Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – amministrazzjoni tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min fil-Ministeru tiegħu qed jamministra l-Fondi tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ li jammontaw għal madwar €700,000?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-amministratur tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea għat-taħriġ huwa s-CIO filwaqt li uffiċjal fi Skala 3 tissorvelja l-External Border Fund.

Sejħa għall-Post ta’ Direttur għall-Maltin li jgħixu Barra minn Malta u Affarijiet Konsulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm applikaw persuni fl-ewwel sejħa għall-post ta’ Direttur għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta u Affarijiet Konsulari li saret xi ġimgħat ilu? Jista’ jgħid intgħażilx xi uffiċjal minn dawk li applikaw?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant li dawn it-tip ta’ sejħiet ma jinħarġux mill-Ministeru imma b’mod ċentrali.

Ftehim bejn il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ u individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jekk jeżistix xi ftehim bejn dan l-individwu u l-Ministeru tiegħu? Jista’ jpoġġi kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid min ħareġ il-kważi €50,000, jekk hux il-Ministeru tiegħu jew minn xi Ministeru ieħor?

Response (ABELA, CARMELO)

Naħseb li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għal Ftehim tat-3 ta’ Ġunju 2019 bejn il-Ministeru, il-Parroċċa li fil-pussess tagħha għanda is-sett ta’ pitturi tal-artist rinomat Malti li fuqhom ser isir ir-restawr, u restawratur famuż li żgur ma’ għandux bżonn introduzzjoni u fil-fatt,ilu jaħdem Malta fil-qasam tar-restawr għal dawn l-aħħar tliet deċenji. Il-fond użatt huwa dak tad-Diplomazija Kulturali li jaqa’ taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Nittama li l-Oppożizzjoni mhux kontra li bħala gvern nieħdu ħsieb il-patrimonju kulturali ta’ pajjiżna.

Uffiċċji tad-Diplomatiċi — ħassiela

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk tqabbdux ħassiela barranin, ċittadini tas-Serbja u tal-Filippini fost oħrajn, fil-Ministeru tiegħu, sabiex jaħslu l-uffiċċji tad-Diplomatiċi fejn fuq l-iskrivaniji u units, ikun hemm files kunfidenzjali, dokument tal-COREU tal-Unjoni Ewropea u korrespondenza sensittiva aċċessibbli għal dawn iċ-ċittadini barranin?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif fil-Ministeru jsir mill-kuntrattur. Skont ir-regoli tal-procurement ma’ tistax tagħmel restrizzjoni ta’ nazzjonalità. It-tindif fl-uffiċini jsir taħt is-sorveljanza tal-uffiċjal tas-sigurtà.

Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti – ingaġġ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ħa d-deċizjoni li tiġi impjegata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ċittadina tal-Moldova bħala ‘Political Officer’ fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra, meta s’issa xogħol sensittiv ta’ dan il-kalibru kien isir minn diplomatiċi professjonali Maltin? X’tip ta’ screening sar, jekk sar, ta’ din il-Locally Engaged Staff barranija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li qed jirreferi għaliha ġiet ingaġġata wara li saret il-proċedura tal-għażla minn Bord ta’ diplomatiċi fir-Rappreżentanza ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti f’Ġinevra. Fuq rakkomandazzjoni tal-Bord, il-Ministeru approva l-ingaġġ. Ninsab infurmat li l-persuna konċernata qed tagħmel xogħol amministrattiv.

Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar Laqgħa Annwali tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta? Jista’ jpoġġi l-minuti fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid kemm ġiet tiswa l-ispiża totali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aħħar laqgħa annwali tal-Kunsill tal-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta saret bejn l-20 u l-21 ta’ Novembru 2018. Peress li l-minuti tal-laqgħa annwali tal-2018 għad iridu jiġu approvati mill-membri tal-Kunsill, f’dan l-istadju ma jistgħux ikunu mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra. Madankollu, l-Onor. Interpellant jista’ jitlob kopja tal-istess minuti meta dawn jiġu approvati mill-membri tal-Kunsill fil-laqgħa li jmiss ta’ Ottubru li ġej. Sadanittant l-ispiża totali tal-Laqgħa tal-Kunsill tas-sena l-oħra kienet tammonta għal €29,266.27

