Legislature:
Category:
Reset
Active:

Degree fil-Kriminologija

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk se jsiru xi sejħiet , Degree fil-Kriminologija, jpoġġix l-applikant f'vantaġġ għall-pożizzjoni ta' spettur minn barra, jew inkella l-entry requirement tkunx b'Degree fil-Kriminologija kif inhu l-każ għas-sejħiet ta' Spetturi fil-Korp tal-Pulizija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ lill-Ministru responsabbli mill-Ġustizzja u l-Intern.

Ċentri ta' Matul il-Jum — Tenders għat-Trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tenders ħarġu għat-trasport tal-persuni b'diżabilità li jattendu ċ-ċentri għal matul il-jum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali ma ħarġet l-ebda tender għat-trasport tal-persuni b'diżabilità li jattendu ċ-ċentri għal matul il-jum. Madanakollu, għandu jiġi ppublikat tender għal dan is-servizz fil-futur qrib.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — nisa fuq bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ismijiet ta' nisa f'bordijiet, kumitati u entitajiet oħra li jaqgħu taħtha? Tista' tindika in-numru totali ta' membri li kull wieħed minn dawn il-bordijiet, kumitati u entitajiet għandu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Public Broadcasting Services — moniteraġġ tal-aħbarijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-iskop li għalih il-Public Broadcasting Services għandu konsulent biex jagħmel xogħol ta’ monitoraġġ tal-aħbarijiet meta fl-istess kumpanija apparti bord tad-diretturi u kap eżekuttiv, hemm ukoll persuna li għandha l-inkarigu li tmexxi t-taqsima tal-aħbarijiet u hemm ukoll bord editorjali? Għal liema skop isiru dawn ir-rapporti u lil min jiġu mgħoddija r-rapporti tal-konsulent li jagħmel ir-rapporti tal-monitoraġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-PBS tagħmel monitoraġġ tal-programmi kollha, inkluż l-aħbarijiet, min-nies differenti. Ir-rapporti jiġu mgħoddija lill-persuni konċernati skont il-każ.

Public Broadcasting Services — pjanijiet għal bini antik

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji dwar x’inhuma l-pjanijiet tal-Public Broadcasting Services għall-użu tal-bini li jinsab fi Triq San Luqa Gwardamanġa u li qabel kien magħruf bħala Broadcasting House u li xi snin ilu tbattal u tħalla jiddegrada biex issa jidher li se jerga' jibda jiġi użat? X’użu qed isir mill-bini magħruf bhala Malex, jew l-ex ċentru tal-aħbarijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed jiġu diskussi pjani dwar l-użu tal-bini magħruf bħala Broadcasting House. Hekk kif dawn il-pjani ikunu ffinalizzati jiġu mħabbra lill-pubbliku. Il-bini magħruf bħala Melex House jew ex-ċentru tal-aħbarijiet bħalissa qed jiġi użat minn Education 22.

Channel 22 — persuna inkarigata

Question

Tista’ l-Ministru tindika min hija l-persuna li bħalissa tinsab inkarigata mit-tmexxija ta’ Channel 22? Tista’ l-Ministru tgħid meta din il-persuna ingħatat dan l-inkarigu, u x’tip ta’esperjenza kellha fis-settur tax-xandir qabel ingħatat dan l-inkarigu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li bħalissa tinsab inkarigata mit-tmexxija ta’ Channel 22 hi Bernardette Azzopardi li għandha Masters fl-Edukazzjoni. Ingħatat dan l-inkarigu fil-15 ta Mejju 2009.

Awtorità tad-Djar — housing estates

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24236, tista' l-Ministru tgħid f’liema lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex hawn housing estates li ma nbnewx mill-Awtorità tad-Djar u meta inbena kull housing estate? Kemm huwa n-numru ta’ units f’kull housing estate? Kemm minn dawn il-units huma b’kera u kemm huma proprjetà tas-sidien li jgħixu fihom, housing estate b’housing estate ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat, f’dan il-każ lill-Ministru responsabbli mill-Finanzi, Ekonomija u Investiment.

