Mellieħa – Triq il-Qortin – sejħa għall-offerti għall-wiċċ ġdid tat-triq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema jum, xahar u sena bejn l-2008 u l-2016 il-Gvern jew xi awtorità responsabbli ħarġet sejħiet għall-offerti sabiex isir wiċċ ġdid għal Triq il-Qortin fil-Mellieħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid tat-triq imsemmija kellu jsir fl-2012. Kienet ħarġet sejħa għall-offerti fl-1 ta’ Ġunju tal-istess sena. Madankollu, l-offerta tal-kuntratt lill-kuntrattur magħżul għal dan ix-xogħol ġiet ikkanċellata f’Settembru tal-istess sena. It-triq baqgħet ma saritx sakemm f’Novembru 2017 inbniet mill-ġdid kif kien meħtieġ, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali Mellieħa.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx il-każ li kuntrattur jew kuntratturi wara li kienu ngħataw id-dritt, wara sejħa pubblika, sabiex isir wiċċ ġdid għal Triq il-Qortin fil-Mellieħa f’xi sena bejn l-2008 u l-2013, dawn l-istess kuntrattur jew kuntratturi naqsu milli jwettqu x-xogħol bil-prezz mogħti fl-offerta oriġinali peress li fl-istess żmien kien hemm varjazzjoni fil-prezz internazzjonali taż-żejt?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid tat-triq imsemmija kellu jsir fl-2012. Kienet ħarġet sejħa għall-offerti f’Ġunju tal-istess sena. Madankollu, l-offerta tal-kuntratt lill-kuntrattur magħżul għal dan ix-xogħol ġiet ikkanċellata f’Settembru tal-istess sena. It-triq baqgħet ma saritx sakemm f’Novembru 2017 inbniet mill-ġdid kif kien meħtieġ, permezz ta’ kollaborazzjoni bejn Transport Malta u l-Kunsill Lokali Mellieħa.
L-għoti tal-kuntratt f’Settembru 2012 ġie kkanċellat wara li l-kuntrattur, li kien l-uniku wieħed li tefa’ l-offerta, ma ffirmax il-kuntratt offrut lilu minn Transport Malta. Dan il-kuntratt kien jirrifletti l-offerta li għamel l-istess kuntrattur u li kienet tikkompara tajjeb mal-istima tal-Awtorità għal dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-att pubbliku datat l-1 ta' Frar 2017, flimkien mad-dokumenti u l-pjanti kollha li jinsabu mehmuża mal-istess att u li permezz tiegħu l-Kummissarju tal-Artijiet ikkonċeda b'titolu ta' enfitewsi l-art tal-ITS f'San Ġiljan lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministeru responsabbli mit-turiżmu.
(Korrezzjoni: Ara Dokument PL 1897 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 133, nhar it-Tlieta, 19 ta' Ġunju 2018)
Xogħlijiet ta’ twaqqigħ/skavar f’siti f’żoni turistiċi – eżenzjoni mir-Regolament tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intalbu eżenzjonijiet mir-Regolamenti tal-2007 dwar l-Immaniġġar Ambjentali tas-Siti tal-Kostruzzjoni (Avviż Legali 295 tal-2007) sabiex ikunu jistgħu jitkomplew xogħlijiet ta' twaqqigħ u/jew skavar f'siti li jinsabu f'żoni turistiċi fil-perjodu bejn il-15 ta' Ġunju 2018 u t-30 ta' Settembru 2018? Jista' jgħid kemm ingħataw eżenzjonijiet, kemm-il talba ġiet miċħuda u kemm għadhom jinsabu pendenti? Jista' jagħti lista tas-siti u tal-lokalitajiet li għalihom intalbu l-imsemmija eżenzjonijiet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa ntalbu żewg ezenzjonijiet li għadhom qegħdin jiġu evalwati, waħda fi Triq ix-Xatt f’tas-Sliema u l-oħra fi Triq San Ġorg f’San Ġiljan.
Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena mis-sena 2011 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm irċieva ilmenti l-Uffiċċju dwar ir-Regolament tal-Bini (Building Regulation Office)? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn l-ilmenti u x'azzjoni ttieħdet dwarhom mill-Uffiċċju dwar ir-Regolamenti tal-Bini?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilmenti kienu jvarjaw minn titjir ta’ trab, nuqqas ta’ protezzjoni ta’ netting, ħsejjes eċċessivi u xogħol barra l-ħin permess. Kull ilment ġie trattat separatament u l-azzjoni li ttieħdet kienet skond il-mertu tiegħu. Infurmat li għas-snin 2011 – 2012 dan it-tagħrif ma kienx inżamm. Fl-2013 kien ikun hemm medja ta’ tlett rapporti kuljum. Fl-2014 dawn telgħu għall-medja ta’ ħamsa kuljum, fl-2015 dawn żdiedu għall-medja ta’ sebgħa kuljum, fl-2016 dawn telgħu għall-medja ta’ tmienja kuljum, fl-2017 telgħu għall-medja ta’ disgħa kuljum u baqgħu fl-istess livell fl-2018.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5855 fejn ġie kkonfermat li Transport Malta ma approvat l-ebda bollards fi Triq San Trofimu, Tas-Sliema, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se ssir investigazzjoni fuq il-bollards preżenti fi Triq San Trofimu mingħajr permess? Jista’ jgħid jekk dawn jissodisfawx il-kriterji ta' Transport Malta speċjalment fid-dawl li persuni bil-wheelchair, mhux possibbli li jgħaddu minħabba tali bollards? Jista’ jgħid jekk hux se tittieħed azzjoni sabiex dawn il-bollards jitneħħew?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li eżatt kif Transport Malta ivverifikat li dawn il- bollards kienu mingħajr permess, skattat investigazzjoni sabiex jitneħħa minnufih dak li huwa illegali.
Transport Malta – Studju dwar il-Bypass ta’ Ħ’Attard
Question
Jista’ l-Ministru jippubblika l-istudju ta’ Transport Malta (TM) dwar il-bypass ta’ Ħ’Attard? Jista’ jippubblika l-istudji (u t-TIS) fuq it-traffiku fl-inħawi tal-madwar il-bypass li qed tiġi proposta u li jinkludu fost postijiet oħra Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara? Meta saru dawn l-istudji?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onor. Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti.
Central Link Project jinkludi disinn ġdid tar-rotta sħiħa bejn l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali, lejn Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, r-Rabat u l-Imġarr. Permezz tiegħu ser jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u diversi bottlenecks, fosthom id-diffikultà ta’ Triq in-Nutar Zarb, fejn dawk kollha ġejjin min naħa tal-Mosta, Ta’ Qali u r-Rabat jkollhom jgħaddu minn lembut ta’ korsija waħda dejqa bil-bini maż-żewġ naħat. Ser jitneħħew ukoll ostakli li saru minn amminstrazzjonijiet preċedenti meta fl-inħawi ta’ Wied Inċita ċċekknu l-karreġġjati billi twessgħu is-central strips.
Bħalissa, dawn l-ostakli fir-rotta arterjali użata minn madwar 30,000 vettura kuljum qed joħolqu diffikultajiet kbar fl-ivjaġġar. Qed jolqtu ħażin ukoll lir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara, speċjalment minħabba l-ammont kbir ta’ karozzi li jgħaddu mit-toroq residenzjali dojoq fejn jgħixu, b’aktar riskji ta’ aċċidenti, kif ukoll storbju u tniġġis tal-arja.
Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ 10 kilometri ta’ bankini u passaġġi għall-mixi, żewġ kilometri ta’ korsiji għar-roti u 19,300 metru kwadru ta’ żoni bis-siġar u pjanti oħra (landscaped areas).
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti ta’ Central Link Project, li bħalissa qed jiġu diskussi ma’ dawk kollha konċernati.
L-istudju li qed isemmi l-Onorevoli Agius, Traffic Impact Assessment (TIS), isir meta jkun ser isir xi żvilupp ta’ bini, mhux meta jkunu se jiġu mtejba jew mibnija mill-ġdid it-toroq. TIS isir sabiex jistudja l-impatt ta’ bini ġdid, u l-użu tiegħu, fuq is-sistema tal-immaniġġjar tat-traffiku, u tat-toroq, madwar l-istess binja.
Waqt it-tfassil ta’ Central Link Project, Transport Malta wettqet diversi studji tekniċi, bħala parti minn proċess magħruf bħala Cost Benefit Analysis. Din l-analiżi ma tqisx biss l-impatt tal-infrastruttura tat-toroq ġodda proposti, iżda tqis ukoll proposti alternattivi, sabiex tiġi identifikata l-aktar waħda li ser ikollha benefiċċji għal dawk kollha involuti.
Dawn l-istudji tekniċi twettqu fix-xhur li għaddew, u waqt li kienu qed jiġu meqjusa pjanti u proposti differenti sabiex tinstab l-aħjar soluzzjoni. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji qed jiġu diskussi mal-awtoritajiet konċernati sabiex ikun jista’ jiġi ffinalizzat ir-rapport dwarhom. Ir-riżultati ta’ dawn l-istudji ser jifformaw parti mill-proċess pubbliku tal-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tittieħed deċiżjoni dwar il-permessi meħtieġa dwar dan il-proġett.
