Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx konsultazzjoni mal-Ministru Aaron Farrugia bil-ħsieb li ssir pressjoni jew kuntatt għal fini ta’ diskussjoni sabiex fil-proġett tal-landfill tal-Magħtab ma titkompliex tittieħed raba’ li hija maħduma mill-bdiewa?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-PQ14648.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 14159, jista’ l-Ministru jgħid:
a) Kemm huma u liema huma d-dipartimenti kkonċernati li huma mistennija li jirċievu notifiċi għal prodotti ta’ ħxejjex, pjanti, mediċina, u kull prodott ieħor li b’regolamenti tal-UE, jimporta lejn pajjiżna minn pajjiżi terzi għall-UE, u
b) Kemm huma u liema huma d-dipartimenti kkonċernati li huma mistennija li jirċievu notifiċi kif mitlub mil-liġijiet tagħna u kif titlob l-UE meta pajjiżna jkunu ser jiġu importati, u trasportati prodotti tal-laħam, jew prodotti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-annimali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għall-mistoqsija (a) Id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, jirċievi notifiki fuq pjanti w materjal ieħor tal-pjanti.
Għall-istess mistoqsija, d-Dipartiment għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Annimali jirċievi dokumenti għal approvazzjoni fil-każ ta’ importazzjoni u tpoġġija fis-suq ta’ mediċina veterinarja.
Għall-mistoqsija (b), d-Dipartiment għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Annimali u Dipartimenti/Awtoritajiet Kompetenti oħrajn jirċievu notifiċi kif mitlub mill-liġijiet tagħna u kif titlob l-UE meta f’pajjiżna jkunu ser jiġu importati, u trasportati prodotti tal-laħam, jew prodotti oħra li għandhom x’jaqsmu mal-annimali
.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – teleworking
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal teleworking minn ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali u fi ħdan l-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu min-nhar l-20 ta' Frar 2020 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jindika l-grad u l-kariga li jokkupa kull wieħed mill-imsemmija ħaddiema? Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn it-talbiet ġew milqugħa, kemm ġew miċħuda u kemm għadhom pendenti?
Response (REFALO, ANTON)
Direttiva 13 tisħaq li, f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19, xogħol li jista’ jsir remotament isir hekk. Din mhix kwistjoni ta’ talbiet formali, imma ta’ arranġament biex titrażżan l-imxija msemmija.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – kuntratti mogħtija
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13900, jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti (kuntratti ta’ service provider, ta’ konsulenza u ta’ akkwist ta’ oġġetti)? Jista’ jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex mill-ġdid tkun iżjed speċifika fit-talba tagħha.
COVID-19 — Kirjiet ta' proprjetà pubblika – tħaffif
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux kirjiet ta' proprjetà pubblika lil negozji, entitajiet privati jew volontarji jew inkella persuni privati, li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħu? Jekk iva jista' l-Ministru jgħid jekk għandux pjanijiet biex il-piż ta' dawn il-kirjiet jitħaffef minn fuq il-kerrejja sakemm itul l-effett ta' COVID-19? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji ta' dawn il-pjanijiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali m’ għandux proprjeta’ mikrija lil negozji, entitajiet privati jew volontarji, jew inkella persuni privati.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar kemm huma dawk is-sajjieda u min huma, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, li qed jistadu għat-tonn mhux bil-kwota iżda by catch? Jista’ jgħid għaliex dawn is-sajjieda ma ngħatawx il-kwota tat-tonn? Jista’ jgħid ukoll meta dawn is-sajjieda jistgħu jingħataw il-kwota għas-sajd tat-tonn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma teżistix, minħabba l-fatt li t-tonn li jinqabad bħala by-catch, jinqabad b’mod aċċidentali waqt sajd għal ħut ieħor. Għaldaqstant dawn il-qabdiet jistgħu jiġu rrapportati biss b’mod retrospettiv.
Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm hemm bdiewa u raħħala reġistrati kemm full-time kif ukoll part-time? Jista’ jgħarraf kemm minnhom huma ta’ età akbar minn 65 sena, aktar minn 50 sena u dawk iżgħar minn 35 sena?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jinforma lil din il-Kamra f’liema stadju waslu x-xogħlijiet fuq il-breakwater fil-Ponta ta’ Qrejten f’Marsaxlokk? Jista’ jikkunsidra diskussjonijiet għal breakwater min-naħa tal-Magħluq ta' Marsaxlokk li jikkumplimenta l-breakwater fil-Ponta ta' Qrejten biex b’hekk il-bċejjeċ tas-sajd ikunu protetti sal-massimu minn maltempati mix-xlokk, u permezz ta' dan il-karba tas-sajjieda u l-inkwiet għal dawk kollha b'interess fil-Port ta' Marsaxlokk tiġi indirizzata bl-aqwa mod b'potenzjal ukoll għal iktar kummerċ u turiżmu?
Response (REFALO, ANTON)
Xogħlijiet fuq breakwaters huma r-responsabilità ta’ Transport Malta u mhux ta’ dan il-Ministeru . Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — kuntratti mogħtija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mill-Ministeru, aġenzija jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, sa mill-1 ta’ Marzu 2020? Jista’ jgħid lil min ingħata kull kuntratt, jindika l-iskop tiegħu, jekk ingħatax wara sejħa jew le, u l-valur tal-kuntratt?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tispeċifika għal-liema kuntratti qiegħda tirreferi.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali – konsulenzi/kuntratti minn kumpanija
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ingħatatx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru tiegħi ma ngħataw l-ebda konsulenzi u/jew kuntratti lill-imsemmija kumpanija.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13839 u għal Plant Quarantine Act, jista’ l-Ministru jgħid x’rapporti huma mistennija li jsiru minn dawk il-persuni li
(1) jkunu qed jimpurtaw prodotti minn pajjiżi terzi għal Unjoni Ewropea u
(2) li jkunu qed jittrasportaw prodotti lejn Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, fil-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, jistenna notifiki dwar prodotti li huma rregolati u għaldaqstant jeħtieġ li ssir spezzjoni fuqhom, kif imsemmi hawn taħt.
1. Importazzjoni ta’ prodotti minn pajjiżi terzi għall-Unjoni Ewropea:
L-importatur għandu jinnotifika lis-Sezzjoni tal-Ispettorat kif ukoll jissottometti d-dokumenti meħtieġa sabiex il-prodotti jkunu jistgħu jiġu rilaxxati. Fil-każ ta’ prodotti mhux regolati, l-importatur jibgħat d-dokumenti permezz ta’ imejl, u jsir ir-rilaxx tal-prodott b’mod elettroniku.
2. Trasportazzjoni ta’ prodotti lejn Malta minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea:
Dawn il-prodotti jiġu nnotifikati lid-Direttorat permezz ta’ sistema onlajn li tintuża minn diversi Dipartimenti kkonċernati.
B’referenza għall-Plant Quarantine Act, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti kif mitluba minn din il-Legal Notice, li daħlu fl-uffiċċju mitlub li jirċievi l-informazzjoni li dan l-Avviż Legali jitlob li jinġabar f’dawn l-aħħar tliet snin?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika għal liema tip ta’ rapporti qed jirreferi fil-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ rapporti li saru lill-Plant Protection Directorate b’referenza għal Vegetable Propagation and Planting Material (Amendment) Regulations, 2020 (Avviż Legali 89 tal-2020) li jemenda d-Direttiva 2008/72/EC etc, kif mitlub li jsiru wkoll mill-istess direttiva qabel dawn l-aħħar emendi, bl-użu tal-EU - Plant Notification Form f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid ukoll jekk ikunux infurmati 48 siegħa qabel ma jaslu l-prodotti li l-istess aAvviż Legali titlob li din l-entità msemmija tkun informata?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan d-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, fl-aħħar tlett snin ma kellu l-ebda notifika bl-EU - Plant Notification Form għal xitel u materjal ieħor għat-tħawwil ta’ ħaxix tal-ikel miġjuba minn utenti finali u mhux professjonali skont l-Avviż Legali 89 tal-2020.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li titranġa l-ħsara li hemm fil-Moll tal-Veċċa f’San Pawl il-Baħar?
