Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baġit 2026 – Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus fuq reklami l-Ministeru għall-Baġit 2026?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellanta sabiex tirreferi l-mistoqsija parlamentari tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - Fondi u Programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32104, jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-fatt il-Ministeru kienx benefiċjarju tal-fondi u programmi tal-Unjoni Ewropea li bbenefika l-Ministeru, d-dipartimenti u l-aġenziji relattivi matul dawn l-aħħar tliet snin u jindika l-ammont finanzjarju u komplessiv għalihom?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 32104.

Għawdex – Pitkalija - Bejgħ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31564, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, u jgħid kemm kien il-bejgħ mill-Pitkalija f’Għawdex mis-sena 2010 sal-aħħar tas-sena 2024, maqsum sena b’sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda Pitkalija topera ġewwa Għawdex, minn kemm ilni responsabbli ta dan il-Ministeru.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali – Proġetti/xiri fl-2026

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri ġewwa Għawdex li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena 2026 mill-Ministeru tiegħu, minn issa sal-aħħar tas-sena, u li għalihom ser jiġu użati fondi allokati għall-Ministeru tiegħu? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif għadna kemm ħabbarna fil-budget għas-sena li ġejja, ser niftħu mill-ġdid il-pitkalija f'Għawdex. Ninfurmah li bħalissa għaddejjin il-preparamenti ta’ disinni u l-kwantifikazzjoni tal-istimi tal-investiment meħtieġ. Barra min hekk, ninforma li l-Ministeru tiegħi hu maġġorment responsabbli għal-proviżżjoni ta’ servizzi ġewwa Għawdex, u li dawn jingħataw bl-istess mod min Għawdex hekk kif jingħata min Malta.

Pitkalija - Investimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’investimenti saru fil-Pitkalija f’Malta matul l-aħħar ħdax-il sena, maqsuma sena b’sena, fiex kien jikkonsisti x-xogħol li sar u kemm sewa? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm ħaddiema kull sena u x’tip ta’ xogħol kienu qed jagħmlu u qed jagħmlu issa?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li għal dawn l-aħħar snin minn meta ġiet imwaqqfa l-Malta Food Agency, saru diversi titjib fosthom tiswijiet f’infrastruttura u l-facilitajiet eżistenti. Minħabba domanda għolja ta’ prodotti, inxtraw iktar kaxxi uffiċjali tal-Pitkalija. Saru wkoll investimenti mmirati lejn l-aġġornamenti tas-sistemi ta’ sorveljanza, kontrolli tal-aċċess u s-sigurta’ ġenerali tal-post. Ngħarraf ukoll li preżentament hemm jaħdmu 84 il-ħaddiem.

Riżorsi Agrikoli Malta – Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex jikkonsisti l-proġett ta’ restawr tal-ħitan tas-sejjieħ ġewwa Għawdex illi qed jiġi implimentat bħalissa, fejn numru ta’ applikanti qed jiġu assistiti mill-aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita’ tal-Immaniġġjar kienet ħarġet Miżura senjatament il-Miżura 4.4 appoġġ għal investimenti mhux produttivi marbuta mal-kisba ta’ objettivi agro-ambjentali u klimatiċi li tiffoka primarjament fuq ir-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ u li hija parti mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali 2014-2020. Peress li l-proċess ta’ applikazzjoni għal din il-miżura jista’ jkun wieħed kumpless u tekniku, l-Aġenzija ħadet l-inizjattiva li toħroġ sejħa ta’ interess għal dawk kollha li xtaqu jipparteċipaw, inklużi l-bdiewa Għawdxin. L-għan ewlieni kien li l-Aġenzija tkun tista’ tissottometti applikazzjoni kollettiva f’isem dawn l-applikanti kollha, sabiex tiffaċilita l-proċess. Bħala parti minn dan il-proċess, l-Aġenzija ngaġġat Periti sabiex iwettqu stima fuq il-ħitan tas-sejjieħ identifikati mill-bdiewa interessati. Dawn l-istimi kienu meħtieġa sabiex tiġi ddeterminata l-ammont totali ta’ xogħol li kellu jitwettaq u biex is-sottomissjoni tal-applikazzjoni tkun ibbażata fuq informazzjoni preċiża. Wara li saret is-sottomissjoni tal-applikazzjoni li inkludiet in-numru ta’ metri ta’ ħitan stmati għal kull individwu, u wara li l-proġett ġie approvat mill-Awtorità tal-Immaniġġjar, l-Aġenzija ħadet ħsieb toħroġ sejħa pubblika (tender) sabiex jiġu ingaġġati kuntratturi għall-eżekuzzjoni tax-xogħol ta’ restawr. Il-kuntrattur li rebaħ is-sejħa kien responsabbli li jwettaq ix-xogħol skont il-linji gwida tekniċi u regolatorji kollha applikabbli. Meta imbagħad jitlesta r-restawr, il-Periti maħtura mill-Aġenzija jkunu jistgħu jagħmlu ċ-ċertifikazzjoni finali tal-ħitan, biex jiġi kkonfermat li x-xogħol sar skont is-sengħa tradizzjonali u l-permessi kollha rilevanti, kif meħtieġ mill-Miżura u r-regolamenti tal-FAEŻR. B’dan il-mod, l-Aġenzija assistiet lill-benefiċjarji matul il-proċess kollu, mill-istadju inizjali ta’ informazzjoni u sottomissjoni tal-applikazzjoni, sal-implimentazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni finali tal-proġett.