MCAST — student

Question

Tista' l-Ministru tara jekk student, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li ġej minn single parent u jmur l-MCAST jistax jieħu aktar stipendju għax kien hemm min infurmah li peress li ġej minn single parent huwa intitolat għal aktar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudent imsemmi jista’ japplika għal-għotja Supplimentari fl-istipendju tiegħu jekk kemm-il darba jimla l-formola u jehmeż il-provi meħtieġa u jgħaddihom lis-sezzjoni tal-istipendji ġewwa l-MCAST. Dawn l-applikazzjonijiet jitressqu quddiem l-iStudents Maintenance Grants Board għall-approvazzjoni tiegħu skont ir-regoli.

Proġett ta' Computer Systems and Computer Labs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta l-proġett ta’ Computers Systems and Computer Labs fl-Istitut tal-MCAST f’Għawdex (ERDF 066) skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-poġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min appprova l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhija l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ERDF 066 bl-isem ta’ Computer Systems and Computer Laboratories at MCAST ICT Institute, Malta/Gozo jikkonsisti f’xiri ta’ kompjuters biex jiġu armati 18-il laboratorju, li tlieta minnhom saru f’Għawdex. Il-kompjuters kollha nxtraw wara li ħarġet sejħa għall-offerti. Skont il- Grant Agreement , il-proġett kellu jibda f’Jannar tal-2007 u jispiċċa f’Ġunju tal-2009. Dan il-proġett spiċċa fl-ewwel kwart tal-2009 u għalhekk ma kellu bżonn l-ebda estensjoni. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi meta kellu jibda l-kuntratt, kemm skont il-kuntratt iffirmat kif ukoll skont il- grant agreement , kif ukoll meta kellu jispiċċa x-xogħol, kemm skont il-kuntratt iffirmat kif ukoll skont il- grant agreement , jekk ġiex rivedut, kif ukoll kummenti oħra. Ma ntilfu l-ebda flus għaliex dan il-proġett spiċċa qabel iż-żmien stipultat fil- grant agreement . Il-proġett huwa konkluż.

Eżitu dwar Investigazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tinforma lill-Parlament bl-eżitu tal-investigazzjoni indikata fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34303 mogħtija fl-24 ta' Ġunju 2002 f'Seduta 760 mill-allura Viċi Prim Ministru Lawrence Gonzi, illum Prim Ministru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li peress li ż-żewġ persuni nvoluti fl-investigazzjoni mietu fis-snin li għaddew, qabel ma ttieħdet deċiżjoni mill-Qorti, qatt ma kien hemm eżitu finali tal-każ li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant.

MCAST — Kors ta' Child Carer

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jagħmilx sens li fil-Kors ta' Child Carer fl-MCAST fl-ewwel sena kull student irid iġib distinction f'kull suġġett biex jitħalla jkompli l-kors? Possibbli li anke jekk jgħaddu fl-oqsma kollha ma jitħallewx ikomplu bit-taħriġ tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m’huwiex minnu li kull student irid iġib distiction f’kull suġġett biex jitħalla jkompli l-kors ta’ Child Carer ġewwa l-MCAST.

Żejtun, Wied il-Għajn u l-Fgura — xogħol fuq skejjel governattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol ta' natura kapitali sar fuq l-iskejjel kollha governattivi li jinsabu fiż-Żejtun, Wied il-Għajn u l-Fgura fl-aħħar tliet snin? Tista' tagħti l-informazzjoni skola, skola bl-ammont ta' nefqa kapitali u fiex kien jikkonsisti x-xogħol de quo?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħolijiet li saru f’dawn l-iskejjel matul l-aħħar tliet snin huwa kif indikat hawn taħt: Skola Primarja Ż ejtun · Tiswija fl-entratura tal-iskola u restawrar tal-faċċata; · Xogħol ta’ madum tal-lastiku fil-bitħa; · Xogħol ta’ wiċċ sintetiku fil-playground; u · Xogħol relatat mal-faċilitajiet sanitarji. In-nefqa kienet ta’ €39,055.50 Skola Sekondarja Ż ejtun · Bdil ta’ aluminium; · Xogħol relatat mal-faċilitajiet sanitarji u · Lockers In-nefqa kienet ta’ €33,777.27 Skola Primarja Fgura · Bini mill-ġdid ta’ link corridor sabiex jgħaqqad il-blokki flimkien u tiswijiet strutturali. In-nefqa kienet ta’ €22,121.34 Skola Primarja Marsascala · Sar xogħol biex tiżdied l-aċċessibilita. In-nefqa kienet ta’€6,206.89