Madankollu, mir-riżultati tal-istudji tekniċi li diġa ġew ikkonfermati, nistqarr li l-proġett ser iwassal għal tnaqqis drastiku ta’ 50% fil-ħin tal-ivvjaġġar bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali, li jfisser tnaqqis kbir fid-diffikultajiet tar-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara. L-istudji jħarsu wkoll lejn xenarji tal-futur, u jikkonfermaw li jekk l-infrastruttura tal-inħawi tibqa’ kif inhi, il-ħin tal-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi ser jiżdied b’250%.
L-istudji jikkonfermaw ukoll li permezz ta’ Central Link Project, it-tniġġis tal-arja mill-karozzi ser jonqos bi 13%. Jekk ma jsir xejn, fi-snin li ġejjin it-tniġġis ser jittripplika, b’żieda ta’ 300%.
Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara – Traffic Counts minn Transport Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta Transport Malta għamlet traffic counts tal-vetturi fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara? Fejn saru? Jista’ jippubblikahom?
Response (BORG, IAN)
Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5986, nikkonferma wkoll li t-traffic counts meħtieġa sabiex jitfassal Central Link Project saru f’Novembru 2017, fi ġranet tax-xogħol. L-istudju sar permezz ta’ tagħmir diġitali li jkejjel l-ammont ta’ vetturi, it-tip ta’ vetturi u tagħrif ieħor relatat, li tpoġġa fi sbatax-il post differenti fl-inħawi tal-proġett, f’ħinijiet differenti tal-jum. Intużaw ukoll l-automatic traffic counters ta’ Transport Malta li jikkontrollaw is-sistemi tat-traffic lights fl-istess inħawi, sabiex it-tagħrif miksub ikun iċċekkjat u kkonfermat minn sorsi differenti. B’kollox, waqt l-istudju fi ġranet differenti nġabar tagħrif dwar il-moviment ta’ aktar min 191,500 vettura. 93% ta’ dawn il-vetturi kienu vetturi żgħar, waqt li l-kumplament kienu vetturi kbar, bħal trakkijiet.
It-tagħrif kollu miksub minn dawn l-istudji kompla jikkonferma li l-pjan propost mill-Gvern huwa l-għażla li toffri l-aktar benefiċċji għal dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi u għar-residenti li jgħixu fihom.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun ‘il bogħod (f’metri) il-bypass ta' Ħ'Attard mir-residenti li joqogħdu f'dawn it-toroq: Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcuti u Triq Oliver Agius? Jista’ jgħid jekk humiex ippjanati li jsiru sound barriers fi Triq Tumas Chetcuti, Triq Ferdinand Inglott u Triq Oliver Agius?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti.
Kieku l-Gvern żamm mal-pjanijiet tal-amministrazzjoni preċedenti tal-2006, kieku kien ser ikun hemm ħafna aktar teħid ta’ art u vetturi fl-inħawi tat-toroq residenzjali msemmija – Triq Ferdinand Inglott, Triq Tumas Chetcui u Triq Oliver Agius.
Permezz ta’ Central Link Project, it-toroq residenzjali msemmija ser jinbnew mill-ġdid. F’ħafna bnadi, fejn huwa teknikament possibbli, it-triq ewlenija ġdida, b’żewġ korsiji biss minflok erbgħa jew sitta kif ippjanat fl-2006, ser tkun aktar baxxa mit-toroq residenzjali. Fl-istess waqt, bejn it-triq arterjali u t-toroq residenzjali ser ikun hemm żoni ta’ siġar u pjanti, landscaped area, li jkomplu jbiegħdu ż-żona residenzjali miż-żewġ korsiji tat-triq arterjali. It-tnaqqis drastiku fl-ammont ta’ korsiji oriġnarjament proposti (minn sitta għal tnejn), id-differenza fl-għoli bejn it-triq residenjali u dik arterjali u ż-żoni ta’ siġar u pjanti li ser issir bejn iż-żewġ toroq ser iservu bħala acoustic barriers li jnaqqsu l-ħsejjes milli jolqtu ħażin liż-żoni residenzjali.
It-triq residenzjali ser ikollha wkoll spazji ta’ parkeġġ għar-residenti.
Permezz ta’ Central Link Project, ir-residenti ta’ Ħ’Attard, Ħal Balzan u Birkirkara ser igawdu minn tnaqqis ta’ 13% fit-tniġġis tal-arja mill-karozzi.