Ta’ Qali - Sptar tal-annimali - Ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinfetaħ l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma mal-operatur magħżul li se jopera l-Isptar tal-Annimali f’Ta’ Qali, sabiex jitwettqu t-tħejjijiet neċessarji biex l-isptar jerġa’ jiftaħ u joffri servizz ta’ kwalità fil-ġimgħat li ġejjin.

Prodotti agrikoli Maltin - Esportazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ prodott agrikolu Malti li ġie esportat (jew li ntbagħat lejn swieq ta’ membri oħra tal-Unjoni Ewropea) matul din is-sena? Jista’ jgħid ukoll liema kienu l-prodotti li ġew mibgħuta fi swieq barranin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma l-Onorevoli Interpellanta li dan il-Ministeru ma jkollux tali informazzjoni.

Ta’ Qali - Pitkalija - Żviluppi strutturali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema żviluppi strutturali mistennija jseħħu fil-Pitkalija Ta’ Qali matul is-snin li ġejjin? Jista’ jgħid ukoll għal liema xogħlijet diġà nħarġu l-permessi neċessarji, u meta mistenni li jinbeda x-xogħol maħsub?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, kif tħabbar fid-diskors tal-Baġit ftit jiem ilu, is-sena d-dieħla ser jibda l-proċess biex tinbena Pitkalija ġdida u moderna f’Ta’ Qali. Il-Pitkalija l-ġdida se tipprovdi faċilitajiet li jtejbu u jikkonservaw il-kwalità tal-prodott għall-konsumatur, filwaqt li jassiguraw prezzijiet ġusti għall-bdiewa. Il-proċess se jibda bit-tħejjija tal-pjanti meħtieġa u s-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-iżvilupp.

Prodotti agrikoli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28572, jista’ l-Ministru jgħid liema prodotti agrikoli, kemm frott kif ukoll ħxejjex, instabu li jistgħu jiġu prodotti lokalment? Jista’ jgħid ukoll kemm bdiewa ġew identifikati li jistgħu jipparteċipaw fl-iżvilupp ta’ dawn l-istess prodotti, u kif mistenni li jitkompla l-iżvilupp ta’ dawn l-istess prodotti matul is-snin li ġejjin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Food Innovation Hub (FIH) huwa mmirat li jittrasforma prodotti lokali fi prodotti ta’ valur miżjud, mhux abbażi  ta’ liema tipi ta’ frott u ħxejjex jistgħu jiġu prodotti lokalment. Irrid ngħid ukoll li l-bdiewa kollha jistgħu jibbenefikaw mill-FIH, kemm direttament billi jagħmlu użu mill-faċilitajiet huma stess, kif ukoll indirettament permezz tal-użu tal-prodotti tagħhom fit-trasformazzjoni ta’ prodotti minn produtturi, bil-kundizzjoni li l-utenti kollha jkollhom il-kriterji meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-ikel.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali - Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Settembru 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Bdiewa, raħħala u sajjieda Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ bdiewa, raħħala u sajjieda Għawdxin fl-aħħar ta’ kull sena, mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont l-età tagħhom? Jista’ jgħid ukoll: 1.    Kemm kien id-dħul tagħhom kull sena fl-istess perjodu u għat-tliet kategoriji separatament? 2.    Kemm kien hemm raba’ tinħadem fl-aħħar ta’ kull sena bid-daqs u t-tip tagħha? 3.    X’kien il-volum ta’ laħam frisk ta’ ċanga, majjal u broilers prodott f’Għawdex u li nqatlu fil-biċċeriji tal-gvern u tal-privat f’Għawdex u f’Malta mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? 4.    X’kien il-volum ta’ frott u ħaxix frisk prodott f’Għawdex u mibjugħ fi swieq organizzati f’Malta u f’Għawdex mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? 5.    Kemm kien il-volum ta’ ħalib frisk prodott f’Għawdex mis-sena 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant l-informazzjoni kif mitluba taqbeż l-advisory cost limit.

Santwarji tal-Annimali – Klieb jistennew li jiġu addottati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma r-razez ta’ klieb li hemm fis-santwarji tal-annimali jistennew biex jiġu addottati? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm klieb minn kull razza?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 31410.

