Legislature:
Category:
Reset
Active:

inċineratur tal-Marsa — rendikont tal-kampjun

Question

Billi paragrafu 4B tad-direttiva relevanti tal-Unjoni Ewropea li jirregola l-inċineratur tal-Marsa jispeċifika li għandhom jinżammu kampjuni tal-iskart għallinqas xahar wara l-inċinerazzjoni, jista' l-Ministru jagħti rendikont lill-istess Kamra tal-kampjuni tal-aħħar xahar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

inċineratur tal-Marsa — waste aċċettat għall-ħruq

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra dwar x’inhi l-proċedura ta’ kif l-inċineratur tal-Marsa jivverifika x’tip ta’ waste jkun hemm fl-iskips? Jew biex inkun aktar speċifiku qabel jaċċetta l-waste x’informazjoni jitlob u jekk dan isirx skont artiklu 4 paragrafu 3 tad-direttiva relevanti? Jista' f’dan il-każ il-Ministru jgħid ukoll kif jaċċetta l-waste?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Sistema fotovoltaika

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk xi ħadd li stalla diġa' sistema fotovoltaika u applika għall-grant jistax fil-ħames snin minn kemm ilu li stalla is- servizzi jigi kkunsidrat favorevolment jekk jagħmel upgradingtas-sistema fotovoltaika tiegħu on grounds of policy?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-iskema ta’ għotjiet fuq sistemi ta’ pannelli fotovoltajċi hi finanzjata mill-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, permezz tar-Regolament tal-Kunsill Ewropew Numru 1083/2006 maħruġa fil-11 ta’ Lulju 2006. Dan ir-regolament, li ħa post ir-Regolament Numru 1260/1999, fassal il-proviżjonijiet ġenerali dwar kif jitħaddmu l-fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni. Skont Artiklu 57 ta' dan ir-regolament, “L-Istat Membru jew l-awtorità ta' ġestjoni għandhom jiżguraw li operazzjoni tibqa' tgawdi l-kontribuzzjoni mill-Fondi biss jekk dik l-operazzjoni, fi żmien ħames snin mid-data tat-tlestija ta' l-operazzjoni ... ma tgħaddix minn modifiki sostanzjali ... li taffettwa n-natura jew il-kondizzjonijiet ta' l-implementazzjoni ....” Għaldaqstant dan ifisser li ma jistax isir upgrading ta’ sistema ta’ pannelli fotovoltajċi fl-ewwel ħames snin mill-installazzjoni tagħha.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — rapport ta' ħidma

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' ħidma tat-tielet sena ta' din il-leġislatura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan id-dokument qiegħed fuq il-website www.opm.gov.mt/hidma3_ministeri?I=2 mandankollu qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument mitlub.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — vakanzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi hemm fid-Dipartimenti, uffiċini kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru u x'sejħiet jew applikazzjonijiet huma maħsuba li joħorġu fix-xahrejn li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sejħiet għal applikazzjonijiet jinħarġu b’mod regolari skont il prerogattiva tas-servizz

permessi għall-ġbir ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li trid tkun segwita biex kumpanija jkollha l-permessi meħtieġa biex tiġbor l-iskart li jista' jiġi riċiklat? Fejn trid tapplika? X'inhuma r-rekwiżiti biex jingħata dan il-permess? Xi ħlasijiet hemm f'tariffi għall-għoti ta' dan il-permess?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li r-responsabbilta' tal-ħruġ ta' dawn il-permessi jaqgħu taħt il-MEPA. Għaldaqstant nistieden l-Onorevoli Membru tindirizza l-mistoqsija tagħha kif indikat.