Ambaxxata fiċ-Ċina — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa Beijing iċ-Ċina?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant bil-ħidma attiva tal-Ambaxxata tagħna ġewwa Beijing iċ-Ċina fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena. Bilaterali Fil-bidu tal-2019, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing mhux biss kienet akkreditata għar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda akkreditata wkoll għar-Repubblika tal-Mongolja, għar-Repubblika tal-Filippini kif ukoll għar-Renju tal-Kambodja. Fis-16 ta’ Jannar 2019, l-Ambaxxatur-Residenti f’Beijing ippreżenta l-kredenzjali lill-Eċċellenza Tiegħu Nguyen Phu Trong, President tar-Repubblika tal-Vjetnam. Minkejja li dawn il-pajjiżi jikkonsistu parti kbira mill-Asja, Malta tgawdi relazzjonijiet diplomatiċi eċċellenti magħhom kollha, u xhieda ta’ dan hija ż-żieda fl-attivita` kummerċjali, speċjalment maċ-Ċina u l-Filippini, kif ukoll mal-Vjetnam. Fl-24 ta’ Jannar 2019, f’ċerimonja fejn attendew iktar minn 1000 persuna, l-Ambaxxatur ta’ Malta għaċ-Ċina ġie onorat bi preżentazzjoni tas-Super Ambassador’s Award mis-Silk Road Spring Festival Committee. Fil-31 ta’ Jannar 2019, l-Ambaxxatur attenda riċeviment tas-Sena l-Ġdida fl-iState Guesthouse ospitat mill-Eċċellenza Tiegħu Wang Yi, Kunsillier tal-iStat u Ministru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina. Fuq stedina mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin, l-Ambaxxatur ta’ Malta attenda diversi okkażjonijiet, li inkludew promozzjonijiet fil-Provinċja ta’ Shanxi u l-belt ta’ Tianjin. L-Ambaxxatur ta’ Malta jorganizza laqgħat kull tliet xhur mad-Dipartiment tal-Affarijiet Ewropej sabiex jassigura li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina ikompli jaħdem fuq ir-rikjesti ta’ Malta. L-aħħar laqgħa saret fit-28 ta’ Jannar 2019. Fost affarijiet diskussi, kien hemm segwitu fuq Memorandum ta’ Ftehim rigward One Belt One Road iffirmat fis-6 ta’ Novembru 2018, kif ukoll progress fuq l-iffirmar propost ta’ Ftehim dwar Programm Kulturali mill-2019 sal-2023. Fl-aħħar ta’ Marzu, l-Ambaxxatur irrappreżenta lil Malta fil-Forum Annwali BOAO, li sar fil-gżira ta’ Hainan fin-nofsinhar taċ-Ċina. Waqt il-preżentazzjoni tiegħu, l-Ambaxxatur għamel emfasi fuq l-andament tajjeb ħafna tal-ekonomija ta’ pajjiż żgħir bħal Malta, kif ukoll iż-żieda li seħħet fil-kummerċ bejn Malta u ċ-Ċina, speċjalment fejn jidħol investiment fis-settur tal-enerġija mill-kumpanija Shanghai Electric Power Co. Ltd. (SEP), kif ukoll l-istabbiliment ta’ Shanghai Electric Power (Malta Holdings) Ltd. f’Malta. Bejn l-24 u s-27 ta’ April 2019, saret it-tieni laqgħa tal-Belt and Road Initiative (BRI) f’Beijing. F’din il-laqgħa importanti, Malta kienet irrappreżentata mill-Onorevoli Joe Mizzi, il-Ministru għall-Enerġija u Maniġġjar tal-Ilma. Il-Ministru Mizzi attenda ċ-Ċerimonja tal-Inawgurar tal-Belt and Road Energy Partnership u għamel l-Indirizz Ewlieni għall-Konferenza dwar l-Enerġija tal-BRI. Wara d-diskors ewlieni tiegħu, il-Ministru Mizzi ffirma Memorandum ta’ Ftehim (MOU) mal-SEP, li jirrikonoxxi wkoll iż-żieda fil-kooperazzjoni bejn Malta u l-SEP li se tara investiment fil-provvista ta' enerġija fil-Montenegro permezz tal-bini ta' turbini tar-riħ. Kummerċjali Flimkien mat-tkabbir kostanti tal-applikazzjonijiet għall-VISA mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, l-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing rat ukoll tkabbir mgħaġġel fl-applikazzjonijiet għall-VISA mill-Filippini. Barra minn hekk, bl-approvazzjoni tas-Central VISA Unit ta’ Malta (CVU), numru sinjifikanti ta’ atturi ġodda bħall-Vjetnam, it-Tajlandja u l-Indoneżja daħlu fix-xena. Il-biċċa l-kbira tal-applikazzjonijiet mill-Filippini inkludew permessi tax-xogħol li jirriflettu t-tkabbir sostanzjali tal-ħaddiema Filippini fl-industriji ta’ Malta bħal Carers, Saħħa, and Ospitalita`. Is-CVU approvat applikanti minn nazzjonijiet oħra li kienu jikkonsistu l-aktar minn applikanti għal studenti fit-tul li jeħtieġu Vizi D-National. In-numru ta’applikazzjonijiet għal VISA minn dawn in-nazzjonijiet kollha, u li ġew ipproċessati fl-Ambaxxata ta’ Beijing u l-Konsulat-Ġenerali ta’ Shanghai, kienu: iċ-Ċina 2,336, il-Filippini 798, il-Vjetnam 34, it-Tajlandja 14 u l-Indoneżja 8, li jammontaw għal 3,190. ¯ieda maġġuri fl-ammont ta' xogħol kemm tal-Ambaxxata ta' Beijing kif ukoll tal-Konsulat-Ġenerali ta' Shanghai ġejja mill-ipproċessar u x-xhieda ta' dokumenti għall-applikanti għall-Malta Residence VISA Program (MRVP) u l-Malta Individual Investor Program (MIIP). Kemm fl-Ambaxxata ta' Beijing kif ukoll fil-Konsulat-Ġenerali ta' Shanghai, it-Tlieta u l-Ħamis ta ' kull ġimgħa huma kważi totalment iddedikati għall-intervisti tal-applikanti ewlenin u d-dipendenti tagħhom, kif ukoll ix-xhieda tad-dokumenti rilevanti. Kull applikazzjoni waħda tista' tinkludi sa għaxar jew tnax-il persuna, u ssarraf f’x-xogħol li jieħu ħafna ħin. Minn Jannar sal-aħħar t'April, l-Ambaxxata ta' Beijing u l-Konsulat-Ġenerali ta ' Shanghai kienu pproċessaw 175 applikazzjoni għall-MRVP u 13-il applikazzjoni għall-MIIP. Xejra kummerċjali pjaċevoli kienet iż-żieda fin-numru t’applikazzjonijiet għall-istudenti għal bosta mill-istituzzjonijiet terzjarji ta’ Malta u l-iskejjel tal-lingwa Ingliża. L-Ambaxxatur ta’ Malta żar Shanghai biex jipparteċipa bħala Mistieden t’ Unur fil-Ftuħ Uffiċjali tal-Uffiċċju ta’ Shanghai tal-Università Amerikana ta’ Malta (AUM). Fiċ-Ċerimonja, l-Università ffirmat ukoll Memorandum ta’ Ftehim (MOU) mal-Università Normali tal-Lvant taċ-Ċina. Attivitajiet kummerċjali oħra kienu jinkludu l-intervisti mill-Ambaxxatur ta’ Malta lil diversi persuni li jixtiequ jipproponu pjanijiet ta’ negozju għal attivitajiet kummerċjali f’Malta. Ħafna minn dawn il-persuni esprimew interess ewlieni fil-Leġiżlazzjoni ta’ Malta dwar il-Blockchain u għarfien tajjeb dwarha. Bosta minn dawn il-persuni sussegwentement attendew is-Summit ta' Blockchain li sar f'Malta fl-aħħar ta' Mejju, 2019. Ħafna persuni oħra interessati fl-investiment f'Malta waslu f'Malta wara l-organizzazzjoni tad-delegazzjonijiet lill-Prim Ministru u Ministri oħra. Fit-22 ta’ Frar 2019, l-Ambaxxatur ta’ Malta intervista lill-Viċi-President, lill-Maniġer Ġenerali, lill-VIP Service Manager, u lill-Eżekuttiv tal-Promozzjoni Internazzjonali tal-Grupp taċ-Ċentru tal-Kummerċ Barrani taċ-Ċina, li fis-17 ta’ Marzu żaru l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija f'Malta sabiex tippromwovi l-kummerċ bilaterali bejn Malta u ċ-Ċina, u tistabbilixxi relazzjoni m'organizzazzjonijiet tan-negozju li jistgħu jgħinu biex jiffaċilitaw il-kummerċ u l-iskambji bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna. Fl-1 ta' Marzu, u fit-8 ta' Marzu 2019, l-Ambaxxatur ta' Malta intervista diversi persuni miċ-China Communications Construction Group (Ltd) li kienu ġew mistiedna f'Malta mill-Onor. Dr. Christian Cardona, Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji ż-¯għar sabiex jipparteċipaw fil-Konferenza ta’ l-Iskambju Tekniku tal-Inġinerija Mina ta’ Ħong Kong-Zhuhai-Macao taċ-Ċina fit-13 ta’ Marzu 2019. Aktar intervisti saru mill-Ambaxxatur ta’ Malta aktar tard f'Marzu għal persuni addizzjonali mistiedna mill-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ta' INFRASTRUCTURE MALTA biex jattendu konferenza simili li saret bejn it-22 ta’ Marzu u t-28 ta' Marzu, 2019. B'appoġġ għall-promozzjoni tat-turiżmu Ċiniż lejn Malta, l-Ambaxxatur kellu wkoll laqgħa ma' waħda mill-akbar aġenziji turistiċi taċ-Ċina, CAISSA, biex jiddiskuti l-issimplifikar tal-applikazzjonijiet għall-VISA, u biex jissolleċita l-appoġġ tal-banek ewlenin taċ-Ċina fil-forniment ta' dikjarazzjonijiet bankarji għall-applikazzjonijiet għall-VISA. Bejn it-2 ta’ April u l-4 t’April 2019, l-Ambaxxatur, fil-kapaċità tiegħu ta’ Konsulent, irrappreżenta lill-Onor Edward Scicluna