Legislature:
Category:
Reset
Active:

Maltempata Harry – Skema ta’ għajnuna finanzjarja lill-bdiewa

Question

B’referenza għall-iskema ta’ għajnuna finanzjarja għall-bdiewa milquta mill-maltempata Harry, jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm applikazzjonijiet ġew sottomessi; ii.   kemm applikazzjonijiet ġew approvati; iii.  kemm applikazzjonijiet ġew miċħuda u għal liema raġunijiet; iv.  kemm applikazzjonijiet għadhom qed jiġu evalwati; u v.   jekk il-Ministeru bagħatx komunikazzjoni uffiċjali lill-applikanti dwar l-istat tat-talba tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-maltempata “Harry”, il-Ministeru nieda minnufih proċess strutturat ta’ ġbir u verifika ta’ data sabiex jiġu evalwati b’mod preċiż l-impatti fuq il-bdiewa, ir-raħħala u s-settur agrikolu inġenerali. Din l-evalwazzjoni preliminari kienet pass indispensabbli biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet reali tas-settur u biex kwalunkwe intervent potenzjali jkun ibbażat fuq evidenza ċara, kif meħtieġ mill-qafas Ewropew dwar l-Għajnuna mill-Istat. F’dan l-istadju, ma tnediet l-ebda skema formali ta’ għajnuna, peress li l-prijorità kienet li jitwettaq studju komprensiv tad-danni u tal-impatti ekonomiċi kkawżati mill-maltempata. Għalhekk, informazzjoni dwar applikazzjonijiet, approvazzjonijiet jew pagamenti ma tistax tingħata, billi skema ta’ appoġġ għadha ma ġietx stabbilita.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Lista ta’ konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli ghall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorgu mill-Public Procurement Regulations.

Bdiewa nisa reġistrati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ nisa reġistrati bħala bdiewa full-time?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex irreġistrati bħala full-time jew part-time ma tinżammx. Mit-total tal-persuni rreġistrati li jaħdmu l-għelieqi skond il-Liġi Sussidjarja 639.13, bħalissa hemm 3,729 mara.

Bdiewa reġistrati full-time - Età

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-etajiet tal-bdiewa reġistrati full-time?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex irreġistrati bħala full-time jew part-time ma tinżammx. It-tabella segwenti turi l-etajiet tat-18,157 il-persuna rreġistrata li jaħdmu l-għelieqi skont il-Liġi Sussidjarja 639.13. Numru ta’ persuni rreġistrati li jaħdmu l-għelieqi skont l-età Età Total 40 jew inqas 2,262 41 sa 65 8,796 Aktar minn 65 7,099 Total 18,157

Bdiewa reġistrati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ bdiewa reġistrati full-time f’Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex irreġistrati bħala full-time jew part-time ma tinżammx. Bħalissa hemm 18,157 persuni rreġistrati li jaħdmu l-għelieqi skond il-Liġi Sussidjarja 639.13.

Att dwar is-Servizzi Veterinarji - Pariri tekniċi jew professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jintalbu pariri tekniċi jew professjonali mingħand esperti jew partijiet interessati fir-rigward ta’ kwalunkwe aġġornament tal-Att dwar is-Servizzi Veterinarji? Jekk iva, minn liema entitajiet, professjonisti jew organizzazzjonijiet qed jintalbu dawn il-pariri?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 2168.

Att dwar is-Servizzi Veterinarji - Emendi fir-Regolamenti dwar il-Professjoni tal-Kirurgi Veterinarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi abbozzat aġġornament tal-Att dwar is-Servizzi Veterinarji (Kap. 437) hekk kif tnediet il-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Regolamenti dwar il-Professjoni tal-Kirurgi Veterinarji (Reġistrazzjoni u Liċenzji) peress li diversi miżuri msemmija fid-dokument ta’ konsultazzjoni jirrikjedu revoka jew emendi fl-Att innifsu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li għalaq il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, saret analiżi tas-sottomissjonijiet u bħalissa għaddej ix-xogħol meħtieġ sabiex ikunu jistgħu jitressqu l-emendi neċessarji. Matul dan il-proċess ikunu qed jiġu kkonsultati esperti li huma familjari mal-proċessi u s-suġġett inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li l-abbozz jirrifletti b’mod xieraq ir-rekwiżiti regolatorji u operazzjonali.

Il-Mellieħa - Festa Ħut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se ssir Festa Ħut fil-Mellieħa bħalma sar fi snin preċedenti u jekk iva, jagħti d-data ta’ meta se ssir din l-edizzjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena 2026, Festa Ħut kienet ippjanata li ssir f’Marsaxlokk biss fl-20 ta’ Settembru 2026. Madanakollu, din l-attivita’ kellha tiġi kkanċellata minħabba l-maltemp.

Veterinarji impjegati mal-Gvern – Riżenji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji impjegati mal-Gvern irriżenjaw minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli kien hemm 8 riżenji minn veterinarji minn Ġunju 2025 sal-llum.

Veterinarji impjegati mal-Gvern – Maternity leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji talbu u ngħataw maternity leave minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, veterinarja waħda talbet għall- maternity leave minn Ġunju 2025 sal-llum.

Veterinarji impjegati mal-Gvern – Leave fit-tul

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji impjegati mal-Gvern talbu u ngħataw leave fit-tul (Long Leave) li jaqbeż xahar bħala tul kumplessiv, minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, kien hemm 8 veterinarji li ngħataw leave fit-tul (Long Leave) li jaqbeż xahar bħala tul kumplessiv, minn Ġunju 2025 sal-llum.

Veterinarji ingaġġati mal-Gvern – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm veterinarji ġodda ġew ingaġġati mal-Gvern minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont id-dipartiment jew l-entità li huma impjegati magħha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, minn Ġunju 2025 sal-llum  ġew ingaġġati 3 veterinarji ġodda.

Veterinarji impjegati mal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm veterinarji attwalment impjegati mal-Gvern, maqsuma skont id-dipartiment jew l-entità li huma impjegati magħha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 27 veterinarji li jahdmu  fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli.