Sptar Mater Dei — tobba fid-dipartiment tal-emerġenza
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-general practitioners li s-servizz tagħhom ġie kuntrattat għad-Dipartiment tal-Emergenza fl-Isptar Mater Dei? Min huma dawn it-tobba u xi ħlasijiet u kundizzjonijiet jingħataw?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — informazzjoni dwar l-impjegati
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm daħlu impjegati fid-dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu, f'liema rwoli u b'liema salarji mill-2004 sal-lum? Jista' jgħid jekk humiex Maltin jew barranin? Jista' jgħid minn liema lokalitajiet ġejjin? Għall-istess perjodu, jista' jgħid kemm irtiraw, irriżenjaw u tkeċċew nies mill-istess dipartimenti u entitajiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet qed jingħataw, preżentement, servizzi ta' speech therapy? Meta nbeda dan is-servizz u kif intlaqa' s'issa dan l-istess servizz? Kemm hu n-numru ta' persuni li qed jibbenefikaw minn dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl - post riservat lill-uffiċjali tas-sanità
Question
Billi qrib l-Uffiċċju Distrettwali tas-Sanità, fi Triq San Pawl f'San Pawl il-Baħar hemm post riservat għall-Uffiċjali tas-Sanità li jaħdmu f'dan l-uffiċċju, fl-area magħrufa bħala wara s-Sirens Bar, u billi din it-tabella tindika li l-post hu riservat ukoll fil-weekends, jista' l-Ministeru, jinforma lill-Transport Malta li dan il-post mhux użat, f'ċerti jiem tas-sena, biex jiġi assigurat li ħadd ma jingħata ċitazzjonijiet għalxejn, filwaqt li l-Uffiċjali tad-Dipartiment jibqa' jkollhom fejn jipparkjaw meta jkunu xogħol?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-uffiċċjali għas-Saħħa Ambjentali li jinsabu fl-uffiċċju reġjonali ta’ San Pawl il-Baħar għandhom post ta’ parkeġġ riservat għalihom fl-area indikata u f’dan il-post hemm tabella li tindika li l-parkeġġ f’dan il-post huwa riservat għal dawn l-uffiċċjali bejn is-7:00 a.m. u t-3:00 p.m. matul is-sajf u bejn is-7:30 a.m. u t-3:30 p.m. fix-xitwa bid-dati indikati fit-tabella.
L-avviż, fl-istess tabella jgħid ukoll li jista’ jsir parkeġġ wara dawn il-ħinijiet iżda m’hemmx indikat li dan ma japplikax għas-sibtijiet, ħdud u festi pubbliċi.
Infurmat ukoll li l-istess uffiċċjali diġa kkomunikaw mal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u din it-tabella se tiġi emendata kif meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se jingħata servizz mediku u ta' first aid qrib xi bajja matul is-sajf? Jekk iva, liema bajjiet huma dawn u x'servizz se jingħata?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Nuqqas tas-Servizz ta' trasport lejn u miċ-ċentri tas-saħħa
Question
Jirrealizza l-Ministru li n-nuqqas ta' servizz ta' trasport mir-residenza lejn iċ-ċentri tas-saħħa u lura qiegħed iżid in-numru ta' pazjenti li jkollhom bilfors imorru l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Kif qiegħed ninterpreta l-mistoqsija, qiegħed nassummi li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirrifieri għas-servizz ta’ trasport pubbliku. Jekk dan huwa il-każ, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lil-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kontrolli ta' sigurta' qed isiru fuq mezzi ta' trasport użati mill-emergenza tal-Isptar Mater Dei? Japprezza li huma nieqsa minn roadworthiness minbarra cinturini li jinqaflu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-sewwieqa kollha tal-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei kienu għamlu kors ta’ Defense Driving biex ikunu jistgħu jsuqu l-ambulanzi.
L-ambulanzi fl-Isptar Mater Dei huma kollha attrezzati biċ-ċinturini tas-sigurtà u fl-istess ħin kull sena jsir il-VRT fuq kull vettura. Jekk ambulanza ma tgħaddix mill-VRT, l-ambulanza ma tkunx tista’ toħroġ fit-triq.
Residenza San Vinċenz de Paul — liquidiser bil-ħsara
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġi msewwi l-liquidiser li bħalissa jinsab bil-ħsara f'sala Padre Pio fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li meta l-liquidiser intbagħat għat-tiswija, irriżulta li għandu ħsara estensiva fil-mutur. Sadanittant, is-sala qed tiġi mogħtija l-assistenza neċessarja mill-kċina ta’ San Vinċenz De Paul sabiex il-bżonnijiet tar-residenti jiġu moqdija. Mill-31 ta’ Ottubru mistenni jibda servizz ċentralizzat ta’ liquidising fis-swali kollha ta’ San Vinċenz De Paul.
Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli li jagħmel lines quddiem iċ-Ċimiterju tal-Addolorata f'Raħal Ġdid jekk hux il-kunsill lokali jew il-gvern ċentrali?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li ħaddiema tat-telecare jaraw l-ilment li sar lid-dipartiment minn anzjana li tgħix waħidha u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li minkejja li qalulha li ġejjin, xorta għadha bla servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-sezzjoni tat-Telecare mhijiex responsabbli mit-tiswijiet tal-linji tat-telefon.
Meta persuna li għandha s-servizz tat-Telecare tirraporta ħsara fil-linja tat-telefon tagħha, din tiġi rrapurtata immedjatament lill-kumpanija GO permezz ta’ link apposta.
Ir-Rapport ta’ ħsara sar fit-2 ta’ Ottubru 2011. Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunità ġie nfurmat li l-problema kienet fis-sett tat-telefon. Dan ġie mibdul fl-4 ta’ Ottubru 2011 u s-servizz ġie lura għan-normal.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li dawk li huma neqsin mis-smigħ u għandhom is-servizz tal-alarm se jitneħħa? Jekk se jitneħħa dan is-servizz, x'qed jintalab jagħmel min huwa nieqes mis-smiegħ u għandu bżonn l-alarm? Jista' jinvestiga l-każ tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna konċernata għandhais-servizz tal-CareLink li hu amministrat ukoll mis-Sezzjoni tat-Telecare. Dan is-servizz provdut mill-kumpanija GO huwa differenti mit-Telecare u huwa sistema ta alarm.
F’dan il-każ partikulari, sar rapport li l-Carelink huwa bil-ħsara fl-4 ta Ottubru 2011. Wara ftit ġranet din il-ħsara ġiet irranġata.
Id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ m’għandux informazzjoni li dan is-servizz tal-CareLink li jingħata mill-GO, ser jitneħħa.
Jista' l-Ministru jieħdu azzjoni mill-awtoritajiet konċernati sabiex fl-interess tal-komunità ta' St.Peters, Ħaż-Żabbar fi Triq il-Farfett tal-Fejgel fejn hemm plot mhux mibni u hemm boundary wall ta’ xi tliet filati biss, jitranġa għax dan il-ħajt huwa ta’ periklu kbir għar-residenti anke peress li f'dan l-istess sit hemm ammont kbir ta’ skart u anke annimali mejta?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li dan l-ilment kien mibgħut mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar permezz ta’ ittra li ġġib id-data tas-26 ta’ Lulju 2011 iżda b’timbru postali tal-31 t’ Awwissu 2011 u li ġie riċevut u rreġistrat fid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentail fl-1 ta’ Settembru 2011.
Kienet saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali tal-istess Direttorat fil-5 ta’ Settembru 2011 fejn ma nstabu l-ebda annimali mejtin u/jew akkumuli ta’ skart organiku u ma kienx hemm irwejjaħ jintnu. Kien sar trattament kontra l-ġrieden minn uffiċjali tat-Taqsima tal-Pest Control fi ħdan l-istess Direttorat, fl-14 ta’ Settembru 2011. Il-Kunsill Lokali, kien ġie mgħarraf b’dan u ġie nfurmat ukoll li l-kostruzzjoni ta’ ħitan u l-għoli tagħhom ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ dan id- Direttorat.
