Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Luċija – appartamenti li bbenefikaw mill-iskema tal-Programm ta’ Manutenzjoni tal-Binjiet tal-Gvern (2011-2015)

Question

B'referenza għall-iskema taħt il-Programm ta' Manutenzjoni tal-Binjiet tal-Gvern (2011-2025), jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra liema appartamenti f'Santa Luċija bbenefikaw minn dan mill-2019 sal-lum, u jista’ jindika x'livell intlaħaq f'dan? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra liema huma previsti li jsiru tul dawn is-sentejn? Jista’ wkoll jinforma jekk fuq dan, il-Kunsill Lokali ġiex kkonsultat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2019 il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija bbenefika minn tlett blokok taħt l-iskema tal-Manutenzjoni tal-Komun fil-binjiet tal-Gvern. Il-blokok kienu s-segwenti: Blk M. ENTS TO FLTS 9-16, TRIQ IŻ-ŻNUBER, SANTA LUĊIJA BLK N ENTS TO FLTS 1-9, TRIQ IŻ-ŻNUBER, SANTA LUĊIJA BLK N, ENTS TO FLTS 9-16, TRIQ IŻ-ŻNUBER, SANTA LUĊIJA Fi Blk M, Ent to Flts 9 – 16 u Blk N, Ent to Flts 1 – 8, ix-xogħlijiet tlestew fis-sena 2020 filwaqt li Blk N, Ent to Flts 9 – 16 ix-xogħlijiet waslu fl-aħħar fażijiet. Din l-iskema tinħadem flimkien mal-Kunsill Lokali, fejn huwa l-Kunsill Lokali li jidentifika liema blokka jkun jixtieq li tipparteċipa fit-tali sena skond in-numru ta’ blokok li jkunu ġew allokati lilu mill-Awtorità tad-Djar. Matul is-sena 2021 l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija ġie allokat 9 blokok oħra sabiex jipparteċipaw ukoll f’din l-iskema. Il-proċess tal-għażla għadu għaddej.

Ksur tal-liġijiet tal-ippjanar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21264 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ksur tal-liġijiet tal-ippjanar mill-2020 sal-lum?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — state aid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet fid-dekasteru tiegħu li rċievew state aid?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat li l-ebda entità ma rċeviet state aid.

Tas-Sliema — Triq Amery - periklu

Question

Jista’ l-Ministru jara s-sit ta’ fejn qed isir il-bini biswit il-flats li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li jinsabu fi Triq Amery f’Tas-Sliema peress li r-residenti qed jirraportaw li hemm periklu kbir fi djarhom? Jista’ jassigura li m’hemmx problemi fis-sit u li kollox miexi kif suppost anke jekk illum ingħataw xi tibdil fil-pjanti? Jista’ jassigura lil kulħadd li m’hemmx perikli? Min se jieħu responsabilità?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — persons of trust u positions of trust

Question

Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ persons of trust u positions of trust li hemm f’kull entità fi ħdan il-Ministeru tiegħu, fil-ġurnata li fiha qed issir din l-interpellanza?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-PQ20994.

Skemi ta’ Stairlifts u Platform lifts

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kienu l-persuni li bejn Jannar 2017 u April 2021 ibbenefikaw mill-iskema relatata ma’ stairlifts u platform lifts (b’mod separat)?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar bejn 2017 u April 2021 kellha 419-il benefiċjarju taħt l-Iskema tad-Diżabilità fuq xogħol relatat ma’ stairlifts u platform lifts.

Awtorità tad-Djar – Skemi ta’ stairlifts u platform lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ġie mħallas mill-Awtorità tad-Djar għall-iskema relatata ma’ stairlifts u platform lifs (b’mod separat) bejn Jannar 2017 u April 2021?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ħallset l-ammont ta’ €1,873,243 bejn Jannar 2017 u April 2021 li tirrapreżenta pagamenti fuq 419 stairlifts u platform lifts.

Awtorità tad-Djar – Skemi ta’ stairlifts u platform lifts – entitajiet li wettqu xogħlijiet relatati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm u min kienu dawk l-entitajiet privati li ħadmu u wettqu xogħlijiet relatati mal-iskema tal-Awtorità tad-Djar relatata ma’ sussidju fuq stairlifts u platform lifts?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma taħdem ma’ l-ebda entità privata li tagħmel xogħol relatat ma’ installar ta’ stairlift jew platform lift. L-Applikant ikollu l-għażla li jordna l-istairlift jew platform lift mill-entità li jixtiequ hu.

Irranġar ta’ lift ta’ binja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20954, peress li fil-blokka msemmija ħadd għadu ma mar jinvestiga, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex din il-problema tissolva?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess biex tigi solvuta l-problema ta’ skular ta’ ilma fil-lift pit tal-blokka msemmija jirrikjedi xogħlijiet biex jissaħħaħ l-ilqugħ kontra penetrazzjoni ta’ ilma kif ukoll investigazzjoni fis-sistemi tad-drenaġġ fil-madwar sabiex jiġu identifikati l-ħsarat. Dawn il-proċessi diġa nbdew mill-Awtorità tad-Djar u diġa qed naraw li jsiru l-interventi meħtieġa.

