Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 31911 u jgħid kemm-il direct order ingħata mill-Ministeru tiegħu għal xogħol fit-Terminal ġewwa l-Port tal-Imġarr Għawdex, fil-Parkeġġ ta’ taħt l-art u fil-Marshalling Area, u għal kull każ jgħid lil min ingħataw, x’kien l-ammont u liema xogħol kien ikopri?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistqosija parlamentari b’numru 31911.

CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26919, 31916 u 32587 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta’ din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

In-Nadur - Triq l-Emigranti - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32588 u ċjoè: B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 31030, 31407 u 31917 dwar ix-xogħlijiet fi Triq l-Emigranti, fin-Nadur, jista’ l-Ministru jgħid: i.    Kemm fiha tul Triq l-Emigranti, fin-Nadur? ii.    Meta nbeda x-xogħol fuqha? iii.    Meta ser jitlesta minn kollox (xahar u sena) ix-xogħol f’din it-triq? iv.    Min kien/u l-kuntrattur/i li ħadem fuq din it-triq s’issa? v.    Min se jkun il-kuntrattur li se jkompli x-xogħol f’din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet mistennija jibdew fl-ewwel Ġimgħa ta’ Frar.

Sejħa għal ‘hire of one ropax vessel under a time charter agreement (bimco ropaxtime)’

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25138, jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar fil-proċess biex il-kumpanija Gozo Channel toħroġ it-tender għall-kiri tar-raba’ vapur?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern huwa kommess li jkompli jsaħħaħ il-konnettivita bejn iż-żewġ gżejjer. Kif tħabbar waqt il-konferenza stampa li saret nhar l-14 ta’ Jannar li għadda, dan il-Gvern għandu pjan ċar biex il-flotta tal-Gozo Channel tkompli tissaħħaħ biex taqdi d-domanda dejjem tiżdied ta’ vjaġġi bejn iż-żewġ gżejjer. Il-pjan huwa li sas-sena 2029, il-flotta tal-Gozo Cannel se jkollha b’kollox ħames vapuri; it-tlett vapuri eżistenti li se jiġu rinovati, vapur ġdid tal-passiġġiera li se jkun jesa mal-250 karozza u vapur ieħor iżgħar li jservi bħala cargo ship li se jopera traġitti bejn il-Freeport, il-Port il-Kbir u l-Port tal-Imġarr. Dan il-pjan - li se jkun ifisser investiment ta’ madwar €130 miljun – se jkun qed jikkumplimenta l-viżjoni tal-Gvern għas-sena 2050, li tpoġġi bħala prijorita l-iżvilupp sostenibbli, it-titjib fl-infrastruttura u l-iżvilupp urban. Fil-ġimgħat li ġejjin mistenni joħroġ tender għall-kri tar-raba’ vapur.

Projects Gozo - Inizjattivi u proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema inizjattivi ġodda u proġetti ġodda qiegħda tmexxi Projects Gozo fil-preżent?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Projects Gozo Ltd ingħatat ir-responsabbiltà sħiħa tal-amministrazzjoni tal-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion. Din ir-responsabbilita’ tinkludi fost l-oħrajn, il-ġestjoni, l-operat tas-sistemi ta’ prenotazzjoni u dħul, u t-twettiq tal-obbligi statutorji, u ta’ rappurtar lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Fiż-żmien li ġej hekk kif il-kumpanija tkun qed tingaġġa aktatr persuni tekniċi tkun qiegħda tieħu responsabbiltajiet addizzjonali.

MGP NP 06/2025 - Negotiated Procedure for the Provision of Cleaning Services for the Ministry for Gozo and Planning

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz ta’ Negotiated Procedure: ‘MGP NP 06/2025 - Negotiated Procedure for the Provision of Cleaning Services for the Ministry for Gozo and Planning’? Kemm hu l-valur ta’ din is-sejħa, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa pubblika biex jiġi pprovdut dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-kuntratt kien jikkonsisti f’xogħlijiet ta’ tindif fl-uffiċini, fl-entitajiet u fid-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar. Il-kuntratt kien ikkummissjonat skont ir-rati minimi stabbiliti - ppubblikati fiċ-ċirkulari maħruġin mill-awtoritajiet kompetenti - u kien għal perjodu ta’ sitt xhur. L-aħħar kuntratt kien ingħata fit-23 ta’ Awwissu tal-2022. Is‑sejħa pubblika l‑ġdida ma setgħetx tinħareġ fil‑perjodu indikattiv minħabba verifiki u allinjamenti meħtieġa rigward il‑klawsoli relatati mal‑prinċipju ta’ “equal pay for equal work”.

Projects Gozo – Twaqqif u laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ġiet imwaqqfa Projects Gozo? Jista’ jgħid ukoll kemm-il darba ltaqa’ l-board ta’ Projects Gozo u jagħti d-dati ta’ meta ltaqa’, kif ukoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aġenda ta’ kull laqgħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija Projects Gozo Ltd ġiet irreġistrata mal-Malta Business Registry nhar is-26 ta’ Novembru 2024. Min-naħa l-oħra, l-ewwel laqgħa tal-Bord tad-Diretturi saret nhar is-16 ta' Mejju 2025. Wara, il-Bord tad-Diretturi kompla jiltaqa' fuq bażi ta' kull xahar. Madankollu, il-Bord ġieli iltaqa b’aktar frekwenza; iżda dan kien jiddependi mill-kwistjonijiet urġenti li jinqalgħu żmien għal ieħor. L-aġenda hija prinċipalment relatata ma' kwistjonijiet operattivi, finanzjarji u kuntrattwali speċjalment fir-rigward tar-responsabbiltajiet amministrattivi li għadhom għaddejjin f’dak li għandu x’jaqsam mal-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavillion.

MGP NP 08/2025 - Negotiated Procedure for the provision of Home Help Service in Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti d-Direct Order permezz ta’ Negotiated Procedure: ‘MGP NP 08/2025 - Negotiated Procedure for the provision of Home Help Service in Gozo’? Kemm hu l-valur tagħha, għal kemm perjodu ta’ żmien ħarġet din is-sejħa u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll meta kien l-aħħar li ħarġet sejħa pubblika biex jiġi pprovdut dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n‑Negotiated Procedure għall-provvista tas‑servizz ta’ Home Help għall-anzjani hija maħsuba sabiex tiġi assigurata kontinwità tas-servizz sakemm toħroġ, tiġi evalwata u tiġi ffinalizzata s‑sejħa pubblika l-ġdida. Din in-Negotiated Procedure, li tkopri perjodu ta’ sena, qed tintuża bħala miżura temporanja sabiex ma jkunx hemm interruzzjoni fis-servizz essenzjali li jingħata lill‑anzjani fid-djar tagħhom. Is‑sejħa pubblika l‑ġdida ma setgħetx tinħareġ fil‑perjodu indikattiv minħabba verifiki u allinjamenti meħtieġa rigward il‑klawsoli relatati mal‑prinċipju ta’ “equal pay for equal work”.  L-aħħar sejħa pubblika kienet inħarġet fl‑2021, u l-kuntratt li rriżulta minnha ġie ffirmat fl‑2022 għall-perjodu ta’ tliet snin.

Għawdex, Triq l-Imġarr - Inċidenti tat-traffiku - Miżuri

Question

B’ referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31918 dwar miżuri ta’ traffic calming measures li qed jittieħdu jew beħsiebhom jittieħdu mill-Gvern jew l-entitajiet tiegħu fl-immedjat sabiex tiġi indirizzata l-problema ta’ sewqan eċċessiv jew abbużiv fi Triq l-Imġarr li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat Għawdex, u li tgħaddi minn Għajnsielem u x-Xewkija fejn ġie mwieġeb ‘illi fl-aħħar xhur Transport Malta ħejjiet studju fuq Triq l-Imġarr Għajnsielem/ Xewkija/Rabat li jinkludi numru ta’ miżuri ta’ traffic calming measures u li ġew mgħoddija lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għall-implimentazzjoni’, jista’ l-Ministru jgħid f’liema xahar u sena huwa maħsub li dawn ir-rakkomandazzjonijiet li jinkludu numru ta’ miżuri ta’ traffic calming measures jiġu mwettqa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġa bdew jiġu mplimentati l-miżuri. Għadd oħrajn ta’ miżuri se jkomplu jiġu mplimentati fil-ġimgħat li ġejjin.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti b’fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32307 u jgħid liema huma l-proġetti ġewwa Għawdex u Kemmuna li għalihom ġew użati fondi Ewropej u li x-xogħol fuqhom ser jitlesta sal-aħħar tas-sena 2025 biex jibdew jitgawdew mill-pubbliku? Jista’ jgħid ukoll kemm huma stmati li ser jiġu jiswew dawn il-proġetti u kemm hu l-persentaġġ ta’ fondi Ewropej li se jiġu użati u minn liema fond?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proġetti f’Għawdex u Kemmuna li għalihom ġew użati fondi Ewropej - li x-xogħol fuqhom tlestew sal-aħħar tas-sena 2025 - huma dawk skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex u Kemmuna - Proġetti infrastrutturali marittimi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32311, jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti infrastrutturali marittimi saru mill-Ministeru tiegħu fil-gżira Għawdxija u f’Kemmuna mill-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fejn saru, fiex kienu jikkonsistu u kemm ġie jiswa kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li apparti l-proġetti li issemmew fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 32311, se jsir ukoll xogħol fil-Qbajjar.

Għawdex - Resurfacing ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30836, 31274, 31579 u 32322 u jgħid liema toroq ġewwa Għawdex sar resurfacing fuqhom mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm kien fiha tul kull triq u kemm ġiet tiswa? Jista’ jgħid ukoll liema toroq hemm ippjanati li jsir resurfacing tagħhom, kemm fihom tul u kemm hi stmata li ser tkun l-ispiża fuq kull triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta) - Okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika

Question

Fid-dawl tal-okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika fiż-żona tad-Dwejra (Limiti tar-Rabat, Malta), fejn anke ġie rrappurtat li kienet ikkaġunata ħsara strutturali fuq il-Victoria Lines, jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ttieħdet mill-awtoritajiet kompetenti biex titwaqqaf din l-illegalità u jiġi aċċertat li s-sit jiġi żgumbrat kompletament, u jgħid x’passi legali jew ta’ infurzar qed jittieħdu fil-konfront tal-persuni responsabbli biex jagħmlu tajjeb għal din il-ħsara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet irċeviet ilment dwar okkupazzjoni ta’ art b’tined u vetturi, u li twaħħal xi ħadid fiż-żona tad-Dwejra, limiti tar-Rabat Malta.  L-Awtorità investigat l-ilment u ħadet azzjoni minnufih, tant li fi żmien tlett ijiem tneħħa l-iżvilupp illegali. Eventwalment, il-post ġie żgumbrat kompletament mill-istess okkupanti. Għaldaqstant il-każ ingħalaq min-naħa tal-Awtorità tal-Ippjanar. Jekk - kif qiegħed jiġi allegat - saret xi ħsara strutturali fuq il-Victoria Lines, dan għandu jiġi rrappurtat lis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH) għal investigazzjoni, jekk hu l-każ.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

Il-Fontana - Triq tal-Għajn - Bini ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra dwar il-bini mill-ġdid ta’ Triq tal-Għajn, fil-Fontana, bejn Pjazza Santu Wistin u l-Knisja Parrokkjali peress li tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista’ jgħid f’liema xahar huwa mistenni li toħroġ is-sejħa relattiva? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux rapporti dwar l-istat ta’ din it-triq u jekk iva, min għamilhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn ir-rapporti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħa għall-offerti mistennija li tinħareġ fil-ġimgħat li ġejjin. Il-Minsiteru qed ukoll izomm lill-Kunsill Lokali tal-Fontanta tramite is-Sindku aġġornati.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Fire drills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru fire drills fil-binjiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex, matul is-sena 2025? Jista’ jgħid f’liema binjiet saru dawn il-fire drills?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

Ftuħ ta’ krematorju

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30738 u 32140 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u lill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika rispettivament u jgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetaħ krematorju tal-bnedmin f’Malta?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet ‘Partial Review of the Cemeteries Policy and Design Guidance 2015’ biex tintroduċi ‘Policy and Design Guidance for the Development of standalone Crematoria’. Dawn il-linji gwida ġew approvati u daħlu fis-seħħ f’Settembru 2024.