fil-laqgħa ta’ kull tliet xhur tal-Bank tal-Investiment għall-Infrastruttura tal-Asja (AIIB), li minnu Malta hija waħda mill-membri inawgurali. Il-bank ra tkabbir mgħaġġel mis-57 membru oriġinali tiegħu f'Jannar 2016 għal 97 membru attwali tiegħu. Avveniment ewlieni t'interess kummerċjali li seħħ f'nofs April kienet iż-żjara f'Beijing mill-Kummissarju tal-Films ta' Malta, is-Sur Johann Grech u l-assistent tiegħu, is-Sur Daniel Camilleri. Fl-antiċipazzjoni taż-żjara tiegħu, l-Ambaxxatur ta’ Malta kien organizza numru eżawrjenti ta’ laqgħat ma’ wħud mill-aqwa atturi taċ-Ċina fl-industrija tal-Films u t-TV. Fost oħrajn, dawk inklużi kienu rappreżentanti minn CCTV-6 Movie Channel, ir-Rapport Dinji tal-Films, CKF Pictures, il-Kumpanija Leġġendi ta' Ħames Stilel Sky Golden Harvest Company, u Culture Investment Holding Co. Ltd, li hija subordinata tal-istat ta' Beijing Culture Investiment u Development Co, Ltd. Minn dakinhar kien hemm korrispondenza ta' segwitu minn numru ta' dawk il-kumpaniji. Il-bosta attivitajiet ta’ Shanghai Electric Power f’Malta wasslu għal ħtieġa ta’ ħafna delegazzjonijiet ta’ staff amministrattiv u tekniku anzjan biex iżuru Malta. Fit-18 ta’ Frar, fil-5 ta’ Marzu, fl-20 ta’ Marzu u fit-8 ta’ April, 2019, l-Ambaxxatur ta’ Malta intervista lil bosta minn dawn il-persuni li waslu Malta f’diversi delegazzjonijiet fit-22 ta’ Frar, fil-15 ta’ Marzu, fid-29 ta’ Marzu u fit-8 ta’ Mejju, 2019. Akkademiċi minn diversi universitajiet fiċ-Ċina ppreżentaw karti f'għadd ta' konferenzi li saru f'Malta. L-Ambaxxatur ta’ Malta ltaqa’ ma’ letturi mill-Università tat-Teknoloġija ta’ Hubei, id-Dekan u numru ta’ professuri mill-Università tax-Xlokk, kif ukoll riċerkatur assoċjat mis-Servizz Nazzjonali tad-Dejta u l-Informazzjoni Marittima, iċ-Ċina. Kultura Bla dubju l-aktar avveniment kulturali importanti matul l-ewwel erba' xhur tal-2019 kien il-Festival tal-Gourmet Malti li sar fil-Lukanda Minzu, lukanda ta’ fama dinjija. Il-festival, li nfetaħ uffiċjalment b'Konferenza tal-Midja mill-Ambaxxatur Malti fl-20 ta' Marzu, 2019, sar kull jum għall-kolazzjon, l-ikla ta' nofsinhar u l-pranzu sal-31 ta' Marzu, 2019. Ħames koki prominenti minn Malta attendew il-festival u ġew imsajra ikliet għall-kapaċità tal-folol f'kull ikla. Fid-29 ta' Marzu, 2019, sar Pranzu Gala li għalih attendew diversi persuni prominenti mill-gvern Ċiniż, NGOs, kumpaniji tal-istat u CAISSA, kumpanija ewlenija tat-turiżmu. Il-Festival tal-Malta Gourmet sar permezz tal-kooperazzjoni mill-qrib tal-Assoċjazzjoni Maltija taċ-Ċina għall-Ħbiberija, il-Minzu Hotel, l-Assoċjazzjoni tal-Ħbiberija Popolari ta' Beijing ma' Pajjiżi Barranin, l-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing, u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta. Xejra pjaċevoli fir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina kienet it-tkabbir fin-numru ta’attivitajiet u skambji kulturali. Dawn il-biċċa l-kbira ġew iġġenerati mill-istaff tal-ħaddiema taċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina f'Malta li jinteraġixxi tajjeb ħafna mal-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing. Fl-aħħar ta' Diċembru 2018, 43 membru tal-Ballet ta' Guangzhou ġew f'Malta għal numru ta' wirjiet. Fl-10 ta’ Jannar 2019, l-Ambaxxatur ta' Malta f'Beijing intervista lid-Direttur u 14-il membru tal-Fujian Quanzhou Protezzjoni tal-Patrimonju Kulturali Intanġibbli Ċentru tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina li żar Malta fis-17 ta' Jannar 2019, biex jagħmel numru ta' prestazzjonijiet fuq perjodu ta’ ħamest ijiem. Fil-21 ta' Jannar 2019, l-Ambaxxatur intervista seba' persuni sponsorjati mid-Dipartiment tal-Kultura u t-Turiżmu tar-Reġjun Awtonomu ta’ Guangxi Zhuang li attendew il-Forum tat-Turiżmu tal-Mediterran u l-Wirja tal-Kultura u t-Turiżmu ta' Guangxi li saret fiċ-Ċentru Kulturali taċ-Ċina fil-Belt Valletta. Fil-21 ta' Frar, 2019, l-Ambaxxatur ta' Malta intervista wkoll artist Ċiniż prominenti li kellu Wirja Solo f'Malta mit-3 ta' Marzu, 2019. Fid-19 ta' Marzu, 2019, saret ukoll intervista addizzjonali fl-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing ma' artist prominenti ieħor. L-Ambaxxatur ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu attendew ukoll numru ta’ wirjiet kulturali inkluż id-Dance Folk Rumen, Prestazzjoni tal-Opra ta’ Peking organizzata mill-Ministeru tal-Kultura u t-Turiżmu taċ-Ċina, il-Ballu Irlandiż ta’ San Patrizju, u l-24 Edizzjoni tax-Xahar tal-Frankofonija. Attività li saret karatteristika regolari fl-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing hija l-istedina mill-Ambaxxatur ta’ Malta lil studenti minn xi skejjel prominenti fiċ-Ċina biex jipparteċipaw f’diversi attivitajiet fl-Ambaxxata. Fil-passat, dawn inkludew dibattiti, qari tal-poeżija, kanzunetti u żfin, kif ukoll il-preżentazzjoni ta’ diskorsi mill-istudenti. Avveniment bħal dan sar fl-24 ta’ Jannar, 2019, organizzat mill-Assoċjazzjoni tal-Ambaxxaturi Kulturali ¯għażagħ Ċiniżi u Barranin. Konsolari L-Ambaxxata ta’ Malta f’Beijing hija wkoll responsabbli mill-amministrazzjoni tal-Konsulat Ġenerali ta’ Shanghai, fejn minbarra l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-VISA u l-intervisti tal-MRVP u l-MIIP, ħafna attivitajiet jimxu b'mod parallel mal-attivitajiet fl-Ambaxxata. Dawn jinkludu attivitajiet bħall-attendenza għal laqgħat tal-Heads of Missions (HOMS), l-Akkoljenza f'Jum Nazzjonali, l-iffirmar tal-Kotba ta' Kondoljanzi, eċċ. L-Ambaxxata ta' Malta f'Beijing hija assistita fil-ħidma tagħha mill-Konslu Onorarju f'Manila, li din is-sena jiċċelebra 30 sena f'dan ir-rwol volontarju, u l-Konslu Onorarju fil-Mongolja li għadu kif ġie maħtur. Mill-Preżentazzjoni tal-Ittri ta' Kredenzjali fis-16 ta' Jannar, 2019, l-Ambaxxata ta' Malta kellha wkoll l-assistenza eċċellenti tal-Konslu Onorarju fil-Vjetnam, li diġà pprovda appoġġ qawwi lid-delegazzjonijiet tal-kummerċ li jżuru l-pajjiż u għall-organizzazzjoni ta' adozzjonijiet barranin mill-Vjetnam minn familji Maltin. Wara bosta xhur ta' negozjati, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin taċ-Ċina issa approva wkoll l-għoti ta' l-Exequatur lill-Konslu Onorarju għal Malta f'Hong Kong li għadha kif ġiet maħtura. Promozzjoni ta' Malta Għalkemm ħafna minn dawn diġà ġew koperti fit-taqsimiet kummerċjali u kulturali, saru numru ta' attivitajiet speċifiċi għall-promozzjoni ta' Malta f'ħafna partijiet taċ-Ċina barra minn Beijing. Dawn inkludew żjarat mill-Ambaxxatur ta’ Malta fuq diversi weekends sabiex jippreżenta diskorsi li jippromwovu lil Malta lil udjenzi li jvarjaw minn 100 sa 500 persuna. Diskorsi bħal dawn ġew ippreżentati f'Xian, Guangzhou, Shanghai, Shenzhen, Shenyang u Chengdu. Dawn il-preżentazzjonijiet ġeneralment kienu akkumpanjati minn intervisti tal-medja għall-Istampa u t-TV. L-Ambaxxatur ta' Malta akkumpanja wkoll delegazzjoni kummerċjali minn Malta għall-Vjetnam u għamel diskorsi ewlenin fil-promozzjonijiet f'Hanoi u Ho Chi Min City. F'Beijing, l-Ambaxxatur ta' Malta kellu intervista maġġuri mal-Programm tat-TV onlajn tas-CCTV u tkellem fi promozzjoni maġġuri tat-turiżmu matul il-Festival tar-Rebbiegħa Ċiniża. Kwistjonijiet Oħra Dawn inkludew l-attivitajiet tas-soltu bħalma huma li l-Ambaxxatur ta’ Malta jirċievi Sejħa tal-Korteżija mill-Ambaxxatur li għadu kemm ġie maħtur mill-Ġorġja, u jattendi ikliet ospitati minn Ambaxxaturi oħra bħal Spanja, l-UAE u l-USA. Riċevimenti tal- Jum Nazzjonali li attendew l-Ambaxxatur ta' Malta u s-Sinjura tiegħu kienu l-Indja, il-Kuwajt, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Bangladexx, u l-Ġurnata tar-Re tal-Pajjiżi l-Baxxi. Ġew iffirmati kotba ta’ kondoljanzi għall-Polonja, New Zealand, il-Peru, is-Sri Lanka u l-Lussemburgu. L-Ambaxxatur ta’ Malta u s-Sinjura tiegħu attendew ukoll ANZAC Day Dawn Memorial Service fl-Ambaxxata ta’ New Zealand, u ppreżentaw bukkett fjuri f’isem Malta.