Bagħal taż-żunżan

Question

Fid-dawl li din is-sena reġa’ hawn żieda sostanzjali ta’ bagħal taż-żunżan (hornets), jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru biex dawn il-hornets jiġu kkontrollati u meqruda? Jista’ jgħid ukoll kif persuna li għandha minn dawn il-hornets fil-proprjetà tagħha jew taf li hemm minnhom f’art/proprjetà pubblika, tkun tista’ tirraporta u x’għajnuna qed tingħata?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd u d-Drittijiet għall-Annimali joffri assistenza teknika lill-bdiewa u r-raħħala sabiex tiġi kkontrollata l-invażjoni ta’ ċertu pesti u mard tal-pjanti u tal-annimali. Peress li l-ispeċi taż-Żunżan Bagħal (Oriental Hornet) tista’ titqies bħala waħda minn dawn, il-bdiewa jistgħu jiksbu pariri dwar il-kontroll ta’ dan il-pesti. Madanakollu, servizz sabiex jitneħħew iż-żunżan bagħal mill-lokalitajiet u postijiet residenzjali għandu jinkiseb minn professjonisti u servizzi privati tal-kontroll tal-pesti.

Għawdex u Kemmuna – Proġetti u inizjattivi minn Riżorsi Agrikoli Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilha mwaqqfa l-aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta? Jista’ jgħid ukoll fuq liema proġetti u inizjattivi ħadmet din l-aġenzija ġewwa l-gżejjer ta' Għawdex u Kemmuna, maqsuma sena b' sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta ilha mwaqqfa minn Novemberu tal-2023. Kull inizjattiva, skema jew inċentivi lii ġew imnedija, jgħoddu għall-bdiewa kollha kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Insemmi li s-sena l-oħra stess, din l-Aġenzija ħabbret miżura ta’ eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq art agrikola meta l-werriet ikun qed jiret art illi tkun qed tiġi mikrija lil terzi jew tkun qed tintiret minn bidwi li jaqa’ taħt kategorija 4 jew 5. Apparti l-funzjonijiet tagħha sabiex tiġi protetta l-art agrikola, l-istess Aġenzija qed twettaq ukoll il-pjan tal-ġestjoni tal-iskart agrikolu f’Malta u Għawdex. Ftit tax-xhur ilu, l-Aġenzija ħarġet sejħa pubblika għal proposti biex jinbena l-ewwel impjant f’Malta għall-ipproċessar tal-iskart agrikolu li qiegħed jiġi ġenerat kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Dan l-impjant se jipproduċi biogas u fertilizzanti naturali li jistgħu jintużaw mill-bdiewa stess, pass ieħor importanti lejn agrikoltura aktar ekoloġika, sostenibbli u ċirkolari. L-Aġenzija wkoll qed timplimenta proġetti u tassisti lill-bdiewa fuq skemi relatati mal-iżvilupp u l-ġestjoni tal-art agrikola. Proġett illi qed jiġi preżentement implimentat huwa proprja dak tar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ fejn numru ta’ applikanti qed jiġu assistiti mill-Aġenzija. Permezz ta’ din l-Aġenzija u t-twettiq ta’ dawn il-miżuri qed inkomplu nikkonfermaw l-impenn illi aħna għandna bħala Ministeru u bħala Gvern sabiex inkomplu nsaħħu l-investiment f’dan is-settur kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Għawdex u Kemmuna – Proġetti u xiri b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom matul is-sena 2026 mill-Ministeru tiegħu minn issa sal-aħħar tas-sena ġewwa Għawdex, u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej? Kemm huma stmati li se jiġu jiswew dawn il-proġetti/xiri u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li ser jiġu użati u minn liema fond?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħalissa ma hemm l-ebda l-proġetti/xiri li se jinbeda x-xogħol fuqhom mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, matul is-sena 2026 ġewwa Għawdex u li għalihom ser jiġu użati fondi Ewropej.

Klieb għall-addozzjoni fis-santwarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klieb għall-adozzjoni fis-santwarji? Jista’ jagħti ż-żmien, li ilu hemm l-iktar kelb li ilu f’santawarju l-aktar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Santwarji tal-annimali huma stabbilimenti mmexxija minn organizzazzjonijiet volontarji li huma liċenzjati skont il-Liġi Sussidjarja 439.14 - Regolamenti dwar Standards Minimi għal Santwarji tal-Annimali. Għaldaqstant, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali mhux id-detentur tal-informazzjoni mitluba u ma għandux din l-informazzjoni fil-pussess tiegħu.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2025?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru W455.

San Pawl il-Baħar - Menqa - Parati biex jitniżżlu d-dgħajjes

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex il-parati ta’ ħdejn il-Menqa f’San Pawl il-Baħar, jiġu rranġati biex ikunu jistgħu jintużaw aħjar minn dawk il-persuni li jtellgħu d-dgħajjes tas-sajd tagħhom minn dawk in-naħat?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill Onorevoli interpellanta biex din il-mistoqsija tiġi riferuta lill-Ministru ikkonċernat.