Il-Qorti tal-Maġistrati – Deċiżjoni – Passi biex jitneħħa periklu

Question

B’referenza għas-sentenza tal-Qorti fil-kawża numru 6001/2025, deċiża nhar id-19 ta’ Settembru 2025, fejn il-Qorti għamlet referenza għall-Avviż ta’ Infurzar EN 555/09 u ddikjarat dan li ġej: “...Kummissarju tal-Pulizija u wisq aktar mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u din tal-ahhar kienet u ghada tkaxkar saqajha minkejja l-Avviz ta’ Infurzar numru EN 555/09 wara tant snin. Il-Qorti ghalhekk qeghda tordna li kopja ta’ din is-sentenza tigi komunikata minnufih lill-Kap Ezekuttiv tal-Awtorita’ tal-Ippjanar kif ukoll lill-Kummissarju tal-Pulizija biex in vista’ ukoll tar-rapport tekniku li jindika car u tond li hemm potenzjal ta’ tragedja, jiehdu passi immedjati u urgenti sabiex fost ohrajn jitnehha l-periklu imminenti mill-imsemmi sit. ” Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara d-data ta’ din is-sentenza, ittieħdux il-“passi immedjati u urġenti sabiex... jitneħħa l-periklu imminenti”, u x’kienu speċifikament? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx ċertifikazzjoni minn Perit dwar jekk is-sit huwiex ikkunsidrat bħala sikur, u jekk fl-affermattiv, iqiegħed kopja ta’ dik iċ-ċertifikazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sentenza msemmija  kienet mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta) bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali. Il-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati tal-imputazzjonijiet miġjuba kontra tiegħu. Iżda, fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rreferiet għall-allegazzjonijiet magħmula minn kwerelant terz fir-rapport li sar minn perit tekniku imqabbad mill-kwerelant stess, u anke saret referenza għall-“Avviż ta’ Infurzar numru EN 555/09”.  Dan ir-rapport tekniku jirrakkomanda li ma jsirx aktar tfigħ ta’ materjal fuq is-sit, u l-materjal li għola ’l fuq mil-livell tat-terren ’il barra mis-sit għandu jitneħħa. Ta’ min jirrileva li s-sit huwa barriera tal-qawwi munita b’liċenzja antika bħala barriera numru 32, kif ukoll bil-permess ta’ żvilupp PA/1807/99 li approva “ To sanction mobile crusher re-location and adjacent structures, offices at entrance, garages and structures under construction .” Sussegwentement kien inħareġ l-Avviż ta’ Waqfien u Twettiq numru EC/0555/09 peress li kienet tneħħiet ħamrija, sar tqattigħ ta’ blat, u kien qiegħed isir operat ta’ barriera tal-qawwi ’l barra mil-limiti liċenzjati. Illum il-ġurnata, qiegħed isir monitoraġġ tas-sit mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex ikun żgurat li ma jsirx aktar tfigħ ta’ materjal li jkun miġjub minn barra s-sit. Għal dan l-iskop twaħħlu CCTV cameras u anke tabelli ta’ twissija. Dan il-monitoraġġ jgħodd għas-sit kollu, u mhux għall-parti li taffettwa lill-kwerelant biss. Sid il-barriera ssottometta Restoration Method Statement dettaljat, li kien ippreparat minn perit tekniku mqabbad mis-sid, sabiex il-materjal żejjed li ġie depożitat  (jiġifieri dak il-materjal li għola ’l fuq mil-livell tat-terren oriġinali qabel ma bdiet titħaffer il-barriera liċenzjata) jitneħħa b’mod sistematiku u fuq perjodu ta’ żmien raġonevoli. Dan il- Method Statement qiegħed jiġi rivedut minn esperti tekniċi tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.

Farm Roads bil-konkos

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema lokalitajiet f’Għawdex saru ‘Farm Roads’ mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jagħti l-isem tat-triq/area fejn jinsabu? Jista’ jgħid ukoll kemm kien it-tul u l-wisa’ ta’ dawn il-‘Farm Roads’ li ngħataw il-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għall-persuni li jiffrekwentaw dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

L-Għasri – Triq il-Lanterna – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għad-dewmien fit-tlestija ta’ Triq il-Lanterna (it-triq li twassal għall-fanal tal-Ġordan), u meta huwa ppjanat li jitlesta l-proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-parti d-dejqa ta’ din it-triq kienet qiegħda iċċedi u saru l-interventi neċessarji ta’ piling u rinfurzar sabiex dan ma iseħħx.