Ambaxxata f’Berlin — ħidma

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fl-ewwel erba’ xhur tas-sena mill-Ambaxxata tagħna ġewwa Berlin?

Response (ABELA, CARMELO)

Bilaterali Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena (2019), l-Ambaxxata Maltija f’Berlin inizjat u/jew ikkordinat numru ta’ żjarat u laqgħat fil-Ġermanja li kienu jinvolvu Ministri u Segretarju Parlamentari, kif ukoll żjarat f’Malta minn Ministru tal-Gvern Ġermaniz u minn deputat mill-Bundestag. Għall-ewwel darba, Malta kienet rappreżentata mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-Konferenza dwar is-Sigurta’ li ssir kull sena fi Frar fil-belt ta’ Munich, il-“Munich Secuity Conference”. L-Ambaxxata ħadet ħsieb li l-Ministru Carmelo Abela jiġi mistieden u ħejjiet il-parteċipazzjoni tiegħu f’diversi sessjonijiet li saru matul il-Konferenza fejn huwa għamel numru ta’ interventi. Il-Ministru kellu wkoll taħdidiet uffiċjali mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Armenja, li miegħu iffirma Memorandum ta’ Ftehim, filwaqt li laqgħat bilaterali oħrajn saru mal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Oman u tas-Sudan. Matul il-konferenza (15-17.2.2019) il-Ministru kellu wkoll numru ta’ laqgħat ma’ Ministri u rappreżentanti għoljin mill-Ġermanja u minn pajjiżi ohra. L-Ambaxxatur akkompanja lill-Ministru waqt il-programm u l-laqgħat. Fl-okkażjoni tal-Fiera tat-Turiżmu ITB li ssir kull sena f’Marzu f’Berlin, l-ikbar waħda tal-ġeneru tagħha fid-dinja u li fiha Malta tieħu sehem permezz ta’ “stand” u delegazzjonijiet mill-MTA, l-Air Malta, l-MIA u numru konsiderevoli ta’ rappreżentanti minn ditti privati, l-Ambaxxata organizzat – f’isem l-MTA – riċeviment għal madwar 100 ruħ mis-settur turistiku u tal-ivvjaġġar, ġurnalisti u rappreżentanti minn assoċjazzjonijiet u ditti involuti fis-settur. L-istedina għal dan ir-riċeviment ħarġet, mill-Ambaxxatur u miċ-Chairman tal-MTA, li ndirizzaw lill-mistednin fil-bidu tar-riċeviment. It-turiżmu mill-Ġermanja lejn Malta żdied kull sena matul dawn l-aħħar snin. Apparti mill-ITB, l-Ambaxxata tagħti s-sostenn tagħha billi regolarment torganizza attivitajiet li juru l-attrazzjonijiet ta’ Malta u Għawdex, eż. l-“Europa Lounge” f’Berlin li fih ser tieħu sehem l-Ambaxxata (ara isfel fis-sezzjoni “Promozzjoni ta’ Malta”). Fiera oħra importanti li ssir kull sena ġewwa Berlin f’Jannar hija l-‘Green Week’. Barra l-esibizzjoni ta’ prodotti agrikoli, matul il-Fiera jiġu organizzati numru ta’ seminars u laqgħat kif ukoll konferenza li fiha jieħdu sehem Ministri tal-Agrikoltura minn madwar id-dinja. L-Ambaxxata ħadet ħsieb it-tħejjijiet li saru għall-parteċipazzjoni tas-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri u għenet matul iż-żjara tiegħu f’Berlin. L-Ewwel Segretarja fl-Ambaxxata Sephora Gauci akkompanjat lis-Segretarju Parlamentari. F’April, il-Ministru Joe Mizzi ħa sehem fil-konferenza Energy Transition Dialogue: New Horizons li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f’Berlin. L-Ambaxxata ikkordinat iż-żjara tal-Ministru filwaqt li l-Ambaxxatur akkompanjah fit-taħdidiet li huwa kellu mas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru Federali għall-Ekonomija u l-Enerġija, Thomas Bareiss. L-Ambaxxata origanizzat iż-żjara f’Malta tad-deputat tal-Bundestag Dr. Christoph Ploss (CDU), li huwa r-‘rapporteur’ fuq Malta fil-Kumitat tal-Bundestag għall-Affarijiet tal-Unjoni Ewropea u membru fil-Kumitat tal-Bundestag għat-Trasport u l-Infrastruttura Diġitali. L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ Dr. Ploss darbtejn qabel dan ġie Malta. Waqt li kien Malta, Dr. Ploss iltaqa’, fost l-oħrajn, mal-Ministru l-Professur Edward Scicluna, mas-Segretarju Parlamentari Dr. Aaron Farrugia, ma’ rappreżentanti mill-MFTP, mal-Professur Stephen Calleja u Dr. Monika Wohlfeld mill-MEDAC. Fit-18 ta’ Jannar l-Ambaxxatur kellu laqgħa twila mal-membri tal-Bundestag li jiffurmaw parti mill-grupp ‘Seenotrettung’ (Sea Rescue) dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati u tal-migranti fil-Mediterran. F’dan il-grupp hemm rappreżentati l-partiti kollha fil-Bundestag barra l-partit AfD. Il-grupp huwa mmexxi mid-deputat president (deputy speaker) tal-Bundestag, Claudia Roth. Matul il-laqgħa ġiet diskussa l-possibilta’ li s-Sinjura Roth u l-membri tal-grupp jiġu Malta biex jaraw b’għajnejhom is-sitwazzjoni diffiċli li tinsab fiha Malta u biex jaraw kif Malta tista’ tigi mgħejuna. Kull darba li l-AFM kienu involuti f’operazzjonijiet ta’ salvataġġ ta’ refuġjati jew migranti, l-Ambaxxata bgħatet l-informazzjoni rispettiva lill-media, lill-Uffiċċju tal-President Ġermaniz, lill-Uffiċċju tal-Kanċillier, lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u diversi għaqdiet u persuni li jikkuntattjaw l-Ambaxxata dwar dan is-suġġett. Dan biex nagħmluha ċara li, f’dan il-qasam, kontra dak li kultant jiġi rrappurtat, Malta mhux biss dejjem wettqet l-obbligi tagħha iżda wkoll marret oltre. B’riżultat tal-inizjattivi tal-Ambaxxata, il-media Ġermaniża diversi drabi tat prominenza lix-xogħol tal-AFM. Kull sena ir-reġjun ta’ Ahrweiler, viċin ta’ Bonn, jorganizza programm kbir ta’ attivitajiet mifrux fuq diversi gimgħat imsejjaħ “Ahrweiler Freiheitswochen” (Il-Ġimghat tal-Liberta ta’ Ahrweiler). Is-suġġett din id-darba kien il-Futur tal-Ewropa. Il-programm ta’ din is-sena sar taħt il-patruċinju tal-Ambaxxatur Malti fil-Ġermanja li fetaħ il-programm uffiċjalment waqt ċerimonja fl-14 ta’ Marzu fil-belt ta’ Remagen. B’hekk Malta ingħatat pubbliċita’ bi prominenza fil-media. L-Ambaxxatur kien mistieden iżur ir-reġjun fejn ta tlett taħdidiet, wieġeb domandi u kellu laqgħat ma’ diversi persuni distinti li kienu preżenti għad-diskorsi tiegħu, fosthom deputati mill-parlament tal-istat federali ta’ Rheinland-Pfalz (Rhineland Palatinate – belt kapitali Mainz) u s-Sinjura Barbara Genscher, l-armla tal-ex Ministru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż, Hans-Dietrich Genscher. Huwa kellu wkoll laqgħa ma’ grupp kbir ta’ studenti minn tlett kulleġġi fir-reġjun li magħhom iddiskuta r-rwol ta’ Malta fl-Ewropa, l-edukazzjoni u ż-żgħażagħ, kif ukoll l-qagħda soċjali fil-pajjiż. Fuq din il-laqgħa kien hemm rapporti estensivi fil-media. L-Ambaxxatur kien involut f’taħdidiet li bdew fl-2018 u issiktaw fl-ewwel xhur ta’ din is-sena ma’ rappreżentanti mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tal-Ġermanja kif ukoll ma’ persuni mis-settur akkademiku sabiex il-Gvern Ġermaniz ikompli jiffinanzja il-katedra Ġermaniża fil-MEDAC (“German Chair in Peace Studies and Conflict Prevention”). Wara diversi sinjali li dan kien ser iseħħ, f’April waslet il-konferma uffiċjali li l-Ġermanja ser tkompli tiffinanzja din il-katedra għal sentejn oħra. Qed isiru kuntatti biex l-għajnuna Ġermaniża tissokta wara li jiġi fi tmiemu il-ftehim preżenti fl-2021. Matul April saru preparamenti għaż-żjara f’Malta tal-Ministru Ġermaniż Hubertus Heil, il-Ministru fil-Gvern Federali għall-Impjiegi u Affarijiet Soċjali, li seħħet f’Mejju. F’Malta, il-Ministru Heil kellu taħdidiet uffiċjali u żar kumpaniji Ġermaniżi li joperaw f’Malta. Saru wkoll il-preparamenti għall-parteċipazzjoni tal-Ministru Carmelo Abela flimkien mal-Ambaxxatriċi Prof. Simone Borg fil-Climate & Security Conference f’Berlin. Fil-fatt, il-konferenza saret f’Ġunju u fiha hadu sehem il-Ministru u l-Ambaxxatriċi. Il-parteċipazzjoni ta’ Malta f’din il-konferenza seħħet wara li l-Ambaxxata ħadet ħsieb takkwista stedina ufficjali. L-Ambaxxata għenet ukoll fit-tħejjija għall-parteċipazzjoni tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat fiċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Karlu Manju 2019 “Charlemagne Prize 2019” li saret fil-belt ta’ Aachen. Waqt l-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-Ambaxxata kompliet tosserva l-iżviluppi politiċi fil-Ġermanja, kemm dawk domestiċi kif wkoll dawk li jirrigwardjaw il-politika barranija tal-pajjiż u rrappurtat dwarhom lill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ. Kuljum, bħal ma tagħmel regolarment, l-Ambaxxata bagħtet Malta rapporti dwar artikli li jidhru fil-media Ġermaniża, u darba fil-ġimgħa bagħtet rapport iktar estensiv b’sezzjoni fuq Malta kif issemmiet fil-media Ġermaniża. Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena intbagħtu wkoll, bħal ma jiġri regolarment, traduzzjonijiet ta’ artikli li kellhom x’jaqsmu ma’ Malta. L-istaff tal-Ambaxxata ħa sehem u rrapporta fuq diversi konferenzi u seminars ta’ interess kif ukoll ‘briefings’ li saru fil-Ministeri Ġermaniżi qabel/wara il-laqgħat Ministerjali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, bħal FAC (Foreign Affairs Council), GAC (General Affairs Council), ECOFIN (Economic and Financial Affairs Council), AGRIFISH (Agriculture and Fisheries) u l-JHA (Justice and Home Affairs Council). Barra minn hekk, membri mill-Ambaxxata attendew ukoll ċerti debriefings li saru wara laqgħat li kellhom il-kanċillier jew Ministri tal-Gvern Federali ma’ interlokuturi minn pajjiżi oħra. L-Ambaxxatur kien preżenti f’attivitajiet li saru f’Berlin li jikkonċernaw l-UE, speċjalment, fil-każ ta’ l-ewwel xhur tas-sena, dwar il-presidenza Rumena tal-Kunsill tal-UE. Dawn l-attivitajiet kienu jinkludu il-preżentazzjoni tal-Programm Rumen għall-Presidenza u diskussjoni li saru fir-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Berlin, il-“working lunches” mogħtija mill-Ambaxxatur Rumen fejn il-mistieden tal-unur ikun ministru federali, ministru tal-istat jew xi persuna distinta oħra, u attivitajiet kulturali. Kummerċjali L-Ambaxxatur kompla bis-sensiela ta’ taħdidiet pubbliċi u laqgħat li ilu għaddej bihom għal żmien twil u li fihom jittratta aspetti varji tal-kultura, l-ekonomija u l-ħajja soċjali f’Malta u kuntatti bejn Malta u l-Ġermanja. Dawn l-attivitajiet komplew isiru, fuq medja ta’ 1-2 fix-xahar, kemm fl-Ambaxxata kif ukoll f’postijiet oħrajn barra Berlin. L-għanijiet ta’ dawn l-attivitajiet huma li Malta ssir iktar magħrufa fil-Ġermanja (l-iktar f’dawk ir-reġjuni fejn s’issa ftit hija magħrufa), u b’hekk jiżdied l-interess f’Malta biex jikber it-turiżmu, sabiex dawk li jattendu isiru jafu iktar dwar il-kuntatti li diġa jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi f’diversi setturi, jifhmu il-possibiltajiet ta’ “Doing Business in Malta”, u biex jiġu esplorati oqsma ta’ interess komuni. Eżempji: Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena l-Ambaxxatur ta taħdita fil-belt ta’ Wittenberge, ltaqa’ ma’ 22 student tal-aħħar sena mill-Gustav Heinemann Oberschule u ma’ l-għalliema tagħhom qabel ġew Malta fuq żjara edukattiva, u kellu laqgħa oħra ma’ grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, inklużi persuni fil-kummerċ (fosthom sidien ta’ katina ta’ supermarkets) immexxija minn Danny Eichenbaum MdL deputat tas-CDU fil-parlament tal-istat federali ta’ Brandenburgu. Matul April tlestew il-preparamenti għal żewg attivitajiet oħra ta’ dan it-tip, waħda għal nhar l-21 ta’ Ġunju fil-belt ta’ Köthen u oħra ftit iktar tard fil-belt ta’ Brandenburg an der Havel. Mhux l-ewwel darba li, wara dawn l-attivitajiet, jiġi ffurmat grupp biex iżur Malta jew jintwera interess f’xi qasam partikulari. Ngħidu aħna, fil-każ tal-grupp mid-distrett ta’ Teltow-Fläming, imsemmi hawn fuq, l-interess kien fi skambjar ta’ żgħażagħ għal skopjiet ta’ taħrig vokazzjonali - li diġà beda jseħħ. Fil-każ tat-taħdita f’Wittenberge, fejn hemm wieħed miċ-ċentri l-iktar attrezzati biex jitħarrġu l-għaddasa, l-interess kien f’Malta bħala destinazzjoni għall-għaddasa, settur b’potenzjal sinifikanti fil-Ġermanja. Fi Frar, l-Ambaxxatur żar il-“Handwerkskammer” (Chamber of Skilled Crafts and Trades) ta’ Hanover, waħda mill-ikbar kmamar ta’ snajja speċjalizzati fil-Ġermanja. Hemmhekk iddiskuta mal-President Wilhelm Steinmann u s-CEO Peter Karst diversi ideat dwar kif jistgħu jikbru l-kuntatti ma’ Malta, kemm bħala lok għall-manufattura ta’ ċertu prodotti kif ukoll fis-settur tat-taħriġ ta’ żgħażagħ fi snajja speċjalizzati. Bħala riżultat ta’ din iż-żjara, is-CEO Peter Karst ġie Malta f’April u ltaqa’, fost oħrajn, mal-Ministru Bartolo. Is-Sur Karst għadu f’kuntatt mal-MEDE u talab laqgħa oħra mal-Ambaxxatur li se ssir fis-26 ta’ Ġunju fl-Ambaxxata. Ta’ importanza kienet iż-żjara li għamel f’Malta ir-rappreżentant tal-“gtai” (Germany Trade and Invest). L-Ambaxxatur iltaqa’ ma’ dan ir-rappreżentant (Oliver Döhne) qabel ġie Malta, baqa’ f’kuntatt miegħu u għamillu l-appuntamenti neċessarji ma’ persuni li setgħu jagħtuh l-informazzjoni li xtaq (Malta Enterprise, Trade Malta, Bank Centrali, Chamber of Commerce, Industry and Enterprise). Ir-rapporti li jsiru mill-gtai (li hija aġenzija tal-Gvern Federali) fuq il-pajjiżi rispettivi huma kruċjali f’każ li investitur jew kummerċjant ikun qed jikkonsidra jinvesti jew jinnegozja ma’ pajjiż partikulari. Fir-rapport il-ġdid li ppublikat il-“gtai” din is-sena joħorgu ċari dawn il-fatti: il-qagħda b’saħħitha tal-ekonomija Maltija, ir-ritmu mgħaġġel li bih qed tikber, il-proġetti kbar ippjanati, u l-oqsma li investituri jew nies tan-negozju Ġermaniżi għandhom jikkunsidraw meta jħarsu lejn Malta. L-Ambaxxata tgħaddi lill-Malta Enterprise u istituzzjonijiet oħra f’Malta kuntatti jew talbiet għal informazzjoni minn persuni, kumpaniji jew aġenziji minn oqsma differenti li jistgħu ikunu ta’ interess. Kulturali F’Jannar, l-Ambaxxata irranġat programm għal żjara edukattiva f’Malta minn 24 student mill-Berlin Campus - Stanford University taħt it-tmexxija tal-Professur Uli Brückner. L-Ambaxxata ippreparatilhom programm intensiv li kien jinkludi laqgħa mal-Eċċellenza Tagħha il-President ta‘ Malta, viżita tal-bini tal-Parlament u laqgħa ma’ Mr Speaker Dr. Angelo Farrugia, u diskussjoni mal-Ministru Evarist Bartolo. Din kienet it-tieni darba li l-Ambaxxata ħadmet mal-Campus ta’ Berlin ta’ Stanford biex grupp ta’ studenti jżuru Malta; l-Ambaxxata kienet ikkordinat l-ewwel żjara fl-2015. Fuq stedina tat-tmexxija tal-“Europaschule” (skola Ewropea) Kinderakademie der Johanniter fil-belt ta’ Eberswalde fl-istat federali ta’ Brandenburgu, l-Ambaxxatur u l-Ewwel Segretarja fl-Ambaxxata żaru l-iskola u tkellmu mal-għalliema u ma’ ħafna mill-istudenti fil-klassijiet tagħhom. Saret talba għal kuntatt ma’ skola Maltija u biex jinstabu pen-friends Maltin għat-tfal tal-iskola. Dan qed isir fi ħdan il-MEDE. L-istedina biex l-Ambaxxatur iżur l-iskola saret wara li ftit qabel hu kien għamel żjara uffiċjali, ta taħdita pubblika fil-belt u kellu laqgħat mal-awtoritajiet inkluż is-sindku u t-tim tiegħu. L-Ambaxxatur kien mistieden jieħu sehem f’diskussjoni – flimkien ma’ speċjalista fuq is-suġġett, ma’ membru tal-parlament Ewropew u flimkien ma’ professur tal-psikoloġija mill-Universita’ Humboldt – li saret f’ċinema ewlieni f’Berlin wara l-ewwel wirja tal-verżjoni Ġermaniża tal-film “The Erased Son” (titlu bil-Ġermaniż: ‘Der verlorene Sohn’). Il-film famuż jittratta il-problemi u t-tbatija li jgħaddu minnhom ġuvni Amerikan u l-familja tiegħu meta hu jiġi furzat jattendi kors ta’ “conversion therapy”. Malta kienet ippreżentata mill-organizzaturi bħala xempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet f’dan il-qasam, filwaqt li l-Ambaxxatur spjega s-sinifikat tal-liġi li tipprojbixxi din it-tip ta’ hekk imsejħa “terapija”. Grupp ta’ studenti flimkien mal-professuri tagħhom mill-Berlin School of Economics and Law (HWR) xtaqu preżentazzjoni dwar Malta, l-infurzar tal-liġi u l-korp tal-pulizija. Għal dan il-għan kellhom laqgħa fl-ambaxxata mal-Ambaxxatur u ma’ l-Ewwel Segretarja. L-Ambaxxata kompliet tkun involuta fil-laqgħat u l-avvenimenti tal-EUNIC (EU National Institutes of Culture) ġewwa Berlin. Preparamenti bdew fil-bidu tas-sena biex waħda mil-laqgħat (f’Ġunju) issir ġewwa l-Ambaxxata Maltija. Bdew isiru wkoll preparazzjonijiet għall-European Day of Languages ta’ Settembru li ġej. L-Ambaxxata se tipparteċipa billi tagħti żewġ “crash-courses” fil-Malti bażiku lil studenti f’żewġ skejjel primarji f’Berlin. L-esperjenza uriet li kemm it-tfal kif ukoll l-għalliema u l-ġenituri tat-tfal japprezzaw ħafna dawn it-tip ta’ attivitajiet. L-Ambaxxata ipparteċipat ukoll f’avveniment ta’ qari ta’ ħrejjef Ewropej bil-Ġermaniż lil grupp kbir ta’ tfal minn skejjel primarji f’Berlin fl-okkażjoni ta’ Jum l-Ewropa. L-Ambaxxata ħadet sehem permezz ta’ qari ta’ ħrafa Maltija li ġiet maqluba għall-Ġermaniż mill-istaff tal-Ambaxxata għal din l-attivita’. L-Ambaxxata ħadmet fuq applikazzjoni, li imbagħad ġiet approvata mill-Bord tal-Cultural Diplomacy Fund tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ, biex il-kumpanija “Contact Dance Company”, taħt it-tmexxija tas-Sinjura Francesca Tranter u bil-parteċipazzjoni tal-kompożitur u perkussjonista magħruf Renzo Spiteri, tagħti preżentazzjoni f’Berlin. Fil-fatt din is-serata ta’ żfin u mużika ser tittella’ fit-13 ta’ Ġunju fit-Theater am Aufbauhaus bl-arranġamenti kollha loġistici, stediniet u koordinazzjoni isiru mill-Ambaxxata. L-Ambaxxatur kien mistieden jagħti taħdita fil-belt ta’ Adenau. Fost affarijiet oħra, huwa tkellem dwar il-kuntatti bejn il-belt ta’ Adenau u Malta. Dawn jinkludu kemm rabtiet storiċi – f’Adenau kien hemm kummenda (‘commandery’) tal-Ordni – kif ukoll kuntatti iktar reċenti. F’Adenau kienet twaqqfet lejn l-aħħar tat-tmeninijiet u l-bidu tad-disgħinijiet tas-seklu l-ieħor l-Għaqda Ġermaniża-Maltija (Deutsch-Maltesische Gesellschaft). Wara iktar minn 30 sena din l-għaqda għada ibbażata f’ Adenau u tagħmel xogħol ta’ fejda kbira b’risq il-ħbiberija bejn iż-żewġ popli, filwaqt li Adenau għanda ġemellaġġ mal-Mellieħa – l-iktar ġemellaġġ antik u attiv bejn post f’Malta u post fil-Ġermanja. Matul l-ewwel erba’ xhur tas-sena, l-Ambaxxata għamlet il-preparamenti kollha biex, flimkien mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż u ma’ Ambaxxati ta’ pajjiżi oħra f’Berlin, tieħu sehem f’attivitajiet msejjħa “Diplomacy for Sustainability” waqt il-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli (European Sustainable Development Week). L-iskop kien li tigi inkuraġġita l-implementazzjoni tas-‘Sustainable Development Goals’ tal-Aġenda 2030. Il-fokus tal-avveniment organizzat mill-Ambaxxata Maltija kien SDG 14, speċifikament “il-ħajja taħt l-ilma” u l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-oċejani, l-ibħra u r-riżorsi tal-baħar bħala komponent ewlieni ta’ futur sostenibbli. Fil-fatt, fl-4 ta’ Ġunju, l-Ambaxxata organizzat f’sala ġewwa Berlin il-wirja tad-dokumentarju “Comino: Secret Paradise” bil-parteċipazzjoni tal-Ambaxxatur Malti għall-Oċejani il-Prof. Alan Deidun li ta lecture u wieġeb id-domandi li sarulu mill-udjenza. KONSOLARI Matul l-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena, l-Ambaxxata Maltija f’Berlin kompliet toffri servizzi konsolari liċ-ċittadini Maltin li jgħixu fil-Ġermanja, kif wkoll lil Maltin li jivvjaġġaw lejn il-Ġermanja u li jkunu jeħtiegu l-għajnuna, bħal meta jitilfu jew jinsterqilhom il-passaport jew ikollhom bżonn għajnuna medika. Il-lista hawn taħt tinkludi statistika fuq numru ta’ servizzi konsolari li ġew ipprovduti mill-Ambaxxata Maltija fil-Ġermanja fl-erba’ xhur Jannar-April tal-2019: Passaporti Mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ April, l-applikazzjonijiet għall-passaporti li ġew ipproċessati mill-Ambaxxata kienu 17. Ġew imwieġba wkoll 32 domanda li kienu jirrigwardaw applikazzjonijiet għal passaporti. Ċittadinanza Il-Konsulat fl-Ambaxxata laqa’ żewg applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija, filwaqt li rċieva sitt talbiet għall-informazzjoni fuq kif wieħed jista’ japplika għaċ-ċittadinanza Maltija. L-informazzjoni mitluba ġiet mogħtija. Reġistrazzjonijiet ta’ twelid u żwieġ 14 -il applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ twelid u żwieġ ġew sottomessi. Dawn l-applikazzjoniet ġew proċessati kollha u ntbagħtu lir-Reġistru Pubbliku Malti. Xogħol konsolari ieħor L-Ambaxxata kompliet tipprovdi wkoll informazzjoni lil persuni li jixtiequ jivvjaġġaw lejn Malta. Din l-informazzjoni tintalab ġeneralment minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu fil-Ġermanja u tirrigwarda ħafna drabi il-viża sabiex jkunu jistgħu jidħlu Malta. Minn Jannar sal-aħħar ta’ April, l-Ambaxxata għenet 140 persuna li kellhom mistoqsijiet dwar dan is-suġġett. Ta’ kull xhar, l-Ambaxxata bagħtet lura lejn il-Ministeru numru ta’ passaporti u dokumenti ta’ residenza Maltin li kienu ntilfu u nstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet. L-Ambaxxata għenet wkoll diversi delegazzjonijiet Maltin li għaddew mill-ajruporti Ġermaniżi. B’kollox kien hemm 27 talba għall-għajnuna. Għajnuna ingħatat wkoll lid-dipartiment fil-Ministeru tas-Saħħa li hu nkarigat li jibgħat pazjenti għal trattament barra l-pajjiż, kif ukoll lill-pazjenti nfushom u lill-familjari tagħhom. F’każ partikulari, l-Ambaxxata pprovdiet għajnuna lill-familja ta’ ċittadin Malti li miet waqt żjara f’Berlin. Ir-ripatrijazzjoni tal-kadavru lura lejn Malta ġiet organizzata bl-għajnuna tal-Ambaxxata. L-Ambaxxata mexxiet talbiet għall-approvazzjoni diplomatika mill-awtoritajiet Ġermaniżi sabiex ajruplani tal-Forzi Armati ta’ Malta jkunu jistgħu jidħlu fl-ispazju tal-ajru Ġermaniż. L-ambaxxata kompliet tikkoordina flimkien mal-Korp tal-Pulizija u l-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati f’Malta r-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgawdu minn protezzjoni f’Malta – meta dawn jinstabu fil-Ġermanja mill-awtoritajiet Ġermaniżi – sabiex b’hekk jiġu irritornati lura lejn Malta. PROMOZZJONI TA’ MALTA L-ambaxxata bdiet tħejji wkoll għall-parteċipazzjoni tagħha fl-Europa Lounge, organizzata mill-Rappreżentazzjoni tal-Istat Federali ta’ Baden-Württemberg f’Berlin, fejn, bl-għajnuna tal-MTA Frankfurt, se jiġu offruti ikel u xorb Malti filwaqt li tingħata pubbliċita’ b’diversi metodi u jitqassmu brochures. Permezz tal-Konslu Onorarju ġewwa Munich, l-Ambaxxata għenet wkoll billi offriet materjal promozzjonali dwar Malta kif wkoll xorb Malti għal avveniment li sar ġewwa Munich bejn numru ta’ konsli favur l-UE. L-Ambaxxata ħolqot ukoll il-preżenza tagħha fuq is-‘social media platforms’, Facebook u Twitter, bil-għan li b’dawn il-mezzi tista’ tippromwovi aħjar lill-pajjiż, ix-xogħol li jitwettaq mill-Gvern, mill-MFTP u mill-Ambaxxata.