Children Subsidy Scheme

Question

Tista' l-Ministru tgħid u tagħti rendikont a rigward iċ-childcare subsidy scheme?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din l-iskema offruta mill-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ hija miżura maħsuba biex toffri inċentiv lill-ġenituri li għandhom responsabbilta' għat-trobbija ta' tfal waqt li huma jitħarrġu fi ħdan il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ biex itejjbu il-prospetti tax-xogħol tagħhom u jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dan billi nipprovdu sussidju sostanzjali, għal perjodu ta' taħriġ, fuq is-servizz ta' kura tat-tfal waqt il-ħin ta' taħriġ offrut mill-Korporazzjoni. L-għażla taċ-ċentru ta’ kura tat-tfal hija f’idejn il-ġenitur applikant. Is-sussidju b' rata ta' €1.50 fis-siegħa qed jiġi offrut għat-tul taż-żmien tat-taħriġ. L-ammont ta' siegħat eligibli għas-sussidju se jiġu kkalkulati minn siegħa qabel sa siegħa wara l-ħin stipulat għal-kors tat-taħriġ. Dan l-aħħar l-iskema ġiet estiża ukoll għal dawk il-persuni li jieħdu ħsieb xi persuna anzjan/a. Minn Jannar 2010 il-Korporazzjoni irċeviet tliet applikazzjonijiet għal dan is-sussidju.

Istituti edukattivi — redo tal-eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'regoli jsegwu l-istituti edukattivi f'Malta, fostom l-istitut tal-biedja dwar redo ta' eżamijiet li studenti jkunu weħlu minnhom? Kemm-il darba dawn l-istudenti li jkunu weħlu minn xi eżami jkollhom l-opportunità li jerġgħu jagħmlu dan l-eżami? Huwa veru jew le li hemm istituti li jħallu l-istudenti tagħhom jagħmlu iktar minn redo wieħed ta' eżami li jkunu weħlu minnu u hemm istituti oħrajn li jħallu l-istudenti jpoġġu għal redo darba biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-regolamenti għall-korsijiet undergrduate u postgraduate tal-Università jgħoddu fil-fakultajiet, l-istituti u ċ-ċentri kollha tal-Università. Fl-Università, student f’kors undergraduate li jeħel għall-ewwel darba jista’ jagħmel valutazzjoni riparatorja fl-istess sena (f’Settembru) jekk ma jkunx weħel minn aktar minn 16-il kredtu ECTS. Jekk jerġa’ jeħel, u jkun weħel minn mhux aktar minn 10 kredti ECTS, huwa għandu l-għażla li jtella’ miegħu dawk is-suġġetti li weħel fihom għas-sena ta’ wara jew inkella jirrepeti s-sena kollha. Jekk jagħżel l-ewwel possibilità, matul din is-sena jrid bil-fors jgħaddi (jew fit-tielet jew fir-raba’ opportunità) mis-suġġetti li tella’ miegħu. Jekk ikun weħel minn aktar minn 10 kredti ECTS wara s-sessjoni riparatorja tal-eżamijiet ta’ Settembru hu jkun mitlub li jirrepeti s-sena. F’korsijiet postgraduate jekk student jeħel għandu ċans darba li joqgħod għall-eżami riparatorju. Il- policy ta’ l-MCAST dwar l-eżamijiet hi li kull student jingħata żewġ opportunitajiet biex jgħaddi mill-eżami jew assessment li jkun qed isirlu. Għalhekk dak l-istudent li jeħel fl-ewwel opportunita’ jingħata ċans ieħor biex jgħaddi wara li jkun ingħata feedback sħiħ u dettaljat dwar l-andament tiegħu f’dak l-eżami. Jekk il-kandidat jerġa ma jgħaddix minn dan it-tieni ċans huwa jiġi offrut li jirrepeti il- unit sħiħ b’attendenza fl’ewwel ċans li jkollu u b’hekk jerġa jingħata żewġ ċansijiet oħra. Kull student/a li jattendi/tattendi l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi jingħata/tingħata opportunita’ li terġa’ toqgħod għall-ezami ( re-sit ) f’każ li ma ġġibx il-marka meħtieġa. Jekk fir- re-sit jerġa’/terġa’ ma ġġibx il-marka meħtieġa allura l-istudent/studenta jingħata l-opportunita’ li jirrepeti ( re-do ) il- module konċernat. Kull student/a jingħata opportunita’ waħda ta’ re-sit u ta’ re-do module . Student/a jingħata opportunita’ oħra jew iżjed li jerġa jagħmel ( re-do ) il- module imma bi ħlas.

