrazzjoni preċedenti li ffirmat ftehim maż-żewġ koperattivi fir-rigward tad-diesel duty free, fejn b’dan l-istess ftehim il-koperattivi ntrabtu li l-membri tagħhom għandhom jixtru d-diesel duty free mingħand din il-kumpanija.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — għarfien fuq traffikar ta' persuni
Question
B'referenza għar-rapport “Trafficking in Persons Report” maħruġ mill-US State Department 2019 jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel il-Ministeru tiegħu biex iżid l-għarfien fuq it-traffikar ta' persuni f'pajjiżna?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imħabbar fid-diskors tal-Baġit 2019, is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi, Ċittadinanza u Simplifikazzjoni qed jaħdem fuq kampanja nazzjonali t’għarfien dwar it-traffikar uman. L-għan ta’ din il-kampanja huwa li tinforma lill-pubbliku dwar dan ir-reat u li tgħin lill-pubbliku jagħraf sinjali li jindikaw li persuna tkun vittma ta’ traffikar uman. Il-kampanja se tieħu ħsieb ukoll li tipprovdi informazzjoni ddedikata speċifikament għall-kategoriji differenti fis-soċjetà, fosthom l-istudenti, il-ħaddiema barranin, is-settur privat u min iħaddem. Is-Segretarjat Parlamentari kkordina wkoll taħriġ dwar it-traffikar uman lill-avukati tal-għajnuna legali kif ukoll taħriġ lil uffiċjali pubbliċi, fosthom ħaddiema ta’ Identity Malta, Jobsplus u d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni tal-ħruq li ġarrbu parti kbira mis-siġar li jinsabu fil-masġar tal-Miżieb fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet? Jista’ jikkwantifika kemm kien l-ammont ta’ siġar li nħarrqu fl-istess post?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima diġa ħa l-inizjattiva u għamel diversi spezzjonijiet kif ukoll analiżi dettaljata tan-nirien li ħakmu l-Miżieb. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-investigazzjonijiet qegħdin jitmexxew mill-Pulizija u l-Protezzjoni Ċivili. Mill-analiżi li għamlet AmbjentMalta u l-ERA, qed jiġi kkalkulat li madwar 15-il ettaru ta’ art b’siġar tal-Prinjol, Ewkaljptus, Acacia u Żebbug inħarqu f’dan l-inċident. Qed jiġi stmat li madwar 4,600 siġra nqerdu fin-nirien li ħakem il-Miżieb bejn is-Sibt 22 u Ħadd 23 ta’ Ġunju.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6865, jista' l-Ministru jara li ssir il-manutenzjoni neċessarja tar-roundabout li saret fi Triq id-Dejma, il-Fgura?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-disinni proposti ħadu aktar fit-tul peress li ma setax isir ntervent bis-soft landscaping minħabba li ma kienx hemm fond biżejjed għall-ħamrija. Id-disinni ġodda ġew approvati u x-xogħol beda u mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-ġonna li huma amministrati minn PARKS?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak li qabel kien id-Direttorat tal-PARKS illum jifforma parti minn Ambjent Malta li kif jaf għandha r-responsabbiltà li tieħu ħsieb l-ambjent naturali ta’ pajjiżna. Ambjent Malta llum tieħu ħsieb il-ġonna fil-:
· Park Nazzjonali Ta’ Qali li jinkludi l-
Petting Farm
, l-
Adventure Park
u żewġ
dog
parks
· Park Nazzjonali tas-Salina
· Park tal-Familja Marsaskala
· Buskett
Barra minn hekk, id-dipartiment isegwi u jissorvelja x-xogħlijiet li hemm marbuta mal-kuntratt preżenti li għandu l-Gvern Ċentrali mal-ELC fuq ġonna pubbliċi. Dawn il-ġonna huma:
· San Anton
· Il-Mall
· L-Argotti
· San Filippu
· Sa Maison
· Notre Dame
· Herbert Ganado
· Barrakka ta’ Fuq
· Barrakka t’ Isfel
Irrid ngħid li minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li l-ambjent naturali ta’ Malta jingħata l-importanza li jixraqlu. Huwa għalhekk li jien dejjem tajt direzzjoni sabiex Ambjent Malta tkun għodda ewlenija f’dan il-kuntest u x-xogħol li qed isir huwa riflessjoni ta’ din id-determinazzjoni li aħna għandna. F’dan il-kuntest ta’ min wieħed jgħid ukoll li Ambjent Malta preżentament qed tagħmel xogħol ġewwa l-Foss ta' Ħaż-Żabbar li ser ikun qed jinfetaħ bħala ġnien lejn l-ewwel kwart ta 2020. Ambjent Malta bdiet ukoll tħejji għall-proġett tal-Cottonera Green Belt li dettalji dwaru nagħti fil-mument opportun. Flimkien ma dawn, ġiet identifikata żona ġewwa l-konfini tal-Birgu (n-naħa ta Fortini) fejn ser ikun qed jiġi propost intervent ta' riabilitazzjoni taż-żona u tkun miftuħa lura għall-pubbliku b’ faċilitajiet differenti u dan b’kollaborazzjoni tal-ħabrieki Kunsill Lokali tal-Birgu. Barra minn dan irrid ngħid ukoll li Ambjent Malta flimkien mal-kumitati rispettivi ta’ tmexxija tikkoordina numru ta’ xogħlijiet li jsiru ġewwa
parks
oħrajn bħal ma huma l-Park tal-Inwadar, il-Park tal-Majjistral, Xrobb l-Għaġin u s-Salini Salt Pans. Ambjent Malta għadha kif lestiet ukoll proġett ta’ restawr u tisbieħ ġewwa l-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta, flimkien ma taħwil ta’ numru ta' siġar u pjanti ndiġeni. Dan barra xogħlijiet ta’ restawr u tneħħija ta’ speċi invasivi f’numru ta’ widien.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex m’hemmx pressure washer fl-impjanti tal-Wasteserv f’Għawdex biex ikunu jistgħu jinħaslu t-trakkijiet bħalma kien hemm fil-Qortin ix-Xagħra u bħalma hemm anke fl-impjanti l-oħra tal-Wasteserv f'Malta?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda obligazzjoni li jkun hemm pressure washer fil-Faċilità għat-Trasferiment tal-Iskart Tal-Kus f’Għawdex li tirriżulta mir-rikweżiti tal-permess IPPC maħruġ mill-ERA.