Maltin li jgħixu f’pajjiżi madwar id-dinja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini Maltin u persuni ta’ dixxendenza Maltija, li jgħixu madwar id-dinja, pajjiż b’pajjiż?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma jistax iżomm listi ta’ ċittadini Maltin u persuni ta’ dixxendenza Maltija li jgħixu barra minn Malta minħabba li r-regolamenti dwar il-protezzjoni tad-data ma jippermettux li tinżamm informazzjoni personali jekk mhux bil-kunsens sħiħ tal-persuni ’kkonċernati. Tajjeb li wieħed iżid li Malta m’għandiex reġistru obbligatorju għal dan il-għan.

Konslu Onorarju ta’ Malta f’Stirlingshire

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex meta l-Maltin fl-Iskozja pprovaw jikkuntattjaw lill-Konslu Onorarju ta’ Malta li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament f’Stirlingshire, , dan ma irrispondix u ċ-ċittadin spiċċa ma nqedix?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru permezz tad-Direttorat għas-Servizzi Konsulari ma jirriżultalux li rċieva lmenti dwar nuqqas ta’ kuntatt mal-Konslu Onorarju ta’ Malta f’Stirlingshire. Minkejja dan, jekk l-Onor. Interpellant jixtieq jgħaddi aktar informazzjoni dwar il-każ, il-Ministeru jkun jista’ jinvestiga l-ilment f’aktar dettall.