Qatla tal-Majjal fil-Biċċerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-qatla tal-majjal fil-biċċerija tal-gvern, ġimgħa b’ġimgħa matul ix-xahar ta’ Marzu għas-snin 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Makkinarju fil-biċċerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm–il darba sar tibdil fil-makkinarju fil-biċċerija tal-gvern bejn l-2004 u llum? Jista jagħti d-dati ta’ kull meta sar dan it-tibdil, jgħid x’kien it-tibdil li sar u jagħti raġuni għaliex sar dan it-tibdil? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża kull darba li sar xi tibdil u lil min ingħata x-xogħol neċċessarju li kellu jsir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Artijiet għall-kultivazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24735 u jgħid jekk għandux il-ħsieb li jalloka bċejjeċ ta’ art għall-iskopijiet li jiġu kkultivati kif jagħmlu f’pajjiżi oħrajn bħall-Ingilterra permezz ta’ allotments filwaqt li jiġi żgurat li dawn jintużaw għall-iskopijiet oriġinali tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Membru li skema bhal din giet introdotta fl-20 t’April bl-isem Midd Idejk fil-Biedja. Din l-inizjattiva hija ntiża biex aktar persuni jitħajru jibdew imiddu jdejhom fil-biedja. L-art, filwaqt li tintuza sabiex jiġu kkultivati xi prodotti tal-ortikultura bħall-frott, ħxejjex u anke fjuri għall-konsum personali, isservi wkoll sabiex tagħti esperjenza fis-settur lill-dawk li jixtiequ jisfruttaw karriera fil-biedja. Għal dan il-għan, ħamest itmiem raba fl-Għammieri nqasmu f’50 parcel żgħir ta’ art biex il-persuni interessati jkunu jistgħu jużaw din l-art biex jikkultivaw prodott agrikolu b’metodu organiku. Dawk li ser japplikaw għal din l-iskema ser ikollhom sapport kontinwu sabiex il-kultivazzjoni tagħhom tkun ta’ suċċess kif ukoll ser ikun offrut lilhom taħriġ neċessarju sabiex isiru aktar midħla tal-kultivazzjoni agrikola b’metodi organiċi. L-applikazzjonijiet jibqghu miftuhin sa nhar il-Hamis 5 ta’ Mejju fuq bażi ta’ first come first served. Ta’ min għid ukoll li dan huwa proġett pilota u jekk ikun suċċess din l-iskema tiġi estiża.

Inċineratur tal-Marsa — health assessment

Question

Billi l-inċineratur tal-Marsa jinsab tliet metri 'l bogħod mill-biċċerija nazzjonali ta’ pajjiżna, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi health assessment jew health risk assessment li seta' ġie kkummissjonat mill-Ministeru tiegħu jew conjointly mal-Ministeru tas-Saħħa flimkien ma' xi tip ta' contingency plans li seta' għamel il-Ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niinforma lill-Onorevoli Interpellant li kien żbaljat meta asserixxa li l-inċineratur tal-Marsa jinsab biss tliet metri 'l bogħod mill-biċċerija, nirreferih għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 29378 tal-Għaxar Leġiżlatura.

inċineratur tal-Marsa — skart li jinħaraq

Question

Fir-rigward tal-inċineratur tal-Marsa, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra dwar x’inhi s-sistema ta’ kif jintgħażel l-iskart biex jinħaraq? X’inhi l-istandard operating procedure ta’ kif jintgħażel il-waste? Kif u fuq liema kriterju tintagħżel il-waste stream, jew l-iskart jinħaraq on a first come first burn basis? Jekk le, fejn jiġi storjat il-waste kliniku?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-iskart jinħaraq skond il-klassifikazzjoni tiegħu, hekk kif iddikjarat fuq il-consignment note, iżda fi kwantita’ li żżomm it-temperatura stabbli biex l-emissjonijiet ikunu fil-parametri stipulati. L-istandard operating procedure bħalissa hija li 90% tal-iskart ikun mill-biċċerija u private slaughter houses, u 10% ikun skart kliniku, skart mediku u skart ieħor. L-iskart jinħaraq matul l-istess ġurnata li jidħol fil-faċilità jew jinħazen fil-kontenituri mkessha sa ma jkun hemm il-faċilità qed topera b’mod normali.

animal by product waste and clinical waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hija l-awtorità kompetenti uffiċjali sabiex tirregola l-animal by product waste and clinical waste?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtorità kompetenti uffiċċjali li tirregola animal by-product huwa d-Dipartiment tar-Regolazzjoni tal-Biedja u s-Sajd

Tas-Sliema — chalet - kostruzzjoni tal-istil art nouveau

Question

B'referenza għall-kostruzzjoni tal-istil art nouveau li kienet magħrufa komunement bħala x-Chalet f'Tas-Sliema, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra: a) kemm ilha li ġiet imġarrfa; b) jekk il-fondament li hemm illum humiex proprjetà tal-gvern jew inkella l-pussess tagħhom huwiex f'idejn terzi? B'liema titolu; ċ) jekk il-gvern għandux ħsieb li flokk iħalli t-tiġrif li indubbjament huwa eye-sore meta mqabbel mas-sħubija taż-żona, jinċentiva b'xi mod jagħmel xi tip ta' żvilupp konsonanti max-Chalet l-antik jew xort'oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proprjetà msemmija ma taqax taħt ir-respomsabbiltà ta' dan il-Ministeru. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Bidnija — Triq Sagra Familja - tindif ta' ħaxix ħażin

Question

Jista' l-Ministru jara li jsir tindif mill-ħaxix ħażin li hemm fi Triq Sagra Familja fil-Bidnija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà għat-tindif fil-lokalitajiet kienet ġiet devoluta lill-kunsilli lokali.

Dipartiment tas-Sajd — Operat tal-Fish Farms

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-frekwenza ta' moniteraġġ li d-Dipartiment tas-Sajd jagħmel dwar l-operat tal-fish farms madwar Malta? Jista' jgħid x'attrezzament għandu dan id-Dipartiment sabiex jagħmel dan il-moniteraġġ? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport ta' moniteraġġ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-moniteraġġ imsemmi jsir fuq bażi regolari bi frekwenza ta’ mill-inqas darba fil-ġimgħa minn naħa tad-Direttorat għall-Kontroll tas-Sajd bl-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta. Tajjeb li jingħad li l-iSpetturi tas-Sajd ikunu preżenti waqt l-attivitajiet prinċipali kollha li jsiru fuq il-farms. L-iskop prinċipali ta’ dan il-moniteraġġ huwa li jkun żgurat li l-attivitajiet kollha fuq il-farms isiru kif stipulat mill-liġijiet kemm nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni Ewropeja Sabiex dan il-moniteraġġ jkun jista’ jsir aħjar għar-rigward tal-verifikazjoni tal-piż tal-ħut, inxtarat stereoscopic camera li għandha tasal Malta dalwaqt. Id-Direttorat għall-Kontroll tas-Sajd jimxi skont National Control Action Plan li fih hemm stipulat x’monitoraġġ għandu jsir, liema proċeduri jridu jkunu mplimentati, u x’dokumenti għandhom jintlew. Jeżistu rapporti varji skond l-ispezzjonijiet li jsiru. Dawn jinżammu fid-Direttorat tal-Kontroll tas-Sajd u jkunu sottomessi lill-Kummisjoni Ewropeja hekk kif stipulate bil-ligi. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jindika għall-liema rapport ta’ moniteraġġ partikolari qiegħed jirreferi.

Boreholes reġistrati — meters

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25073 u jgħid x'inhu l-ammont ta' boreholes reġistrati f'Malta u Għawdex separatament? Jista' jgħid fuq kemm boreholes twaħħlu meters s'issa kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija 22606, ninsab infurmat li f' Malta gew reġistrati/notifikati 5,710 sors ta ilma ta' taħt l-art, filwaqt li f' Għawdex hemm 2,282. Dawk il-boreholes li huma konformi mal-parametri stabbiliti fl-Avviż Legali 241 tal-2010 se jitwaħħlilhom il-meter filwaqt dawk li mhumiex iridu jingħalqu. Għalhekk, preżentement l-ikbar prijorita hija li l-boreholes mhux eliġibbli jiġu magħluqa biex jitwaħħlu biss il-meters meħtieġa f'dawk li huma konformi ma' l-Avviż Legali. F'dan is-sens, l-Awtorita ta' Malta għar-Riżorsi diġa ħarġet madwar 200 ittra lill-proprjetarji ta' boreholes fi djar privati biex dawn jingħalqu. L-għeluq tagħhom irid isir fi żmien 60 ġurnata mill-ħruġ ta' dawn l-ittri u kull proprjetarju jkun irid jissottometti dikjarazzjoni f'dan is-sens iċċertifikata minn perit. Fil-każ ta' sorsi għall-użu agrikolu, f' Ottubru 2010 nħarġet sejħa biex dawk il-bdiewa u raħħala produttivi li għandhom aċċess għall-ilma tal-pjan biex jgawdu minn finanzjament għall-ispejjeż tal-meter u l-istallazzjoni tiegħu mill-Unjoni Ewropeja taħt miżura 125 tal-Pjan għall-Iżvilupp Rurali. Fid-dawl tal-fatt li numru ta' boreholes u spieri agrikoli li għalihom għandhom aċċess aktar minn utent wieħed, ġie deċiż li jitwaħħlu meters li jaħdmu permezz ta' sistema ta' card readers. Preżentement il-proċess għax-xiri permezz ta' sejħa ta' offerti tal-meters u card readers qiegħed fi stadju avvanzat.