Tagħrif ieħor mitlub jinsab fil-pjanti tal-proġett, impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se tkun wiesa’ l-bypass ta' Ħ'Attard? Jista’ jgħid kemm se jkun hemm metri min-nofs it-triq sa kull naħa fejn jibda l-bini u d-djar tar-residenti jew l-għelieqi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti.
Il-Bypass imsemmija mill-Onorevoli Agius, hekk kif ippjanata mill-amministrazzjoni tal-2006, kien se jkollha wisa’ sa sitt korsiji, tlieta’ f’kull direzzjoni. Central Link Project, li qed jiġi propost mill-Gvern, ser tinkludi biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji minflok is-sitt korsiji ppjanati fl-2006.
Tagħrif ieħor mitlub jinsab fil-pjanti tal-proġett, impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra, bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.
Ħ’Attard – proġett ta’ bypass – Kamra protetta f’Wied Inċita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bil-proġett tal-bypass ta' Ħ'Attard, hux se tiġi affettwata l-kamra protetta li tinsab f'Wied Inċita?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
Fil-fatt, permezz ta’ Central Link Project, dan il-Gvern qed jipproponi li minflok Bypass sħiħa ta’ erba’ jew sitt korsiji ssir biss karreġġjata waħda b’żewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti.
Filwaqt li d-diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati dwar Central Link Project għadhom għaddejja, nixtieq niżgura li jekk xi strutturi protetti jkunu ser jiġu affettwati, l-awtoritajiet konċernati ser jieħdu l-passi kollha sabiex jissalvagwardjawhom, bħal ma sar fi proġetti infrastrutturali simili f’postijiet oħra.
Ħ’Attard – parking spaces fi Triq Tumas Chetcuti, Ferdinand Inglott u Oliver Agius
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun hemm parking spaces fi Triq Tumas Chetcuti, Triq Ferdinand Inglott u Triq Oliver Agius hekk kif titlesta l-bypass ta' Ħ’Attard? Jista’ jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li juri kif ġej il-parkeġġ f’dawn it-toroq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Bypass f’Ħ’Attard kien tfassal fl-2006 minn amministrazzjoni preċedenti. Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li f’dan il-proġett il-Gvern ma qabadx u kkopja l-pjan ta’ Gvern preċedenti tal-2006, li kien jinkludi Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji.
M’huwiex magħruf kemm kien se jkun hemm spazji ta’ parkeġġ għar-residenti fil-Bypass ta’ bejn erba’ u sitt korsiji li kien ippjana Gvern preċedenti fl-2006.
Jekk l-Onorevoli Agius qed jirreferi għal Central Link Project, li tħabbar ftit tal-ġimgħat ilu, tajjeb jiġi ċċarat li b’dan il-proġett li qed jipproponi l-Gvern, minflok il-Bypass sħiħa b’erba’ jew sitt korsiji kif ippjanat fl-2006, ser isiru biss ¿ewġ korsiji u triq residenzjali ġdida b’diversi faċilitajiet li jħarsu l-ambjent tar-residenti. It-toroq imsemmija ser jinbnew mill-ġdid u ser ikollhom diversi faċilitajiet ġodda, fosthom spazji ta’ parkeġġ adekwati mal-ġnub tal-istess toroq. Fl-istess waqt, f’ħafna bnadi, fejn huwa teknikament possibbli, it-triq arterjali (b’¿ewġ korsiji minflok sitta) li ser tinbena bi dritt dawn it-toroq ser tkun aktar baxxa. Bejn it-toroq residenzjali msemmija u t-triq arterjali, ser ikun hemm ukoll spazji bis-siġar u pjanti oħra (landscaped area).
Il-pjanti mitluba diġa ġew impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5986.
Jista' l-Ministru jgħid x'ġara preċizament u x'seta’ mar ħażin biex il-ħajt li tela' b'mod stramb u suspettuż fil-bypass tal-Mellieħa (biex insterqet parti mill-istess bypass) issa qed jitkisser, anke fid-dawl li sa ftit jiem ilu l-Ministru stess fil-Parlament kien aċċerta lill-Kamra li kollox kien qed isir skont il-pjanti li hu stess kien poġġa fuq il-Mejda tal-Kamra ma’ mistoqsija parlamentari 5153?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq Louis Wettinger, magħrufa bħala l-Bypass tal-Mellieħa, miexi b’ritmu mgħaġġel u mistenni jitlesta sas-sajf, kif ippjanat.
Dan l-investiment b’valur ta’ madwar €2 miljun, qed isir wara li l-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali laqa’ suġġerimenti tal-Kunsill Lokali Mellieħa u ta’ persuni oħra li jużaw din it-triq u talab lil Transport Malta tikkunsidra li tiddisinja l-pjanti tat-triq mill-ġdid sabiex issir aktar sikura, mingħajr ma tidjieq, kif kien ippjanat li jsir qabel.