San Ġwann – stallazzjoni ta’ lift fi blokka

Question

B’referenza għall-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li hemm residenti li għandhom problema ta’ mobilità u peress li hemm spazju għal lift, jista’ l-Ministru jgħid għala s’issa għadu ma sarx lift fil-blokka? Jista’ jieħu rimedju u dan il-lift isir?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċedura li tittieħed mill-Awtorità tad-Djar rigward l-għażla jekk joqgħodx il-lift, tiddependi fuq il-wisgħa tat-taraġ li ma jkunx iktar dejjaq mil-limitu stabbilit u li kien ġie maqbul mas-CRPD (Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’ Diżabilita’) u mas-CPD (Civil Protection Department). L-Awtorità tagħmel dak kollu possibli biex taċċerta li t-taraġ ma jkunx dejjaq b’tali mod li joħloq problemi ikbar f’każijiet ta’ emerġenza. L-imsemmi każ jaqa’ taħt il-limitu stabbillit u għalhekk il- lift ma jistax jiġi akkomodat. Dan ma jistax jiġi direttament imqabbel ma’ blokki oħra fiż-żona li għandhom qisien tal-wisgħa tal-komun varji.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Position of Trust

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jokkupaw Position of trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu? X’inhu l-valur annwali tal-kuntratt ta’ kull individwu? Meta bdew il-kuntratti tagħhom u meta jiskadu dawn il-kuntratti b’mod individwali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust) fil-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — mandat ta' inibizzjoni kontra xi trade union

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanu, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-ebda entità ma talbet l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017.

Applikazzjonijiet għal Housing Soċjali – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-lista ta’ stennija ta’ applikazzjonijiet għal housing soċjali fl-aħħar ta’ kull sena bejn l-2012 u l-2020? Jista’ jgħid ukoll, b’mod separat, kemm minn dawn l-applikazzjonijiet huma minn individwi li diġà qegħdin fi proprjetà tal-Awtorità tad-Djar?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità tad-Djar – Skemi ta’ manutenzjoni

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19349 tat-18 ta’ Frar 2021, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-iskemi li l-Awtorità tad-Djar qed toffri fil-preżent, lill-inkwilini li jkunu jridu jagħmlu manutenzjoni fl-appartament tagħhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent l-Awtorità tad-Djar qed toffri skema ta’ Irranġar u Titjib u d-dettalji ta’ tali skema qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni Soċjali – bini ta’ units ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew units ta' akkomodazzjoni soċjali mill-Gvern li ġew allokati, sena b'sena, mill-2013 sal-2020?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern qiegħed jaħdem qatigħ fis-settur tal-Akkomodazzjoni u taħt id-direzzjoni tiegħi bħalissa għaddej l-akbar proġett ta’ housing soċjali f’dawn l-aħħar snin, b’investiment ta’ aktar minn €130 miljun. Ta’ minn jgħid ukoll li l- waiting list ma tonqosx biss billi tibni units ġodda imma wkoll billi tniedi skemi differenti sabiex persuni ta’ kull età jingħataw l-għajnuna meħtieġa biex isiru sidien ta’ djarhom. Hekk għamilna u hekk ser nibqgħu nagħmlu.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-entitajiet u awtoritajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-PQs 12908 u 18171.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — impjieg, tender jew direct order lill-persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx xi impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 s’issa? Jekk iva, x’inhu l-irwol tagħha u kemm tħallset għal dan ix-xogħol?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija ma ngħatat l-ebda impjieg, tender jew direct order mill-Ministeru tiegħi u l-entitajiet/awtoritajiet li jaqgħu taħtu.

Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali – kostruzzjoni tal-boundary wall

Question

Jista' l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-Awtorità tal-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jitnaqqas il-periklu li nħoloq bil-kostruzzjoni ta’ boundary wall għoli, fis-sit li qiegħed jinbena fi Triq Dun Anton Vella s-Siġġiewi, hekk kif diġà seħħew numru ta' inċidenti minħabba nuqqas ta' viżibilità?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-boundary wall fis-sit imsemmi inbena skont il-provvedimenti tal-liġi u wara li saret konsultazzjoni mal-awtoritajiet konċernati. Sal-lum il-ġurnata, l-entità responsabbli ma waslilha ebda rapport ta’ xi inċident minħabba dan il-boundary wall.

Irranġar ta’ lift ta’ binja

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-lift li jinsab fil-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jittranġa mill-iktar fis possibbli, minħabba li taħt dan il-lift hemm ħafna ilma għax dan il-lift ilu ma jaħdimx, sabiex kulħadd ikollu dan is-servizz?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi dan il-lift kien jaħdem u jintuża mir-residenti sas-26 ta’ April 2021. Minn spezzjoni li saret mill-uffiċjali tal-Awtorità tad-Djar flimkien mal-kuntrattur tal-lifts instab li l-lift pit kellha madwar 30cm ta’ ilma li jista’ jkun drenaġġ. Fiċ-ċirkostanzi, kien fid-dmir tal-Awtorità tad-Djar li titfi b’mod temporanju dan il-lift għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurta’. L-Awtorità bdiet b’mod immedjat l-investigazzjonijiet biex tirrisolvi fl-iqsar żmien possibli dan l-inkonvenjejt.

Housing Estates

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19083 fejn staqsejt lill-Ministru Galdes kemm huwa n-numru ta’ housing estates f’Malta u Għawdex u f’liema sena nbnew u b’referenza għat-tweġiba li kienet 1,167 blokka tal-Gvern, jista’ l-Ministru jgħid fejn jinsabu dawn il-blokok, lokalità b’lokalità? Kemm minnhom inbnew f’Għawdex? X’kienet l-ispiża ta’ dawn il-blokok?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispiża ta' dawn il-blokok hija impossibbli li tingħata minħabba li ħafna minnhom inbnew diversi snin ilu.