Ħal Qormi — treqja biex tiġi irranġata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trejqa rurali li tagħti minn Triq Pietru Felici f'Ħal Qormi għal Triq Għar Ram f'Ħaż Żebbuġ hijiex responsabbiltà tal-gvern? Jista' l-Ministru jara li din it-trejqa tiġi rranġata u mnaddfa minħabba li hija l-unika aċċess rurali li hemm bejn dawn iż-żewġ irħula u li minnha jgħaddu ħafna residenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabiltà ta’ toroq bħal dawn li mhumiex arterjali jew distributorji kienet devoluta lill-kunsill lokali.

Bajja ta' Għar Lapsi — ħsarat strutturali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu l-awtoritajiet konċernati biex il-ħsarat strutturali li hemm fil-bajja ta' Għar Lapsi jiġu mneħħija? Xi studju sar s'issa fuq din il-problema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru kkommissjona studju minn Periti u Geoloġista fejn kienu mqabbda jispezjonaw is-sit. Dawn l-esperti sabu li l-blat f’parti mill-bajja kien jirrapreżenta periklu għall-pubbliku. F’dan ir-rigward ittieħdet azzjoni biex l-aċċess għall-pubbliku fil-partijiet meqjusa perikolużi , jinghalqu b’chain link fence. F’partijiet oħra tal-bajja tneħħa xi materjal li kien jitqies bħala li hu fil-periklu mminenti li jista’ jaqa’. Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi da parti tiegħu ukoll qabbad Perit biex jagħmel rapport tekniku dwar din il-problema. Sadanittant l-istess kunsill lokali, ressaq talba lis-Segretarjat Parlamentari responsabli għall-Kunsilli Lokali biex isir stħarriġ kiex jiġu identifikati sors ta’ fondi possibbli li permezz tagħhom huma jkunu jistghu jagħmlu x-xogħol meħtieġ biex tissolva din il-problema

Sussidju ta' tadam proċessat

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-pagament tas-sussidju għat-tadam proċessat tal-2010 peress li għadu ma tħallasx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi bħal issa qed jiġi konkluż l-eżerċizzju ta’ awditjar u verifikazjoni fuq it-tadam tal-iprocessar imkabbar matul is-sena l-oħra. Huwa mistenni li dan l-eżerċizzju jintemm fil-ġimgħat li ġejjin u għalhekk dawn il-pagamenti mhux mistennija li jitħalsu aktar tard mill-aħħar ta' Ġunju.

Animal Welfare Department fl-Għammieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kif inhu s-setup tal-Animal Welfare Department fl-Għammieri? b) xi staff għandu u min huma d-diriġenti? ċ) x'inhuma r-responsabbiltajiet ta' dawn id-diriġenti? d) kif intgħażlu u jekk kienx hemm sejħa pubblika biex issir l-għażla? e) x'inhuma l-kwalifiki u l-esperjenzi fil-qasam tal-animal welfare ta' dawn id-diriġenti magħżula jew appuntati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istruttura organizzjonali fid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, il-Promozzjoni u s-Servizzi hija magħmula kif ġej: 1. Direttur 2. Manager, AWP 3. Uffiċjali għall-Ħarsien Xieraq tal-Annimali 4. Staff Amministrattiv, Sapport u Klerikali Ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizzjonijiet ta’ Direttur u ta’ Manager għadhom vakanti u għaldaqstant id-Direttur Ġenerali qiegħed jassumi direttament din ir-responsabbiltà. Għal dawn il-pożizzjonijiet inħarġet sejħa pubblika.