B’dan il-proġett, is-sigurtà għal dawk kollha li jużaw din it-triq qed tissaħħaħ permezz ta’ tagħmir ġdid ta’ crash barriers mal-ġnub tal-karreġġjata, u central strip ġdida bil-crash barriers fin-nofs, bejn il-korsiji f’direzzjonijiet opposti. Fl-istess waqt, it-triq kollha, li sal-lum qatt ma kienet imdawla, ser ikollha sistema ġdida ta’ lampi fuq arbli.
Minbarra l-erba’ korsiji għall-karozzi, tnejn f’kull direzzjoni, din il-Bypass ser ikollha wkoll korsija għar-roti b’tul ta’ 1.4 kilometri. Fl-aħħarnett, dan il-proġett jinkludi wkoll disinn ġdid ta’ uħud mill-junctions bejn din it-triq u toroq oħra li jinfdu magħha, fosthom it-triq tal-Miżieb u toroq oħra li jwasslu għaż-żoni residenzali tal-Mellieħa.
Il-pjanijiet oriġinali għad-disinn mill-ġdid tal-Bypass tal-Mellieħa, imfassla snin ilu, kienu jinkludu t-tneħħija ta’ waħda mill-erba’ korsiji tal-Bypass bħala miżura ta’ sigurtà. Fil-fatt, partijiet oħra ta’ dan il-Bypass kif ukoll toroq oħra fl-istess rotta bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa, diġa ċċekknu għal tliet jew żewġ korsiji minn amministrazzjonijiet preċedenti.
Hekk kif diġa spjegajt waqt intervent fis-seduta Parlamentari ta’ nhar il-Ħamis 24 ta’ Mejju, waqt it-twettiq ta’ dan il-proġett, il-periti ta’ Transport Malta nnutaw li jekk isir intervent addizzjonali biex it-triq titwessa ftit ieħor, ikun jista’ jkompli jitnaqqas ir-riskju ta’ aċċidenti f’din iż-żona, biswit waħda mill-junctions tal-Bypass. Dan seta’ jsir billi titwessa ftit it-triq fuq art naturali fuq naħa waħda, jew billi tiġi mmodifikata triq residenzjali pubblika li qed tinbena fl-istess ħin minn żviluppatur privat, skont pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar, fuq in-naħa l-oħra tal-Bypass.
Tlabt lil Transport Malta sabiex tevita li twessa t-triq fuq żoni naturali u minflok tagħmel it-titjib meħtieġ fin-naħa tat-triq residenzjali, li setgħet tiġi aġġustata faċilment peress li għadha f’fażi ta’ żvilupp. Dan it-titjib addizzjonali sar fi żmien qasir sabiex il-proġett seta’ jitkompla skont kif ippjanat.
Tajjeb jiġi ċċarat li l-ħajt li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Cutajar ma seraq xejn, għaliex kemm it-triq resienzjali kif ukoll il-Bypass kienu u għadhom propjetà pubblika. Meta jitlestew l-iżviluppi kollha mis-sidien differenti tal-artijiet f’din iż-żona, din it-triq residenzjali ġdida ser tifforma parti minn Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, li tinsab fl-istess inħawi, biex ma tibqax sqaq iżda triq tinfed mal-qalba tal-lokalità. B’hekk issir aktar aċċessibbli għar-residenti li jgħixu fiha.
Mellieħa – Triq Lewis Wettinger – permessi u pjanti ta’ ħajt
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi u l-pjanti oriġinarjament approvati tal-ħajt li tela' fil-Bypass tal-Mellieħa li permezz tiegħu nsterqet parti mill-istess Bypass biex setgħet issir service road (liema service road kienet indikata mill-Ministru stess f'risposta għall-mistoqsija parlamentari 4634)?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħajt li qed jirreferi għalih ma seraq l-ebda art. Il-ħajt imsemmi sar minn kuntrattur privat, sabiex tiġi ffurmata triq residenzjali skont il-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar, u skont il-liġijiet applikabbli għall-iffurmar ta’ toroq residenzjali ġodda. Din it-triq residenzjali eventwalment ser tifforma parti minn Triq l-Iżbark tal-Franċiżi, triq residenzjali fl-inħawi li bħalissa ma tinfidx. B’hekk ir-residenti ta’ din it-triq ikollhom aċċess aħjar għall-qalba tal-Mellieħa.
Kemm l-art tal-Bypass kif ukoll l-art tat-triq residenzjali ġdida kienu u għadhom proprjetà pubblika.