Response (REFALO, ANTON)
Il-manutenzjoni fuq mollijiet hija r-responsabilità ta’ Transport Malta u għalhekk ma taqax taħt ir-responsabilità ta’ dan il-Ministeru . Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li jkun hemm sorveljanza fuq il-mollijiet f’Malta sabiex jara li fil-mollijiet jingħataw l-aħjar servizzi possibbli qabel ma jibda l-istaġun tas-sajd?
Response (REFALO, ANTON)
Xogħol fuq mollijiet huwa r-responsabilità ta’ Transport Malta u mhux ta’ dan il-Ministeru . Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-prezzijiet tat-tonn li bħala Ministru għandu konoxxenza tagħhom, u li dawn il-prezzijiet ser ikunu gwida għall-prezzijiet li bihom ser jitħallsu s-sajjieda tagħna li jistadu għat-tonn?
Response (REFALO, ANTON)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed tiġi mitluba hija ta’ natura kummerċjali. Barra minn hekk, f’dan l-istadju, il-Ministeru m’għandu l-ebda informazzjoni uffiċjali rigward il-prezzijiet tat-tonn.
Entitajiet li jiġbru informazzjoni rigward importazzjoni ta’ prodotti agrikoli
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu li għandhom id-dover li jiġbru l-informazzjoni rigward l-importazzjoni f’pajjiżna ta’ prodotti ta’ ħaxix, siġar u prodotti oħra tas-suq agrikolu, kemm jekk ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea kif ukoll għal dawk li jkunu ġejjin minn pajjiżi fl-Unjoni Ewropea għal twassil lejn Malta u Għawdex tal-istess prodotti agrikoli?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti, fi ħdan id-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, jiġbor tali informazzjoni.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — xogħlijiet minn kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jelenka, jekk hu l-każ, kull direct order jew simili, taħt kwalsiasi kappa jew isem, li kwalsiasi entità taħtu tat lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fl-2019 u fl-2020? Għal kull każ, jista’ jagħti l-ammont ta’ ħlas u r-raġuni ta’ dak ix-xogħol?
Response (REFALO, ANTON)
L-ebda entità fid-dekasteru tiegħi ma tat xi direct order, skont l-Artiklu 103 tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, lill-kumpanija inkwistjoni fil-perjodu indikat.
Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-annimali – nefqa fuq fuel/petrol/diesel
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 12621, jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal għaż-żieda fin-nefqa fuq il-fuel? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu humiex qed jagħmlu użu minn vetturi tal-elettriku, hybrid jew xi tip ieħor favur l-ambjent? Jekk iva, kemm-il karozza qed tintuża u x’tip huma? Jekk le, hemm pjan biex dan isir?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-figuri rrapurtati fit-tweġiba PQ12621 jirrapreżentaw figuri b’real prices fuq kull sena bażi. Għaldaqstant 4.23% miż-żieda fis-snin 2018 u 2019 komparat mal-2017 jirrapreżentaw iż-żiediet annwali fil-prezz tal-fjuwil. Dawn iż-żidiet kienu dovuti wkoll għal żieda fl-attivita’ bħal spezzjonijiet u kontrolli fuq il-baħar li żdiedu drastikament fl-2019; akkwist ta’ żewġ RHIBs (Rigid Hull Inflatable Boats) ġodda fl-2019 li żiedu n-nefqa ta’ konsum ta’ fjuwil b’50%; l-użu ta’ trakk għal separazzjoni ta’ fdalijiet li joħorġu mill-Biċċerija fl-impjant tal-autoclave liema prattika ġiet introdotta fl-2019, apparti l-użu tal-incineratur; żieda ta’ spezzjonijiet fl-2019 (12%) flimkien ma’ spezzjonijiet oħra biex isir assessjar ta’ danni mġarrba mill-bdiewa kawża tal-maltemp; żieda ta’ attivita’ relatata ma’ kampanji ġodda ta’ għarfien; u vjaġġi addizzjonali relatati ma’ xogħol amministrattiv.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li preżentament fil-Ministeru tiegħi kif ukoll fl-entitajiet rispettivi m’hemm l-ebda karozzi li jaħdmu bl-elettriku, pero’ qed jiġi kkonsidrat li jinxtraw jew jinkrew vetturi ta’ dan it-tip.