Senior Programme Officer – lecturer mal-Fakultà tal-Ekonomija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Senior Programme Officer li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u issa kandidat mal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew hux qed jinżamm jaħdem, meta dan għandu impjieg ieħor full-time bħala lecturer mal-Fakultà tal-Ekonomija tal-Università ta’ Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba li l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew diġà għaddiet mid-data ta’ meta saret l-interpellanza, allura m’hemm l-ebda kanditati għall-istess elezzjoni.

Senior Programme Officer

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, skont il-business card uffiċjali tas-Senior Programme Officer li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ jagħti l-perjodu meta kien Negozjatur Malti waqt il-Presidenza Maltija? Meta ħa t-taħriġ biex sar ‘Oxford Trained Diplomat’? Meta kien ‘Ekonomista mal-Kummissjoni Ewropea’? Kemm kien jitħallas bħala ‘Advisor fil-Parlament Ewropew’?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li mhux minnu li l-persuna msemmija b’mod separat għandha jew kellha business card uffiċjali ta’ Senior Programme Officer. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegat imsemmi kien Negozjatur Malti matul il-perjodu tal-Presidenza Maltija kollha u ħadem fuq il-preparamenti tal-Presidenza Maltija fir-Rappre¿entanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea mill-2015. Huwa ħa t-taħriġ fl-Università ta’ Oxford bħala student full-time bejn 1989 u 1991. Huwa kien impjegat mal-Kummissjoni Ewropea bħala Ekonomista bejn l-1999 u l-2002 u wara kien appuntat bħala editur tal-Eurobarometer tal-Kummissjoni Ewropea għal perjodu ta’ ħames snin. Peress li l-kuntratt ta’ Advisor fil-Parlament Ewropew kien wieħed privat, il-Ministeru ma jkunx involut u għalhekk m’għandux tagħrif dwar id-dettalji mitluba.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ — CIO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu ċ-Chief Information Officer tal-Ministeru tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din id-domanda qiegħda fid-domanda parlamentari tiegħu stess bin-numru 10580.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – safar uffiċjali ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista ta’ safar uffiċjali tal-uffiċjal li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-aħħar sena?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-lista mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Memorandum of Understanding ma' Singapore

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10307, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ftehim relattiv?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-ftehim, jinsab fuq it-Treaty Series tal-website tal-Ministeru tal-Affarjiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ, għall-konsum pubbliku: https://foreignaffairs.gov.mt/en/Treaties%20Series/Pages/Treaties%20Documents/MoU-between-the-Parliamentary-Secretariat-for-Financial-Services,-Digital-Economy-and-Innovation-of-the-Republic-of-Malta-a.aspx Qed inpoġġi kopja tal-ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra.

European Asylum Support Office — inizjattivi mill-Ministeru

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10306, jista’ l-Ministru jispjega x’inhuma l-kwistjonijiet li hemm pendenti taħt il-privileġġi u immunitajiet diplomatiċi mogħtija?

Response (ABELA, CARMELO)

B’referenza għat-twegiba għall-mistoqsija 10306, inżid ngħid li l-kwistjonijiet pendenti jirrigwardaw proċessar ta' talbiet għal rimborż tal-VAT għall-użu uffiċjali tal-Organizazzjoni u xiri ta' oġġetti u servizzi għall-użu privat tal-istaff tal-Organizazzjoni. Dan il-proċess qed isir skont il-liġijiet ta’ Malta.

Allied House — ilmijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex bejn it-22 u l-24 ta’ Frar 2019, tħalla ħiereġ kwantità kbira ta’ ilma mit-tielet sular tal-bini Allied House li huwa wieħed mill-binjiet tal-Ministeru tiegħu? Veru li nġab plumber sabiex jitranġaw xi pajpijiet tal-ilma fl-istess sular però ma kienx informat li xi pajpijiet kienu diġà nqassmu f’żona oħra tal-bini, u dan meta l-Ministeru għandu żewġ handymen li setgħu faċilment għamlu dan ix-xogħol?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-inċident sar waqt li kien qiegħed isir xogħol fil-binja ta’ Allied House mill-ħaddiema tas-sezzjoni ta-tiswijiet tal-Ministeru, dawn ħadu azzjoni immedjata sabiex jingħalaq il-ħruġ tal-ilma mit-tank għal weekend. Il-Ministeru ma qabbad l-ebda plumber. Għal kuntrarju dan sar minn Easy School li qabbad is-servizz tal-ilma ma’ tank ieħor fl-istess binja li kien diġà jissuplixxi lil Easy School. Ta’ min isemmi li fil-passat Easy School kienet tokkupa ukoll it-Tielet Sular ta’ Allied House.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ – reception counter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa reception counter intenzjonat għar-reception area tal-bieb prinċipali tal-Ministeru tiegħu fejn minkejja li sar skont l-ispeċifikazzjonjiet li ngħata lill-handyman tal-Ministeru mill-uffiċjali tal-istess Ministeru, meta tpoġġa fil-post fil-ġudizzju tas-Segretarju Permanenti, skont hi, dan ir-reception counter kien kbir wisq għall-post? Dan in-nuqqas ta’ komunikazzjoni, kemm ġie jiswa lill-poplu? Ladarba dan ir-reception counter mhux qed jintuża, jista’ jgħid fejn jinsab fil-preżent?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninsab infurmat li dan ir-reception counter jinsab f’binja li hija okkupata mill-ECLASLO. L-ispiża tal-materjal swiet €151.

Salarju ta’ Ambaxxatur mhux residenti għas-Santa Sede

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Ambaxxatur mhux residenti għas-Santa Sede li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għandux salarju ta’ Ambaxxatur residenti full-time? Jista’ jitpoġġa kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

L-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, b’residenza f’Malta jirċievi ħlas ta ‘honorarium’ ta €5,000 fis-sena biex jaqdi d-dmirijiet fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ kif ukoll kull xogħol ieħor li l-Gvern jista jeħtieġ minnu. Din il-ħatra taqa’ taħt ir-regolamenti ġenerali u ordnijiet oħra tal-Gvern Malti li jkunu qegħdin iseħħu dwar is-Servizz Pubbliku in ġenerali safejn dawn ikunu applikabbli għalih, kif ukoll speċifikament taħt il-provvedimenti ta’ ftehim bil-miktub bejnu u l-Ministeru liema provvedimenti jinkludu l-modalitajiet ta’ kif u meta din il-ħatra tista tintemm. Qed inpoġġi kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sejħa għal Direttur għall-Maltin li Jgħixu Barra u Affarijiet Konsulari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex meta ħarġet is-sejħa għall-ħatra ta’ Direttur għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta, din ħarġet bħala ‘Direttorat għall-Maltin li Jgħixu Barra u Affarijiet Konsulari? Dan ifisser bidla fil-politika tal-Gvern fejn l-Affarijiet ta’ ħutna Maltin li Jgħixu Barra minn Malta ma għadux prijorità għal dan il-Gvern?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li bis-saħħa ta’ din id-deċizjoni amministrattiva l-politika tal-Gvern favur il-Maltin li jgħixu barra giet imsaħħa minħabba li issa se jkun hemm aktar impjegati jaħdmu fuq dan il-qasam tant importanti għall-Ministeru.