Skema ta' riġenerazzjoni ta' bini tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid fid-dawl taż-żewġ skemi b'risq ir-riġenerazzjoni fl-oqsma tal-bini tal-gvern bl-isem "Insaħħu l-Komunità" kemm mistenni li jingħata fi flus kull kunsill lokali biex jagħmel tajjeb għal spejjeż amministrattivi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għall-kundizzjonijiet mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 24288.

Skema ġdida ta' manutenzjoni ta' binjiet komuni tal-gvern

Question

Tista' l-Ministru tgħid, fid-dawl tal-iskema l-ġdida għal programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali tal-gvern, liema huma l-kunsilli lokali li diġà wasslu l-proposti bil-miktub lill-Awtorità tad-Djar, b'dettalji kollha magħmula mill-perit tal-istess kunsill? F'liema binjiet se jsir ix-xogħol, min se jibbenefika mix-xogħlijiet li hemm bżonn isiru? Fir-rigward ta' dawn id-dettalji min se jħallas għal dawn l-ispejjeż amministrattivi; il-kunsill jew il-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-ftehim uffiċċjali se jsir fit-tmiem dan ix-xahar, l-ebda kunsilli s’issa għadu m'għadda l-proposti bil-miktub imma huwa previst li dan isir matul ix-xhur minn Marzu sa Ġunju 2011.

Binijiet tal-gvern — skema ta' manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid, fid-dawl tal-iskema l-ġdida għal programm ta' manutenzjoni tal-partijiet komuni fil-binjiet residenzjali tal-gvern, fejn mistenni isir ix-xogħol u l-units f'dawn il-binjiet huma bil-kiri, x'jiġri meta ikun hemm unit li jinbiegħ lill-inkwilin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-programm tal-manutenzjoni l-Awtorità tad-Djar ser tagħmel l-ewwel manutenzjoni fil-binjiet kollha mingħajr spejjeż għall-ebda resident, kemm dawk li huma inkwilini kif wkoll dawk li huma privati

binjiet residenzjali tal-gvern — programm ta' manutenzjoni tal-partijiet il-komuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid, fid-dawl tal-iskema l-ġdida għall-programm ta' manutenzjoni tal-partijiet il-komuni tal-binjiet residenzjali tal-gvern, wara li jkun tlesta x-xogħol rikjest fil-partijiet il-komuni, min jagħmel tajjeb meta inkwilin jagħmel ilment għal xi problema fil-parti l-komuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif inhuwa stipulat fil-kundizzjonijiet, ser ikun hemm amministratur għal kull binja. Dan jara xi problemi li jista’ jkun hemm, f’każ ta’ diffikultà, l-amministrattur jidħol f’kuntatt ma’ Housing Officers tal-Awtorità tad-Djar.

binjiet residenzjali tal-gvern — programm ta' manutenzjoni tal-partijiet il-komuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid, fid-dawl tal-iskema l-ġdida għall-programm ta' manutenzjoni tal-partijiet il-komuni tal-binjiet residenzjali tal-gvern, x'possibilità hemm li lil xi inkwilini se togħlielhom l-kera?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux previst li minħabba dan ix-xogħol ta’ manutenzjonijiet ser togħla l-kera. Wara li jsir ix-xogħol kollu u jkun hemm l-għaqda tar-residenti, r-residenti jkunu responsabbli mill-manutenzjoni normali u preventiva waqt li l-Awtorità tad-Djar tkun responsabbli mill-manutenzjoni strutturali.

Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — servizz ta' mobile phone

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali li matul l-2010 ntnefqet għall-użu ta' servizzi tal-mobile phone mill-Ministeru, dipartimenti, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtha? Kemm kien in-numru ta' mobile phones in kwestjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.