Ninfurmak li reġgħet saret spezzjoni oħra fl-10 ta’ Ottubru 2011 fis-sit indikat, fejn ukoll ma nstabu l-ebda annimali mejtin u/jew akkumuli ta’ skart organiku u ma kienx hemm irwejjaħ jintnu. Is-sit fih biss ħaxix ħażin li kiber fuq terrapien tal-bini.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Xogħlijiet b'risq persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'ħidma u xogħlijiet saru b'riżq persuni b'diżabilità mill-Ministeru tiegħu f'kull uffiċċju u dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu f'din l-aħħar sena?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena ġiex rapportat xi tip ta' mard li kien ilu ma jiġi rapportat f'Malta u għal liema perjodu ta' żmien? X'kien dan il-mard u kif ġie trattat mid-Diviżjonijiet tas-Saħħa relattivi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul l-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, it-taqsima tal-prevenzjoni u kontroll ta’ mard infettiv ma kelliex rapportati xi tip ta’ mard li kien ilu ma jiġi rapportat f'Malta.
Qasam tal-kura tal-anzjani — Nefqa f'manutenzjoni fi proprjetà
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' kemm intnefaq f'manutenzjoni fi ħdan u fuq proprjetà li taqa' taħt il-qasam tal-kura tal-anzjani? Jista' jagħti dawn id-dettalji mis-sena 2007 sa Awwissu 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — spazji tal-bjut tal-binjiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-gvern fid-dipartimenti/agenziji/awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru, fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispazju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells? X'titjib kien hemm minn sentejn u nofs 'il hawn?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
każ ta' anzjana li trid tmur f'residenza partikolari
Question
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana ta' 98 sena, li d-dettaliji dwarha qed jintbagħtu separatament, li bħalissa tinsab fl-Isptar Karen Grech u għalkemm ix-xewqa tagħha hija li tmur fir-Residenza San Vinċenż de Paul, qalulha li se jkollha tmur Casa Serena minħabba li hija kbira fl-età?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-persuna msemmija f’din il-mistoqsija parlamentari li tinsab f’Karen Grech Hospital għaddeja mill-proċess li timla applikazzjoni biex tidħol f’residenza tal-anzjani tal-gvern u b’’hekk il-Bord tal-Ammissjoni għad irid jara din l-applikazzjoni. Il-Bord tal-Ammissjoni jiddeċiedi t-tip ta’ kura li għandha bżonn din il-persuna u wara jiġi deċiż f’liema residenza għandha tkun ammessa.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — informazzjoni dwar ħaddiema
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema u f'liema grad huma u kemm minnhom huma abbażi ta' kuntratt u kemm minnhom huma impjegati maċ-ċivil direttament mal-Ministeru u entitajiet fid-dikasteru tiegħu matul l-ewwel disa' xhur tas-sena 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li mal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunita daħlu 238-il persuna fuq appointment u 60-il persuna fuq kuntratt (inklużi kuntratti mġedda). Dawn daħlu fil-grad jew pożizzjoni ta’ clerk, consultant, dental surgery assistant, designate consultant, enrolled nurse, hospital auxiliary, house officer, medical laboratory technologist, medical officer, midwife, occupational therapist, paramedic aide, pharmacist, pharmacy technician, physiotherapist, podiatrist, radiographer, resident specialist, scientific officer, social worker, speech therapist u staff nurse.
Daħlu wkoll 23 persuna mal-Foundation for Medical Services (FMS) filwaqt li ma sar l-ebda rekultaġġ ġdid fl-Occupational Health and Safety Authority. Bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-ħaddiema li daħlu mal-FMS, il-ħaddiema hawn fuq imsemmija huma kollha impjegati direttament mas-Servizz Pubbliku ta’ Malta.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — talbiet għal reduced hours, telework u career breaks
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28169 u jgħid kemm hemm talbiet għal reduced hours, telework u career breaks f'kull dipartiment u uffiċċju li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm minn dawk it-talbiet saru minn nisa u kemm minn irgiel? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li it-talbiet għal reduced hours, telework u career break li jiġu approvati mill-Kap tad-Dipartiment ta' fejn jaħdem l-applikant jiġu mgħoddija lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità.
Id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani jikkonferma li ma hemm l-ebda talba pendenti għall-konsiderazzjoni tiegħu.